Ekkleżjasti 4:1-16
4 Erġajt ikkunsidrajt il-moħqrija kollha li ssir taħt ix-xemx. Rajt id-dmugħ taʼ dawk li jiġu maħqurin, u ma kien hemm ħadd li jinkuraġġihom. Dawk li jaħqruhom kellhom il-qawwa, u għalhekk ma kien hemm ħadd li jinkuraġġihom.
2 U ndunajt li n-nies li kienu diġà mietu huma aħjar minn dawk li għadhom ħajjin.
3 Jerġaʼ dawk li għadhom ma twildux huma aħjar minnhom it-tnejn, għax dawn ma rawx l-affarijiet ħżiena li saru taħt ix-xemx.
4 Rajt ukoll kemm ikun hemm xogħol iebes u tas-sengħa meta jkun hemm il-pika bejn in-nies. Anki dan hu bla sens, qisu ġiri wara r-riħ.
5 L-istupidu joqgħod b’idejh marbutin u jmut bil-ġuħ.*
6 Aħjar ftit mistrieħ milli ħafna xogħol iebes* u ġiri wara r-riħ.
7 Ikkunsidrajt eżempju ieħor t’affarijiet bla sens taħt ix-xemx:
8 Hemm min hu waħdu u m’għandu lil ħadd; la tfal u lanqas aħwa, imma l-ħin kollu jaħdem iebes. Hu dejjem irid iktar ġid. Imma hu ma jistaqsix lilu nnifsu, ‘Għal min qed naħdem iebes u nċaħħad lili nnifsi minn affarijiet tajbin’? Anki dan bla sens u xogħol frustranti.
9 Tnejn aħjar minn wieħed, għax ikollhom premju sabiħ* għax-xogħol iebes tagħhom.
10 Għax jekk wieħed minnhom jaqaʼ, l-ieħor jistaʼ jgħinu. Imma x’jiġri lil min jaqaʼ u ma jkollux min jgħinu?
11 Iktar minn hekk, jekk tnejn jimteddu ħdejn xulxin huma jżommu sħan, imma wieħed waħdu kif jistaʼ jżomm sħun?
12 Xi ħadd jistaʼ jegħleb lil wieħed waħdu, imma tnejn flimkien jistgħu jiddefendu lilhom infushom kontrih. Ħabel bi tlieta ma jistax jinqataʼ malajr.*
13 Aħjar tifel fqir imma għaref milli re li għandu ż-żmien imma stupidu, li m’għadux jagħti kas it-twissijiet.
14 Għax hu* ħareġ mill-ħabs biex isir re, avolja kien twieled fqir taħt it-tmexxija tar-re li għandu ż-żmien.
15 Jien ikkunsidrajt x’jiġri mill-ħajjin kollha li jimxu taħt ix-xemx u mir-re żagħżugħ li qiegħed minflok ir-re l-ieħor.
16 Għalkemm hemm ħafna li jappoġġawh, dawk li jiġu wara mhux se jieħdu pjaċir bih. Anki dan bla sens, qisu ġiri wara r-riħ.
Noti taʼ taħt
^ Letteralment “jiekol laħmu stess.”
^ Letteralment “id bil-mistrieħ milli żewġ idejn b’xogħol iebes.”
^ Jew “iktar benefiċċji.”
^ Jew “faċilment.”
^ Jistaʼ jkun qed jirreferi għat-tifel għaref.