Atti—Dak li Għamlu l-Appostli 7:1-60
7 Imma l-qassis il-kbir qal: “Veru dan?”
2 Stiefnu wieġeb: “Isimgħu, aħwa u missirijiet. L-Alla l-glorjuż deher lill-antenat tagħna Abraham waqt li dan kien fil-Mesopotamja, qabel ma mar joqgħod f’Ħaran,
3 u qallu, ‘Itlaq minn artek u minn ħdejn qrabatek u mur fl-art li se nurik.’
4 Imbagħad ħareġ mill-art tal-Kaldin u mar joqgħod f’Ħaran. Wara li miet missieru, Alla ggwidah biex jiġi joqgħod f’din l-art li qed tgħixu fiha intom.
5 Madankollu, hu ma ħa l-ebda wirt fiha, lanqas daqs pala taʼ sieq. Imma Alla wiegħed li jagħtiha lilu u lid-dixxendenti tiegħu* avolja kien għadu bla tfal.
6 Iktar minn hekk, Alla qallu li d-dixxendenti tiegħu* se jkunu barranin f’art li mhix tagħhom u li n-nies se jagħmluhom ilsiera u jaħqruhom għal 400 sena.
7 Alla qal: ‘Jien se niġġudika lill-poplu li se jiħodhom bħala lsiera. U wara dan huma se joħorġu minn dik l-art u jqimuni f’dan il-post.’
8 “Ukoll, Alla għamel patt taʼ ċirkonċiżjoni miegħu, u Abraham kellu lil Iżakk u għamillu ċ-ċirkonċiżjoni fit-tmien ġurnata, u Iżakk kellu lil* Ġakobb, u Ġakobb kellu 12-il tifel li saru kapijiet tal-familji.*
9 U l-kapijiet tal-familji bdew jgħiru għal Ġużeppi u bigħuh lill-Eġizzjani. Imma Alla kien miegħu,
10 u ħelsu mit-tbatija kollha tiegħu. Hu tah l-għerf u għenu jkollu l-approvazzjoni tal-Fargħun, ir-re tal-Eġittu, u dan inkarigah biex imexxi fuq l-Eġittu u jieħu ħsieb il-palazz tiegħu.
11 Imma ġie żmien taʼ ġuħ kbir fl-Eġittu u Kangħan, u n-nies kienu qed ibatu ħafna. Missirijietna ma setgħux isibu x’jieklu.
12 Però, Ġakobb semaʼ li kien hemm l-ikel* fl-Eġittu u hu bagħat lil missirijietna hemm.
13 Meta marru t-tieni darba, Ġużeppi qal lil ħutu min kien, u l-Fargħun sar jaf lill-familja taʼ Ġużeppi.
14 Għalhekk, Ġużeppi bagħat jgħid lil missieru Ġakobb u lil dawk kollha li jiġu minnu biex jitilqu minn Kangħan. B’kollox kienu 75 ruħ.
15 Għalhekk, Ġakobb mar l-Eġittu u baqaʼ hemm sa ma miet, u anki missirijietna mietu hemm.
16 Dawn ittieħdu Sikem u tqiegħdu fil-qabar li Abraham kien xtara għal somma flus tal-fidda mingħand it-tfal taʼ Ħamor f’Sikem.
17 “Hekk kif kien qed joqrob iż-żmien biex isir dak li Alla wiegħed lil Abraham, l-Iżraelin kienu żdiedu ħafna fl-Eġittu.
18 Imbagħad laħaq re ieħor fl-Eġittu li ma kienx jaf lil Ġużeppi.
19 Dan għamel pjan mill-agħar kontra missirijietna u ġegħelhom jabbandunaw lit-trabi tagħhom ħalli jmutu.
20 F’dak iż-żmien twieled Mosè u hu kien gustuż anki f’għajnejn Alla. U ħadu ħsiebu għal tliet xhur fid-dar taʼ missieru.
21 Imma meta ġie abbandunat, it-tifla tal-Fargħun ħaditu u rabbietu qisu t-tifel tagħha.
22 Għalhekk, Mosè rċieva l-aqwa edukazzjoni fl-Eġittu.* Fil-fatt, hu kien jitkellem b’mod effettiv u jagħmel affarijiet tal-għaġeb.
23 “Meta kellu 40 sena ddeċieda li jmur iżur lil* ħutu l-Iżraelin.
24 Meta ra wieħed qed jiġi ttrattat ħażin, hu ddefendieh u vvendika ruħu billi qatel lill-Eġizzjan.
25 Hu ħaseb li ħutu se jifhmu li Alla kien se jsalvahom permezz tiegħu, imma huma ma fehmux.
26 L-għada hu mar ħdejhom waqt li tnejn minnhom kienu qed jiġġieldu, u pprova jgħinhom biex jagħmlu paċi billi qalilhom, ‘Intom aħwa. Għala qed tittrattaw lil xulxin ħażin?’
27 Imma dak li kien qed jittratta ħażin lil sieħbu mbottah u qallu: ‘Min laħħqek bħala mexxej u mħallef fuqna?
28 Ma tridx toqtolni bħalma qtilt lill-Eġizzjan ilbieraħ, hux?’
29 Xħin semaʼ hekk, Mosè ħarab u mar jgħix bħala barrani fl-art taʼ Midjan. Hemmhekk kellu żewġ subien.
30 “Wara 40 sena, deherlu anġlu fid-deżert tal-Muntanja Sinaj fi fjamma taʼ għollieqa taqbad.
31 Meta Mosè raha, hu baqaʼ mbellah. Imma hekk kif resaq qrib biex jara x’qed jiġri, hu semaʼ lil Ġeħova* jgħid:
32 ‘Jien l-Alla taʼ missirijietek, l-Alla t’Abraham, taʼ Iżakk, u taʼ Ġakobb.’ Mosè beda jitriegħed u m’ażżardax iħares lejha.
33 Ġeħova* qallu: ‘Neħħi s-sandli, għax qiegħed fuq art qaddisa.
34 Jien rajt lin-nies tiegħi jiġu maħqurin fl-Eġittu, smajthom jibku, u nżilt biex neħlishom. Issa ejja ħa nibagħtek l-Eġittu.’
35 Għalkemm huma bl-ebda mod m’aċċettaw lil Mosè billi qalu: ‘Min laħħqek bħala mexxej u mħallef?’ Alla lilu għażel biex imexxihom u jeħlishom. Dan għamlu permezz tal-anġlu li deherlu fl-għollieqa.
36 Dan ir-raġel ħariġhom mill-Eġittu u għamel affarijiet tal-għaġeb u mirakli fl-Eġittu, ħdejn il-Baħar l-Aħmar, u fid-deżert għal 40 sena.
37 “Dan hu l-istess Mosè li qal lill-Iżraelin, ‘Alla se jagħtikom minn fost ħutkom profeta bħali.’
38 Dan hu l-wieħed li kien mal-poplu t’Iżrael fid-deżert. Hu kien hemm mal-anġlu li kellmu fuq il-Muntanja Sinaj u maʼ missirijietna. Hu rċieva l-messaġġ t’Alla li jagħti l-qawwa biex jagħtih lilna.
39 Missirijietna ma ridux jobduh, u warrbuh. Huma xtaqu l-affarijiet tal-Eġittu
40 u qalu lil Aron: ‘Agħmlilna allat biex jiggwidawna. Għax ma nafux x’sar minnu dan Mosè, li ħariġna mill-art tal-Eġittu.’
41 Għalhekk, f’dawk il-ġranet għamlu idolu forma taʼ barri żgħir* u ħadulu sagrifiċċju. Huma għamlu festa biex jiċċelebraw dak li għamlu.
42 Għalhekk, Alla telaqhom u ħalliehom iqimu lix-xemx, il-qamar, u l-istilel, bħalma hemm miktub fil-ktieb tal-Profeti: ‘Nies t’Iżrael, intom mhux lili għamiltuhom l-offerti u s-sagrifiċċji għal 40 sena fid-deżert.
43 Minflok intom ġarrejtu t-tinda taʼ Molok u l-istilla tal-alla Refan, li għamiltu biex tqimuhom. Għalhekk se nibgħatkom bħala lsiera iktar ’il bogħod minn Babilonja.’
44 “Missirijietna kellhom it-tinda li turi li Alla kien magħhom fid-deżert. Alla qal lil Mosè biex jagħmilha, u hu għamilha skont kif urieh.
45 Missirijietna ħadu din it-tinda u ġarrewha magħhom meta marru maʼ Ġożwè fl-art tal-popli l-oħra, li Alla keċċiehom minn quddiem missirijietna. Din baqgħet hemm sa żmien David.
46 Dan kien approvat f’għajnejn Alla u talab biex ikollu l-privileġġ li jibni dar għall-Alla taʼ Ġakobb.
47 Minkejja dan kien Salamun li bena dar għalih.
48 Imma l-Iktar Għoli ma jgħixx ġo djar mibnija min-nies, bħalma qal il-profeta:
49 ‘Is-sema hi t-tron tiegħi, u l-art hi l-banketta għal saqajja. X’tip taʼ dar se tibnuli? jgħid Ġeħova.* Jew fejn hu l-post taʼ mistrieħ tiegħi?
50 Mhux jien għamilthom dawn l-affarijiet kollha?’
51 “Ja nies raskom iebsa li ssoddu widnejkom u m’intomx lesti li tinbidlu, intom qatt ma tobdu l-ispirtu qaddis u qed tagħmlu bħal missirijietkom.
52 Missirijietkom ippersegwitaw lill-profeti kollha. Huma qatlu lil dawk kollha li qalu minn qabel li ġej il-wieħed ġust, li intom tajtuh f’idejn l-għedewwa u qtiltuh.
53 Alla takom il-Liġi permezz tal-anġli imma intom m’obdejtuhiex.”
54 Meta semgħu hekk, tgħidx kemm irrabjaw u bdew jheżżu snienhom.
55 Imma l-ispirtu qaddis ġie fuq Stiefnu, u hu ħares lejn is-sema u ra l-glorja t’Alla u lil Ġesù fuq il-lemin t’Alla
56 u qal: “Ara, qed nara s-sema miftuħa u lil Bin il-bniedem fuq il-lemin t’Alla.”
57 Għalhekk, huma nfexxew jgħajtu kemm jifilħu, poġġew idejhom fuq widnejhom, u ġrew kollha għal fuqu.
58 Wara li tefgħuh barra l-belt, huma bdew iwaddbulu l-ġebel. Ix-xhieda foloz poġġew il-ħwejjeġ taʼ fuq tagħhom ħdejn saqajn żagħżugħ jismu Sawl.
59 Waqt li kienu qed iwaddbulu l-ġebel, Stiefnu talab bil-ħniena: “Mulej Ġesù, jien nagħtik ħajti.”*
60 Imbagħad niżel għarkopptejh u għajjat b’leħen sod: “Ġeħova,* iżżommhomx responsabbli għal dan id-dnub.” Wara li qal hekk, raqad fil-mewt.
Noti taʼ taħt
^ Jew “lil dawk li se jiġu minnu.”
^ Jew “dawk li se jiġu minnu.”
^ Jew forsi “għamel l-istess maʼ.”
^ Jew “patrijarki.”
^ Jew “iċ-ċereali.”
^ Letteralment “ġie mgħallem fl-għerf kollu tal-Eġizzjani.”
^ Jew “jara kif inhuma.”
^ Jew “t’għoġol.”
^ Letteralment “ilqaʼ l-ispirtu tiegħi.”