Atti—Dak li Għamlu l-Appostli 18:1-28
18 Wara, hu telaq minn Ateni u mar Korintu.
2 Hu sab Lhudi jismu Akwila li twieled il-Pontu u l-mara tiegħu Prixilla. Huma kienu għadhom kemm ġew mill-Italja għax Klawdju kien ikkmanda lil-Lhud kollha biex jitilqu minn Ruma. Għalhekk, hu mar għandhom,
3 qagħad id-dar tagħhom, u ħadem magħhom peress li kellhom l-istess sengħa li jagħmlu t-tined.
4 Kull Sabat hu kien jagħti taħdita* fis-sinagoga u jikkonvinċi lil-Lhud u l-Griegi biex jemmnu f’dak li qed jgħid.
5 Meta Sila u Timotju telqu mill-Maċedonja u waslu Korintu, Pawlu uża l-ħin kollu tiegħu biex jipprietka l-messaġġ u jagħti prova lil-Lhud li Ġesù hu l-Kristu.
6 Imma wara li n-nies baqgħu jopponuh u jgħajruh, hu farfar il-ħwejjeġ u qalilhom: “Intom se tkunu ħatjin għal dak li se jiġrilkom. Jien m’iniex ħati. Mil-lum ’il quddiem jien se mmur għand in-nies taʼ popli oħra.”
7 Għalhekk, telaq minn hemm* u mar id-dar taʼ Tizju Ġustu, li kien jaqdi lil Alla. Id-dar tiegħu kienet viċin is-sinagoga.
8 Imma Krispu, il-mexxej tas-sinagoga, u dawk kollha fil-familja tiegħu saru dixxipli tal-Mulej. U ħafna Korintin li semgħu l-aħbar tajba bdew jemmnu u jitgħammdu.
9 Iktar minn hekk, Pawlu kellu viżjoni billejl li fiha l-Mulej qallu: “Tibżax, imma ibqaʼ tkellem u taqtax qalbek,
10 għax għad għandi ħafna nies x’jinġabru fil-belt. Għalhekk, jien se nkun miegħek u ħadd mhu se jattakkak u jagħmillek il-ħsara.”
11 Għalhekk hu qagħad hemm għal sena u nofs jgħallimhom dak li jgħid Alla.
12 Meta Galljon kien prokonslu* tal-Akaja, il-Lhud ftiehmu, attakkaw lil Pawlu, u ħaduh fil-post fejn isir ġudizzju.
13 Huma qalu: “Dan ir-raġel qed jikkonvinċi lin-nies biex iqimu lil Alla b’mod li jmur kontra l-liġi.”
14 Imma hekk kif Pawlu kien se jitkellem, Galljon qal lil-Lhud: “Li kieku dan ir-raġel għamel xi ħaġa ħażina jew xi att kriminali serju, ikun jagħmel sens li nismagħkom bil-paċenzja.
15 Imma jekk mhux qed taqblu fuq xi kliem, ismijiet, jew il-liġi tagħkom, dak arawh intom. Jien ma nixtieqx niġġudika dawn l-affarijiet.”
16 Għalhekk keċċiehom mill-post fejn isir ġudizzju.
17 Dawk kollha li kien hemm qabdu lil Sostene, il-mexxej tas-sinagoga, u bdew isawtuh quddiem il-post fejn isir ġudizzju. Imma Galljon ma ndaħalx.
18 Madankollu, wara li Pawlu għamel xi żmien hemm, hu sellem lill-aħwa u telaq bil-baħar lejn is-Sirja ma’ Prixilla u Akwila. Hu qataʼ xagħru qasir f’Kenkre, għax kien għamel wegħda.
19 Meta waslu Efesu, l-oħrajn qagħdu l-belt, imma Pawlu mar fis-sinagoga jirraġuna mal-Lhud.
20 Għalkemm baqgħu jitolbuh biex jibqaʼ iżjed hemm, hu ma riedx
21 imma sellmilhom u qalilhom: “Jekk Ġeħova* jrid, nerġaʼ niġi għandkom.” Hu telaq bil-baħar minn Efesu
22 u mar Ċesarija. Hu telaʼ* u żar għal ftit lill-kongregazzjoni, imbagħad niżel Antjokja.
23 Wara li qattaʼ xi żmien hemm, hu telaq u mar isaħħaħ lid-dixxipli kollha minn post għal ieħor fil-Galazja u l-Friġja.
24 F’Efesu wasal Lhudi jismu Apollo, li kien minn Lixandra. Hu kien jinqalaʼ biex jitkellem u kien jafha sew l-Iskrittura.
25 Hu kien ġie mgħallem xi jrid Ġeħova,* u permezz tal-ispirtu qaddis, hu kien żeluż ħafna u beda jitkellem u jgħallem b’mod eżatt dwar Ġesù, imma hu kien jaf biss bil-magħmudija taʼ Ġwanni.
26 Hu beda jitkellem bil-kuraġġ fis-sinagoga, u meta Prixilla u Akwila semgħuh, ħaduh magħhom u spjegawlu aħjar it-tagħlim t’Alla.
27 Meta Apollo ried imur l-Akaja, l-aħwa kitbu lid-dixxipli u ħeġġewhom biex jilqgħuh b’qalb tajba. Għalhekk, meta wasal hemm, kien t’għajnuna kbira għal dawk li kienu saru dixxipli minħabba l-qalb tajba kbira t’Alla.
28 Hu għamel dan billi b’determinazzjoni kbira wriehom mill-Iskrittura li Ġesù hu l-Kristu, b’hekk ta prova fid-dettall quddiem kulħadd li l-Lhud kienu żbaljati.
Noti taʼ taħt
^ Jew “hu kien jirraġuna magħhom.”
^ Jiġifieri s-sinagoga.
^ Il-gvernatur Ruman taʼ provinċja. Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
^ Milli jidher lejn Ġerusalemm.