L-Aħbar Tajba Skont Ġwanni 6:1-71
6 Wara dan, Ġesù mar lejn in-naħa l-oħra tal-baħar tal-Galilija, li jgħidulu wkoll Tiberija.
2 U folla kbira baqgħet tmur warajh, għax bdiet tara l-mirakli li kien qed jagħmel biex ifejjaq il-morda.
3 Għalhekk, Ġesù telaʼ fuq muntanja u qagħad bilqiegħda hemm mad-dixxipli tiegħu.
4 Issa kien wasal il-Qbiż, il-festa tal-Lhud.
5 Meta Ġesù ra li folla kbira kienet sejra lejh, hu staqsa lil Filippu: “Minn fejn se nixtru l-ħobż għal dawn in-nies?”
6 Ġesù kien diġà jaf x’se jagħmel, imma staqsieh hekk biex ikun jaf x’qed jaħseb.
7 Filippu wieġbu: “Lanqas 200 dinar* ħobż mhuma biżżejjed biex kull wieħed jieħu xi ħaġa żgħira.”
8 Wieħed mid-dixxipli, Indrì ħu Xmun Pietru, qallu:
9 “Hawn tifel żgħir li għandu ħames ħobżiet tax-xgħir* u żewġ ħutiet żgħar. Imma dawn mhuma xejn għal dawn in-nies kollha.”
10 Ġesù qal: “Għidulhom joqogħdu bilqiegħda.” Peress li kien hemm ħafna ħaxix, dawn qagħdu bilqiegħda. Kien hemm madwar 5,000 raġel.
11 Ġesù ħa l-ħobż, irringrazzja lil Alla, u qassmu lil dawk li kienu bilqiegħda. Hu għamel l-istess bil-ħut żgħir, u dawn kielu u xebgħu.
12 Wara dan, hu qal lid-dixxipli tiegħu: “Iġbru dak li fadal ħalli ma jinħela xejn.”
13 U minn dak li ħallew mill-ħames ħobżiet imlew 12-il qoffa.
14 Meta n-nies raw il-mirakli li għamel, huma bdew jgħidu: “Dan żgur li hu l-Profeta li kellu jiġi fid-dinja.”
15 Peress li Ġesù kien jaf li dalwaqt kienu se jaqbduh biex jagħmluh re, hu reġaʼ mar lejn il-muntanja waħdu.
16 Filgħaxija, id-dixxipli tiegħu niżlu ħdejn il-baħar,
17 telgħu fuq dgħajsa, u bdew jaqsmu għal Kafarnahum. Sadanittant dalam u Ġesù kien għadu ma marx ħdejhom.
18 Ukoll, il-baħar beda jitqawwa, għax kien hemm riħ qawwi.
19 Imma meta kienu qadfu madwar ħames jew sitt kilometri,* huma raw lil Ġesù miexi fuq il-baħar u riesaq lejn id-dgħajsa. Dawn bdew jibżgħu,
20 imma hu qalilhom: “Jien Ġesù, tibżgħux!”
21 Għalhekk, huma riedu jtellgħuh fuq id-dgħajsa, u fi ftit ħin waslu fejn kienu sejrin.
22 L-għada, il-folla li kienet in-naħa l-oħra tal-baħar rat li kien hemm dgħajsa żgħira biss, u li Ġesù ma kienx mad-dixxipli tiegħu meta telqu bid-dgħajsa.
23 Imma xi dgħajjes minn Tiberija waslu ħdejn il-post fejn kienu kielu l-ħobż wara li l-Mulej irringrazzja lil Alla.
24 Għalhekk, meta n-nies raw li Ġesù u d-dixxipli tiegħu ma kinux hemm, huma telgħu fuq dawn id-dgħajjes u marru Kafarnahum ifittxu lil Ġesù.
25 Meta sabuh in-naħa l-oħra tal-baħar, huma staqsewh: “Rabbi,* meta ġejt hawn?”
26 Ġesù wiġibhom: “Bla dubju, intom ġejtu tfittxuni għax kiltu l-ħobż u xbajtu, u mhux għax rajtu l-mirakli.
27 Taħdmux għall-ikel li jispiċċa imma aħdmu għall-ikel li ma jispiċċax u li jagħti l-ħajja taʼ dejjem, li jien, Bin il-bniedem, se nagħtikom. Għax Alla, il-Missier tas-sema, approvani biex nagħmel dan.”*
28 Għalhekk staqsewh: “Xi rridu nagħmlu biex inkunu approvati minn Alla?”
29 Ġesù wiġibhom: “Biex ikollkom l-approvazzjoni t’Alla, tridu turu fidi fija, il-wieħed li bagħat.”
30 Imbagħad huma qalulu: “Allura x’miraklu se tagħmel, ħalli nkunu nistgħu narawh u nemmnuk? X’se tagħmel?
31 L-antenati tagħna kielu l-manna fid-deżert, bħalma hemm miktub fl-Iskrittura, ‘Hu tahom il-ħobż mis-sema.’”
32 Ġesù mbagħad qalilhom: “Naċċertakom li Mosè ma takomx il-ħobż mis-sema, imma issa Missieri qed jagħtikom il-ħobż veru mis-sema.
33 Għax il-ħobż t’Alla hu dak li niżel mis-sema u qed jagħti l-ħajja lid-dinja.”
34 Għalhekk qalulu: “Mulej, agħtina dejjem minn dan il-ħobż.”
35 Ġesù qalilhom: “Jien il-ħobż li jagħti l-ħajja. Kull min jiġi għandi qatt ma jaqbdu l-ġuħ, u kull min juri fidi fija qatt ma jaqbdu l-għatx.
36 Imma kif għedtilkom, intom rajtuni imma xorta m’emmintux.
37 Dawk kollha li jagħtini l-Missier se jiġu warajja, u jien qatt mhu se nkeċċihom.
38 Għax jien inżilt mis-sema biex nagħmel li jrid dak li bagħatni, u mhux li rrid jien.
39 Dak li bagħatni jrid li ma nitlef lil ħadd minn dawk li tani, imma li nirxoxtahom fl-aħħar jum.
40 Missieri jrid li kull min jaċċetta lili, l-Iben, u juri fidi fija jkollu l-ħajja taʼ dejjem, u jien nirxoxtah fl-aħħar jum.”
41 Imbagħad il-Lhud bdew igergru fuqu għax qal: “Jien il-ħobż li ġie mis-sema.”
42 Huma bdew jistaqsu: “Dan mhux Ġesù t-tifel taʼ Ġużeppi? Aħna nafuhom lil missieru u lil ommu. Allura kif qed jgħid li ġie mis-sema?”
43 Ġesù qalilhom: “Tibqgħux tgergru bejnietkom.
44 Ħadd ma jistaʼ jiġi għandi jekk il-Missier li bagħatni ma jiġbdux lejja, u lil dan jien nirxoxtah fl-aħħar jum.
45 Il-profeti kitbu, ‘Kollha kemm huma se jiġu mgħallmin minn Ġeħova.’* Kull min semaʼ mill-Missier u tgħallem, jiġi għandi.
46 Ebda bniedem ma ra lill-Missier, ħlief jien, li ġej minn Alla. Jien biss rajtu lill-Missier.
47 Naċċertakom li kull min jemmen ikollu l-ħajja taʼ dejjem.
48 “Jien il-ħobż li jagħti l-ħajja.
49 L-antenati tagħkom kielu l-manna fid-deżert u xorta mietu.
50 Imma kull min jiekol mill-ħobż li niżel mis-sema, ma jmutx.
51 Jien il-ħobż li niżel mis-sema u li jagħti l-ħajja. Jekk xi ħadd jiekol minnu jgħix għal dejjem. Fil-fatt, il-ħobż li se nagħti hu ġismi li se noffrih biex in-nies ikunu jistgħu jgħixu.”*
52 Imbagħad il-Lhud bdew jargumentaw bejniethom u jgħidu: “Dan kif qed jgħid li se jagħtina l-ġisem tiegħu biex nikluh?”
53 Għalhekk Ġesù qalilhom: “Naċċertakom li jekk ma tiklux il-ġisem tiegħi u ma tixorbux id-demm tiegħi, Bin il-bniedem, ma jkollkomx il-ħajja.*
54 Kull min jiekol mill-ġisem tiegħi u jixrob mid-demm tiegħi se jkollu l-ħajja taʼ dejjem, u jien nirxoxtah fl-aħħar jum.
55 Għax il-ġisem tiegħi hu l-ikel veru u d-demm tiegħi x-xorb veru.
56 Jien u kull min jiekol il-ġisem tiegħi u jixrob id-demm tiegħi nibqgħu magħqudin.
57 Bħalma jien ngħix minħabba l-Missier li hu ħaj u bagħatni, min jiekol il-ġisem tiegħi ukoll se jgħix minħabba fija.
58 Dan hu l-ħobż li ġie mis-sema. Mhuwiex bħal dak li kielu l-antenati tagħna u li mbagħad mietu. Kull min jiekol minn dan il-ħobż se jgħix għal dejjem.”
59 Hu qal dan waqt li kien qed jgħallem f’sinagoga* f’Kafarnahum.
60 Meta semgħu dan, ħafna mid-dixxipli tiegħu qalu: “Dan il-kliem hu tal-biżaʼ, ma rridux nisimgħuh!”
61 Imma Ġesù, peress li kien jaf li d-dixxipli tiegħu kienu qed igergru dwar dan, qalilhom: “Qed titilfu l-fidi minħabba dan?*
62 Mela kemm iktar li kieku taraw lili, Bin il-bniedem, tielaʼ lura fejn kont qabel!
63 Hu l-ispirtu li jagħti l-ħajja. In-nies ma jistax ikollhom il-ħajja bis-saħħa tagħhom stess.* Dak li għedtilkom ġej mill-ispirtu qaddis u jagħti l-ħajja.
64 Imma hemm xi wħud minnkom li ma jemmnux.” Għax Ġesù kien jaf mill-bidu min huma dawk li ma jemmnux u min kien se jittradih.
65 Hu kompla jgħid: “Hu għalhekk li għedtilkom li ħadd ma jistaʼ jiġi għandi jekk ma jkunx irid iġibu l-Missier.”
66 Minħabba f’hekk, ħafna mid-dixxipli tiegħu marru lura għal dak li kienu ħallew warajhom u ma baqgħux jimxu warajh.
67 Għalhekk, Ġesù qal lit-Tnax: “Ma tridux tmorru intom ukoll, hux?”
68 Xmun Pietru wieġbu: “Mulej, għand min tridna mmorru? Int tgħallem dwar kif jistaʼ jkollna l-ħajja taʼ dejjem.
69 Aħna emminna u sirna nafu li int il-Qaddis t’Alla.”
70 Ġesù wiġibhom: “Mhux jien kont li għażilt lilkom it-Tnax? Imma wieħed minnkom hu bħax-xitan.”*
71 Infatti, hu kien qed jitkellem dwar Ġuda t-tifel taʼ Xmun l-Iskarjota, għax dan kien se jittradih għalkemm kien wieħed mit-Tnax.
Noti taʼ taħt
^ Jiġifieri barley.
^ Jew “Għalliem.”
^ Jew “approvani b’siġill.”
^ Letteralment “għall-ħajja tad-dinja.”
^ Letteralment “m’għandkom l-ebda ħajja fikom.”
^ Jew “jgħallem pubblikament f’assemblea.”
^ Letteralment “Ifixkilkom dan?”
^ Letteralment “Il-ġisem ma jiswa għal xejn.”
^ Il-kelma Griega “xitan” tirreferi għal persuna li tħassar ir-reputazzjoni tajba taʼ xi ħadd ieħor.”