Dewteronomju 6:1-25
6 “Issa dawn huma l-kmandamenti, ir-regoli, u d-deċiżjonijiet ġudizzjali li tak Ġeħova l-Alla tiegħek biex jgħallmek, sabiex tobdihom meta taqsam għall-art li se tieħu f’idejk.
2 Għandek tirrispetta ħafna lil* Ġeħova l-Alla tiegħek u tobdi l-liġijiet u l-kmandamenti kollha tiegħu li qed nikkmandak, int, ibnek, u n-neputi tiegħek, il-jiem kollha taʼ ħajtek, sabiex tgħix ħajja twila.
3 Ismaʼ Iżrael, u obdihom bir-reqqa, sabiex tirnexxi u tiżdied bil-kbir fl-art li tipproduċi ħafna ħalib u għasel, bħalma wiegħdek Ġeħova, l-Alla taʼ missirijietek.
4 “Ismaʼ Iżrael: Ġeħova l-Alla tagħna hu Ġeħova wieħed.
5 Għandek tħobb lil Ġeħova l-Alla tiegħek b’qalbek kollha, b’ruħek* kollha, u b’saħħtek* kollha.
6 Dan il-kliem li qed nikkmandak illum irid ikun f’qalbek,
7 u daħħlu sew f’qalb* it-tfal tiegħek u tkellem dwaru meta toqgħod bilqiegħda f’darek, meta timxi fit-triq, meta timtedd, u meta tqum.
8 Orbtu bħala tfakkira m’idek, u jrid ikun bħala sinjal* fuq moħħok.*
9 Iktbu fuq il-koxox tal-bieb taʼ darek u fuq il-bibien taʼ beltek.
10 “Meta Ġeħova l-Alla tiegħek idaħħlek fl-art li ħalef lil missirijietek Abraham, Iżakk, u Ġakobb li jagħtihielek, art li fiha bliet kbar u sbieħ li ma bnejtx int,
11 djar mimlijin b’kull ħaġa tajba li int ma ħdimtx għaliha, ġwiebi li ma ħaffirtx int, u għelieqi bid-dwieli u siġar taż-żebbuġ li ma ħawwiltx int, u tkun kilt u xbajt,
12 oqgħod attent li ma tinsiex lil Ġeħova, li ħarġek mill-art tal-Eġittu, l-art fejn kont ilsir.
13 Lil Ġeħova l-Alla tiegħek għandek tirrispetta ħafna,* lilu għandek taqdi, u b’ismu għandek taħlef.
14 Timxix wara allat oħrajn, wara xi alla tal-popli taʼ madwarek,
15 għax Ġeħova l-Alla tiegħek li qiegħed f’nofsok hu Alla li jrid li tqim lilu biss. Jekk tmur wara allat oħra, Ġeħova l-Alla tiegħek jirrabja ħafna miegħek u jeqirdek għalkollox minn fuq wiċċ l-art.
16 “Tgħaddix lil Ġeħova l-Alla tiegħek minn prova bħalma għamilt f’Massah.
17 Għandek tobdi bir-reqqa l-kmandamenti, it-tfakkiriet, u r-regoli li Ġeħova l-Alla tiegħek ikkmandak tobdi.
18 Għandek tagħmel dak li hu sewwa u tajjeb f’għajnejn Ġeħova, sabiex tirnexxi u tidħol u tieħu l-art tajba li Ġeħova ħalef lil missirijietek,
19 billi tkeċċi l-għedewwa kollha tiegħek minn quddiemek, bħalma wiegħed Ġeħova.
20 “Fil-futur, meta ibnek jistaqsik, ‘Xi jfissru t-tfakkiriet, ir-regoli, u d-deċiżjonijiet ġudizzjali li kkmandakom Ġeħova l-Alla tagħna?’
21 int trid tgħidlu, ‘Aħna konna lsiera tal-Fargħun fl-Eġittu, imma Ġeħova ħariġna mill-Eġittu b’id b’saħħitha.
22 Għalhekk, quddiem għajnejna Ġeħova baqaʼ jibgħat sinjali u mirakli kbar u taʼ ħsara fuq l-Eġittu, il-Fargħun, u n-nies kollha taʼ daru.
23 U ħariġna minn hemm sabiex iġibna hawn biex jagħtina l-art li dwarha kien ħalef lil missirijietna.
24 Imbagħad Ġeħova kkmandana nobdu dawn ir-regoli kollha u nirrispettaw ħafna lilu,* Ġeħova l-Alla tagħna, biex ikun taʼ ġid għalina għal dejjem, sabiex nibqgħu ħajjin bħalma bqajna ħajjin sal-lum.
25 U nkunu kkunsidrati ġusti jekk noqogħdu attenti li nobdu dawn il-kmandamenti kollha quddiem Ġeħova l-Alla tagħna, bħalma kkmandana hu.’
Noti taʼ taħt
^ Letteralment “tibżaʼ minn.”
^ Jew “bil-forza tiegħek; b’kulma għandek.”
^ Jew “irrepetih lil; fiehem kemm hu importanti lil.”
^ Jew “strixxa.”
^ Letteralment “bejn għajnejk.”
^ Letteralment “tibżaʼ.”
^ Letteralment “nibżgħu minnu.”