L-Ewwel Ittra taʼ Ġwanni 2:1-29

  • Ġesù hu s-sagrifiċċju li jeħlisna mid-dnub u jgħinna nkunu ħbieb m’Alla (1, 2)

  • Nobdu l-kmandamenti tiegħu (3-11)

    • Liġi antika u ġdida (7, 8)

  • Raġunijiet għala nkitbet l-ittra (12-14)

  • Tħobbux id-dinja (15-17)

  • Twissija kontra l-antikrist (18-29)

2  Għeżież tfal tiegħi, qed niktbilkom dawn l-affarijiet ħalli ma tagħmlux dnub. Imma jekk xi ħadd jagħmel dnub, għandna xi ħadd ġust mal-Missier li se jgħinna.* Dan hu Ġesù Kristu.  Hu s-sagrifiċċju biex jeħlisna mid-dnub u jgħinna jkollna ħbiberija m’Alla.* Hu jagħmel dan mhux għad-dnubiet tagħna biss imma għad-dnubiet tad-dinja kollha wkoll.  Jekk nibqgħu nobdu l-kmandamenti tiegħu, ikun jidher ċar li sirna nafuh.  Dak li jgħid: “Sirt nafu,” imma ma jobdix il-kmandamenti tiegħu, hu giddieb u mhux qed jgħid il-verità.  Imma meta xi ħadd jobdi l-kelma taʼ Kristu, imbagħad ikun jidher b’mod ċar li hu vera jħobb lil Alla. B’hekk, se nkunu nafu li aħna dixxipli tiegħu.  Dak li jgħid li se jibqaʼ dixxiplu tiegħu, ikollu jibqaʼ jgħix bħalma għex Ġesù.  Għeżież ħuti, m’iniex nagħtikom kmandament ġdid, imma qed nitkellem magħkom dwar kmandament antik li kellkom mill-bidu. Dan il-kmandament antik hu l-kelma li smajtu.  Imma qed niktbilkom kmandament ġdid, kmandament li hu obda u li intom qed tobdu wkoll, għax id-dlam qed jispiċċa u d-dawl veru diġà qed jiddi.  Dak li jgħid li qiegħed fid-dawl imma jobgħod lil ħuh, għadu fid-dlam. 10  Min iħobb lil ħuh jibqaʼ fid-dawl, b’hekk xejn ma jfixklu.* 11  Imma min jobgħod lil ħuh qiegħed fid-dlam u qed jimxi fid-dlam. Hu ma jafx fejn sejjer, għax id-dlam għamieh. 12  Għeżież tfal tiegħi, qed niktbilkom għax id-dnubiet tagħkom ġew maħfurin minħabba ismu. 13  Missirijiet, qed niktbilkom għax sirtu tafu lil dak li hu mill-bidu. Żgħażagħ, qed niktbilkom għax irbaħtu lix-Xitan.* Tfal, qed niktbilkom għax sirtu tafu lill-Missier. 14  Missirijiet, qed niktbilkom għax sirtu tafu lil dak li hu mill-bidu. Żgħażagħ, qed niktbilkom għax intom b’saħħitkom, temmnu fil-kelma t’Alla, u rbaħtu lix-Xitan.* 15  Tħobbux id-dinja u lanqas l-affarijiet tagħha. Jekk xi ħadd iħobb id-dinja, ma jħobbx lill-Missier, 16  għax kulma hemm fid-dinja mhux ġej mill-Missier, imma mid-dinja. Dawn l-affarijiet huma x-xewqat tal-ġisem, ix-xewqat tal-għajnejn, u li wieħed jiffanfra b’li għandu. 17  Iktar minn hekk, id-dinja u x-xewqat tagħha se jispiċċaw, imma min jagħmel dak li jrid Alla se jgħix għal dejjem. 18  Tfal, ma tantx fadal żmien. Intom smajtu li l-antikrist* ġej, u issa hawn ħafna antikristijiet, b’hekk nafu li ma tantx fadal żmien. 19  Huma kienu fostna imma telquna, għax ma kinux it-tip tagħna;* għax kieku kienu t-tip tagħna, kienu jibqgħu magħna. Imma huma telquna biex jintwera li mhux kulħadd hu t-tip tagħna. 20  Imma intom intgħażiltu* mill-qaddis, u kollha kemm intom għandkom l-għarfien. 21  Qed niktbilkom mhux għax ma tafux il-verità, imma għax tafuha, u għax ebda gidba ma tiġi mill-verità. 22  Min jirrifjuta li Ġesù hu l-Kristu, hu giddieb. Dan hu l-antikrist, dak li jirrifjuta lill-Missier u lill-Iben. 23  Kull min jirrifjuta lill-Iben m’għandux ħbiberija tajba mal-Missier. Imma kull min jgħid li jemmen fl-Iben għandu ħbiberija tajba mal-Missier ukoll. 24  Imma intom għandkom tagħmlu dak li smajtu mill-bidu. Jekk tagħmlu hekk, intom ukoll se tibqgħu mal-Iben u mal-Missier. 25  Iktar minn hekk, hu stess wegħedna l-ħajja taʼ dejjem. 26  Qed niktbilkom dawn l-affarijiet għax hemm xi nies li qed jipprovaw iqarrqu bikom. 27  Imma intom ġejtu magħżulin minn Alla permezz tal-ispirtu tiegħu, u dan jibqaʼ fikom. B’hekk m’għandkom bżonn lil ħadd min jgħallimkom għax Alla juża l-ispirtu tiegħu biex jgħallimkom dwar kollox, u dan hu veru u mhux gidba. B’hekk ibqgħu miegħu bħalma l-ispirtu għallimkom biex tagħmlu. 28  Għeżież tfal tiegħi, ibqgħu miegħu ħalli jkollna l-libertà tal-kelma u ma nitbegħdux minnu għax nistħu meta jidher u meta jerġaʼ jiġi lura. 29  Jekk tafu li hu tajjeb, tafu wkoll li kull min jagħmel it-tajjeb ikun it-tifel t’Alla.

Noti taʼ taħt

Jew “li hu avukat.”
Jew “hu sagrifiċċju propizjatorju għal dnubietna.”
Jew forsi “b’hekk ma jfixkilx lil oħrajn.”
Letteralment “lill-Ħażin.”
Letteralment “lill-Ħażin.”
Jew “ma kinux bħalna.”
Letteralment “ġejtu midlukin.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.