It-Tieni Ittra lill-Korintin 7:1-16

  • Nitnaddfu minn kulma jniġġisna (1)

  • Pawlu jifraħ bil-Korintin (2-4)

  • Titu jġib rapport tajjeb (5-7)

  • Dwejjaq u ndiema li jogħġbu lil Alla (8-16)

7  Għalhekk maħbubin, la għandna dawn il-wegħdi ħa nitnaddfu minn kulma jniġġes il-ġisem u l-ispirtu, biex b’hekk insiru iktar qaddisin hekk kif nirrispettaw ħafna lil* Alla.  Uru li tħobbuna.* Aħna m’għamilna ħsara lil ħadd, ma qarraqna b’ħadd, u ma pprofittajna ruħna minn ħadd.  Mhux qed ngħid dan biex nikkundannakom. Għax qabel għedt li la l-mewt u lanqas il-ħajja mhu se jibdlu l-fatt li nħobbukom.  Jien nitkellem magħkom b’libertà kbira u nħossni kburi ħafna bikom. Jien ġejt inkuraġġit ħafna, u minkejja li qegħdin inbatu, jien ferħan ħafna.  Fil-fatt, meta wasalna l-Maċedonja, ma sibniex mistrieħ, imma bqajna nbatu b’kull mod, għax in-nies kienu qed jiħduha kontrina u wkoll konna inkwetati dwar il-kongregazzjonijiet.  Imma Alla, li jinkuraġġixxi* lil dawk taʼ qalbhom sewda, inkuraġġiena biż-żjara* taʼ Titu.  Apparti minn hekk, aħna ġejna inkuraġġiti wkoll bl-inkuraġġiment li rċieva hu minħabba fikom. Hu qalilna li xtaqtu tarawni, kemm kontu ddispjaċuti, u li ħsibtu fija.* Għalhekk jien fraħt iktar.  Għalhekk, anki jekk għamiltilkom id-dwejjaq bl-ittra tiegħi, ma jiddispjaċinix. Għall-ewwel jien kont imdejjaq minħabba dan, imma naf li intom kontu mdejqin għal ftit biss.  Issa qed nifraħ mhux għax kontu mdejqin, imma għax dan wassalkom biex tindmu. Għax intom kellkom tip taʼ dwejjaq li jogħġob lil Alla, għalhekk ma batejtux il-ħsara minħabba fina. 10  Dejjem se joħroġ il-ġid meta wieħed juri li hu mdejjaq b’mod li jogħġob lil Alla, għax dan iwasslu biex jindem u jsalva. Imma li wieħed juri li hu mdejjaq bħan-nies tad-dinja se jwasslu għall-mewt. 11  Jidher ċar li intom kontu mdejqin bil-mod li jogħġob lil Alla, u għalhekk għamiltu sforz kbir biex tagħmlu dak li hu tajjeb. Intom ħdimtu biex ikollkom reputazzjoni tajba, kontu ddiżappuntati bil-ħażin li għamiltu, irrispettajtu ħafna lil* Alla, ridtu tindmu, qdejtu lil Alla mill-qalb, u rranġajtu l-ħażen li għamiltu. Sar kollox kif suppost biex titranġa l-problema. 12  Jien ma ktibtilkomx għal min għamel il-ħażen u lanqas għal min bata minħabba l-ħażen taʼ ħaddieħor, imma biex turu lil xulxin u lil Alla li lesti li tobduna. 13  Hu għalhekk li ġejna inkuraġġiti. Imma apparti l-inkuraġġiment, aħna fraħna ħafna iktar minħabba l-ferħ taʼ Titu, għax kollha kemm intom għentuh iħossu aħjar. 14  Jien ftaħart bikom miegħu u ma ġejtx iddiżappuntat. Bħalma l-affarijiet kollha li għednielkom kienu veri, anki dak li ftaħarna bih maʼ Titu hu veru. 15  Ukoll, hu sar iħobbkom ħafna iktar meta jiftakar kif kollha kemm intom obdejtu u kif ilqajtuh b’rispett kbir. 16  Jien nifraħ għax għandi fiduċja sħiħa fikom.*

Noti taʼ taħt

Letteralment “nibżgħu minn.”
Jew “Agħmlu l-wisaʼ għalina f’qalbkom.”
Jew “ifarraġ.”
Letteralment “bil-preżenza.”
Letteralment “iż-żelu tagħkom għalija.”
Letteralment “bżajtu minn.”
Jew forsi “għax nistaʼ nkun kuraġġuż minħabba fikom.”