Danjel 2:1-49

2  U fit-tieni sena tar-renju taʼ Nebukadnessar, Nebukadnessar ħolom xi ħolm;+ u beda jħossu inkwetat fl-ispirtu tiegħu,+ u ma setaʼ jorqod b’xejn għax tarlu n-ngħas.  Għalhekk, is-sultan qalilhom biex isejħu lill-qassisin li kienu jipprattikaw il-maġija,+ lil dawk li kienu jsejħu lill-ispirti, lis-sħaħar, u lill-Kaldin biex lis-sultan jgħidulu l-ħolm tiegħu.+ U dawn daħlu u waqfu quddiem is-sultan.  Imbagħad is-sultan qalilhom: “Ħlomt ħolma, u nħossni inkwetat fl-ispirtu tiegħi biex inkun nafha din il-ħolma.”  U l-Kaldin qalu lis-sultan bl-Aramajk:*+ “O sultan, jalla tgħix għal dejjem.+ Għid lill-qaddejja tiegħek x’inhi l-ħolma, u aħna nagħtuk l-interpretazzjoni tagħha.”+  Is-sultan wieġeb u qal lill-Kaldin: “Il-kelma li qed niddikjara jien hi: Jekk intom ma tgħidulix x’inhi l-ħolma, u ma tagħtunix l-interpretazzjoni tagħha, bċejjeċ issiru,+ u djarkom isiru latrini pubbliċi.+  Imma jekk turuni x’inhi l-ħolma u tagħtuni l-interpretazzjoni tagħha, għotjiet u rigal u ħafna dinjità tirċievu mingħandi.+ Għalhekk, uruni x’inhi l-ħolma u agħtuni l-interpretazzjoni tagħha.”  Huma wieġbu għat-tieni darba u qalu: “Ħa jgħidilhom is-sultan lill-qaddejja tiegħu x’inhi l-ħolma, u aħna nagħtuk l-interpretazzjoni tagħha.”  Is-sultan wieġeb u qal: “Fil-fatt, jien naf li qed tipprovaw tirbħu ż-żmien, ladarba intom fhimtu li l-kelma qed tiġi dikjarata minni.  Għax jekk ma tgħidulix x’inhi l-ħolma, m’hemmx ħlief din is-sentenza għalikom.+ Imma intom qbiltu li tgħidu kelma giddieba u żbaljata quddiemi,+ sakemm jitbiddlu ċ-ċirkustanzi. Għalhekk, għiduli l-ħolma, u jien inkun naf li intom tistgħu tagħtuni l-interpretazzjoni tagħha.” 10  Il-Kaldin wieġbu quddiem is-sultan u qalulu: “Ma jeżisti ebda bniedem fuq l-art niexfa li hu kapaċi juri l-kwistjoni tas-sultan, ladarba ebda sultan grandjuż jew gvernatur ma talab ħaġa bħal din mingħand xi qassis li jipprattika l-maġija jew xi ħadd li jsejjaħ lill-ispirti jew xi Kaldew. 11  Imma dak li qed jitlob is-sultan hu diffiċli, u ma jeżisti ħadd iktar li jistaʼ jurih quddiem is-sultan ħlief l-allat,+ li assolutament ma jgħammrux fost il-bnedmin.”+ 12  Minħabba dan, is-sultan irrabja u tmasħan bis-sħiħ,+ u qal li kien se jeqred lill-għorrief kollha taʼ Babilonja.+ 13  U ħarġet l-ordni, u l-għorrief kien għoddhom se jinqatlu; u fittxew lil Danjel u lil sħabu biex joqtluhom ukoll. 14  Imbagħad Danjel, min-naħa tiegħu, kellem bi kliem għaqli u sensibbli+ lil Arjok, il-kap tal-gwardja persunali tas-sultan, li kien ħareġ biex joqtol lill-għorrief taʼ Babilonja. 15  Hu tkellem u qal lil Arjok, l-uffiċjal tas-sultan: “Għal liema raġuni ħarġet din l-ordni ħarxa min-naħa tas-sultan?” Kien f’dan il-ħin li Arjok għarraf lil Danjel b’din il-kwistjoni.+ 16  Għalhekk, Danjel daħal u talab lis-sultan biex jagħtih iż-żmien partikulari sabiex jagħti l-interpretazzjoni tagħha lis-sultan.+ 17  Wara dan, Danjel mar lejn daru; u għarraf bil-kwistjoni lil sħabu Ħananija, Misael, u Għażarija, 18  biex huma wkoll jitolbu l-ħniena+ min-naħa taʼ l-Alla tas-sema+ dwar dan is-sigriet,+ sabiex lil Danjel u lil sħabu ma jeqirduhomx mal-bqija taʼ l-għorrief taʼ Babilonja.+ 19  Imbagħad, permezz taʼ viżjoni bil-lejl, is-sigriet ġie rivelat lil Danjel.+ Għaldaqstant, Danjel bierek+ lill-Alla tas-sema. 20  Danjel tkellem u qal: “Ħa jkun imbierek isem Alla+ minn dejjem għal dejjem, għax tiegħu huma l-għerf u s-setgħa.+ 21  U hu qed ibiddel iż-żminijiet u l-istaġuni,+ ineħħi slaten u jqiegħed slaten,+ jagħti l-għerf lill-għorrief u l-għarfien lil dawk li għandhom id-dixxerniment.+ 22  Hu qed jirrivela l-affarijiet profondi u l-affarijiet moħbijin,+ billi jaf x’hemm fid-dlam;+ u miegħu jgħammar id-dawl.+ 23  Lilek, O Alla taʼ missirijieti, qed infaħħar u rrodd ħajr,+ għaliex tajtni l-għerf+ u s-setgħa. U issa lili għarraftni b’dak li tlabniek, għax int għarraftna bil-kwistjoni tas-sultan.”+ 24  Għalhekk, Danjel daħal għand Arjok,+ li kien inħatar mis-sultan biex jeqred lill-għorrief taʼ Babilonja.+ Hu mar u qallu dan: “Teqred lil ħadd mill-għorrief taʼ Babilonja. Daħħalni quddiem is-sultan,+ biex nagħti l-interpretazzjoni tagħha lis-sultan.” 25  Kien f’dan il-ħin li Arjok, bl-għaġla, daħħal lil Danjel quddiem is-sultan, u qallu dan: “Sibt raġel b’saħħtu, mill-eżiljati+ taʼ Ġuda, li jistaʼ jagħti l-interpretazzjoni tagħha lis-sultan.” 26  Is-sultan wieġeb u qal lil Danjel, li kien jismu Beltesassar:+ “Kapaċi int biżżejjed biex tgħidli x’inhi l-ħolma li rajt jien, u tagħtini l-interpretazzjoni tagħha?”+ 27  Danjel wieġeb quddiem is-sultan u qallu: “Is-sigriet li s-sultan qed jistaqsi dwaru, la l-għorrief, la dawk li jsejħu lill-ispirti, la l-qassisin li jipprattikaw il-maġija, u lanqas l-astroloġi m’għandhom il-ħila juruh lis-sultan.+ 28  Madankollu, jeżisti Alla fis-smewwiet li hu Dak li jirrivela s-sigrieti,+ u hu għarraf lis-Sultan Nebukadnessar x’għandu jseħħ fl-aħħar parti tal-jiem.+ Il-ħolma tiegħek u l-viżjonijiet li ġewk f’rasek fuq soddtok huma dawn: 29  “Inkwantu għalik, O sultan, fuq soddtok+ ġewk ħsibijietek rigward x’għandu jseħħ wara dan, u Dak li jirrivela s-sigrieti għarrfek x’għandu jseħħ.+ 30  U inkwantu għalija, m’huwiex permezz taʼ xi għerf li għandi iktar minn ħaddieħor li hu ħaj li dan is-sigriet qed jiġi rivelat lili,+ imma bil-ħsieb li tingħata l-interpretazzjoni lis-sultan u li int tkun taf il-ħsibijiet taʼ qalbek.+ 31  “Int, O sultan, kont qed tħares, u, ara, ċerta xbieha enormi. Din ix-xbieha, li kienet kbira ħafna u li d-dija tagħha kienet straordinarja, kienet wieqfa quddiemek, u d-dehra tagħha kienet tal-biżaʼ. 32  Din ix-xbieha, rasha kienet tad-deheb fin,+ sidirha u dirgħajha kienu tal-fidda,+ żaqqha u koxxtejha kienu tar-ram aħmar,+ 33  riġlejha kienu tal-ħadid,+ u saqajha kienu parti tal-ħadid u parti tat-tafal maħdum.+ 34  Int bqajt tħares sakemm inqatgħet ġebla, mhux bl-idejn,+ u laqtet ix-xbieha fuq saqajha tal-ħadid u tat-tafal maħdum u farrkithom.+ 35  Dak il-ħin il-ħadid, it-tafal maħdum, ir-ram aħmar, il-fidda, u d-deheb tfarrku kollha f’daqqa, u saru bħall-karfa mill-qiegħa tad-dris fis-sajf,+ u r-riħ ġarrhom lil hemm tant li assolutament ebda ħjiel tagħhom ma nstab.+ U l-ġebla li laqtet ix-xbieha saret muntanja kbira ħafna u mliet l-art kollha.+ 36  “Din hi l-ħolma, u l-interpretazzjoni tagħha se ngħiduha quddiem is-sultan.+ 37  Int, O sultan, sultan tas-slaten, int li lilek l-Alla tas-sema tak is-saltna,+ is-setgħa, is-saħħa, u d-dinjità, 38  u li f’idek tak,+ kulfejn qed jgħammru wlied il-bnedmin, il-bhejjem tar-rabaʼ u l-ħlejjaq bil-ġwienaħ fis-smewwiet, u li għamlek ħakkiem fuqhom kollha, int innifsek int ir-ras tad-deheb.+ 39  “U warajk għad tqum saltna oħra+ inferjuri għalik;+ u saltna oħra, it-tielet waħda, tar-ram aħmar, li se taħkem fuq l-art kollha.+ 40  “U inkwantu għar-rabaʼ saltna,+ din tkun b’saħħitha daqs il-ħadid.+ Ladarba l-ħadid qed ifarrak u jitħan kull ħaġa oħra, hekk, bħall-ħadid li jkisser, hi se tfarrak u tkisser lil dawn is-saltniet kollha.+ 41  “U bħalma int rajt is-saqajn u s-swabaʼ tas-saqajn li kienu parti tat-tafal maħdum taʼ fuħħari u parti tal-ħadid,+ hekk għad tkun maqsuma s-saltna,+ imma se jkun fiha xi ftit mill-ebusija tal-ħadid, ladarba int rajt il-ħadid imħallat mat-tafal niedi.+ 42  U bħalma s-swabaʼ tas-saqajn kienu parti tal-ħadid u parti tat-tafal maħdum, is-saltna għad tkun parti b’saħħitha u parti dgħajfa. 43  Bħalma int rajt il-ħadid imħallat mat-tafal niedi, hekk dawn għad jitħalltu maʼ wlied il-bnedmin; imma ma jingħaqdux flimkien, wieħed maʼ l-ieħor, sewwasew bħalma l-ħadid ma jitħallatx mat-tafal maħdum. 44  “U fi żmien dawn is-slaten,+ l-Alla tas-sema+ jwaqqaf saltna+ li qatt ma tinqered.+ U din is-saltna ma tgħaddix għal għand poplu ieħor.+ Hi se tfarrak u ttemm dawn is-saltniet kollha,+ u hi tibqaʼ wieqfa għal dejjem,*+ 45  ladarba int rajt li mill-muntanja nqatgħet ġebla, mhux bl-idejn,+ u li din farrket il-ħadid, ir-ram aħmar, it-tafal maħdum, il-fidda, u d-deheb.+ L-Alla Grandjuż+ għarraf lis-sultan x’għandu jseħħ wara dan.+ U l-ħolma hi taʼ min jorbot fuqha, u l-interpretazzjoni tagħha hi taʼ min jafdaha.”+ 46  Dak il-ħin is-Sultan Nebukadnessar inxteħet wiċċu fl-art, u ta ġieħ lil Danjel, u ordna li jingħata rigal u inċens.+ 47  Is-sultan wieġeb lil Danjel u qallu: “Tassew li l-Alla tagħkom hu Alla taʼ l-allat,+ Sid is-slaten,+ u Dak li jirrivela s-sigrieti, għaliex int kellek il-ħila tirrivela dan is-sigriet.”+ 48  Għaldaqstant, is-sultan għamel lil Danjel wieħed mill-kbarat,+ u tah ħafna rigali kbar, u għamlu l-ħakkiem fuq il-provinċja taʼ Babilonja+ u l-prefett ewlieni fuq l-għorrief kollha taʼ Babilonja. 49  U Danjel, min-naħa tiegħu, talab lis-sultan, u dan ħatar lil Sidrak, Mesak, u Għabednego+ fuq l-amministrazzjoni tal-provinċja taʼ Babilonja, imma Danjel baqaʼ fil-palazz+ tas-sultan.

Noti taʼ taħt

Minn hawnhekk sat-tmiem taʼ kapitlu 7 hu miktub bl-Aramajk.
Letteralment, “żminijiet indefiniti.” Ara Ġen 3:22, in-nota taʼ taħt.