L-Aħbar Tajba Skont Luqa 2:1-52
2 Dak iż-żmien Ċesari Awgustu ħareġ liġi biex in-nies tal-art kollha jiġu rreġistrati.
2 (Din kienet l-ewwel reġistrazzjoni matul iż-żmien li Kirinu kien gvernatur tas-Sirja.)
3 In-nies kollha marru fil-belt fejn twieldu biex jiġu rreġistrati.
4 Peress li Ġużeppi kien membru mill-familja taʼ David, hu telaq minn Nazaret fil-Galilija u mar lura Betlem fil-Lhudija, il-belt taʼ David.
5 Hu mar jirreġistra mal-mara tiegħu Marija li kienet se twelled daqt.
6 Waqt li kienu hemm, waslilha l-ħin biex twelled
7 u kellha tifel, l-ewwel tarbija tagħha. Hi geżwritu f’biċċiet tad-drapp u poġġietu f’maxtura,* għax ma kienx hemm post għalihom fil-lukanda.
8 F’dak ir-reġjun kien hemm ukoll xi ragħajja li kienu jgħixu fl-għelieqi u joqogħdu għassa mal-imrieħel tagħhom billejl.
9 F’daqqa waħda, dehrilhom l-anġlu taʼ Ġeħova* u madwarhom kien hemm dawl qawwi minħabba l-glorja taʼ Ġeħova,* u tgħidx kemm beżgħu.
10 Imma l-anġlu qalilhom: “Tibżgħux, għax jien ġejt biex ngħidilkom aħbar tajba li se ġġib ferħ kbir għan-nies kollha.
11 Għax illum fil-belt taʼ David twieled dak li se jsalvakom, Kristu l-Mulej.
12 U biex tkunu tafu min hu, meta tmorru se ssibu tarbija mgeżwra f’biċċiet tad-drapp f’maxtura.”
13 F’daqqa waħda, ġew ħafna anġli oħra* jfaħħru lil Alla u jgħidu:
14 “Ħa jkun imfaħħar Alla fis-sema u ħa jkollhom il-paċi n-nies approvati minnu fuq l-art.”
15 Meta l-anġli telqu minn ħdejhom u marru fis-sema, ir-ragħajja bdew jgħidu lil xulxin: “Irridu mmorru Betlem u naraw dak li qalilna dwaru Ġeħova.”*
16 Huma marru malajr u sabu lil Marija, Ġużeppi, u t-tarbija li kienet fil-maxtura.
17 Meta raw dan, huma bdew jitkellmu m’oħrajn dwar il-messaġġ li kien intqalilhom dwar dan it-tifel.
18 U kull min semaʼ dak li qalu r-ragħajja, baqaʼ mbellah.
19 Imma Marija baqgħet iżżomm dan il-kliem kollu f’moħħha u taħseb dwar xi jfisser.
20 Imbagħad ir-ragħajja telqu waqt li taw glorja u faħħru lil Alla, għax dak li raw u semgħu kien eżatt bħalma ntqalilhom.
21 Fit-tmien ġurnata, għamlulu ċ-ċirkonċiżjoni u semmewh Ġesù, bħalma l-anġlu qal lil Marija qabel ma ħarġet tqila.
22 Imbagħad kien wasal iż-żmien biex jagħmlu l-offerta tal-purifikazzjoni bħalma titlob il-Liġi li ngħatat lil Mosè. Għalhekk, Marija u Ġużeppi ħadu lil Ġesù Ġerusalemm biex jippreżentawh lil Ġeħova,*
23 għax fil-Liġi taʼ Ġeħova* hemm miktub: “Kull l-ewwel iben* għandu jiġi ddedikat* lil Ġeħova.”*
24 Huma offrew sagrifiċċju bħalma tgħid il-Liġi taʼ Ġeħova:* “żewġ gamimiet jew żewġt ibċieċen.”
25 F’Ġerusalemm kien hemm raġel jismu Simegħon. Dan kien raġel sewwa u devot lejn Alla li kien qed jistenna ż-żmien meta Alla jgħin lil Iżrael. Hu kien jiġi ggwidat mill-ispirtu qaddis.
26 Iktar minn hekk, Alla kien urieh permezz tal-ispirtu qaddis li hu ma kienx se jmut qabel ma jara lill-Kristu, il-Wieħed magħżul minn Ġeħova.*
27 Hu ġie ggwidat mill-ispirtu qaddis u daħal fit-tempju. Hekk kif il-ġenituri ħadu lil Ġesù hemm biex jagħmlu dak li titlob il-Liġi,
28 Simegħon refaʼ lit-tifel, faħħar lil Alla, u qal:
29 “Sid taʼ Kollox,* jien issa rajt lit-tifel bħalma għedt int, għalhekk nistaʼ mmut kuntent
30 għax rajt b’għajnejja stess kif int se ssalva lin-nies,
31 jiġifieri l-wieħed li int ipprovdejt biex jarawh in-nies kollha.
32 Hu d-dawl li se jneħħi l-velu minn quddiem għajnejn il-popli u hu l-glorja tan-nies t’Iżrael.”
33 U omm u missier it-tifel baqgħu jaħsbu fuq l-affarijiet li ntqalu dwaru.
34 Imbagħad Simegħon berikhom u qal lil Marija omm it-tifel: “Minħabba fih xi wħud f’Iżrael se jaqgħu u oħrajn se jqumu, u ħafna se jitkellmu kontrih avolja Alla se juri li qiegħed miegħu.
35 Hu ġie inkarigat biex jikxef x’hemm f’qalb ħafna nies, u int* se tbati bħal xi ħadd li jiġi minfud b’xabla twila.”
36 Kien hemm ukoll profetessa jisimha Anna, it-tifla taʼ Fanwel mit-tribù t’Aser. Hi kienet avvanzata fl-età u wara li żżewġet laħqet għexet mar-raġel sebaʼ snin biss.
37 Issa kienet armla t’84 sena. Hi dejjem kienet tmur fit-tempju tqim lil Alla billejl u binhar billi ssum u titlob bil-ħniena.
38 Dak il-ħin, hi wkoll marret ħdejhom u bdiet tirringrazzja lil Alla u titkellem dwar it-tifel maʼ dawk kollha li kienu qed jistennew li Alla jeħles lil Ġerusalemm.
39 Meta Ġużeppi u Marija għamlu dak li kienet titlob il-Liġi taʼ Ġeħova,* marru lura fil-belt tagħhom Nazaret fil-Galilija.
40 It-tifel kompla jikber, jissaħħaħ, u jkollu l-għerf. Hu baqaʼ jkollu l-approvazzjoni t’Alla.
41 Il-ġenituri tiegħu kienu mdorrijin li minn sena għal oħra jmorru Ġerusalemm għall-festa tal-Qbiż.
42 U meta kellu 12-il sena, huma marru għall-festa bħalma jagħmlu s-soltu.
43 Meta spiċċat il-festa u kienu sejrin lura, Ġesù baqaʼ Ġerusalemm u l-ġenituri tiegħu ma ndunawx b’dan.
44 Peress li ħasbu li kien qiegħed fil-grupp li kienu qed jivvjaġġaw magħhom, huma bdew ifittxuh qalb il-qraba u l-ħbieb tagħhom wara li kienu mxew ġurnata.
45 Imma meta ma sabuhx, huma marru lura Ġerusalemm u fittxewh kullimkien.
46 Wara tlett ijiem sabuh fit-tempju. Hu kien bilqiegħda f’nofs l-għalliema, jismagħhom u jistaqsihom.
47 Imma dawk kollha li kienu qed jisimgħuh baqgħu mbellhin b’kemm kien jifhem u kif kien iwieġeb.
48 Meta l-ġenituri tiegħu rawh, baqgħu skantati u ommu qaltlu: “Għala għamiltilna hekk, ibni? Jien u missierek tgħidx kemm inkwetajna u fittixniek.”
49 Imma hu qalilhom: “Għala kontu qed tfittxuni xi mkien ieħor? Ma tafux li kont se nkun fid-dar taʼ Missieri?”
50 Imma huma ma fehmux x’kien qed jgħidilhom.
51 Imbagħad hu mar magħhom lejn Nazaret, u baqaʼ jobdihom. Ommu baqgħet iżżomm dan kollu f’qalbha.
52 U Ġesù baqaʼ jikber u jsir għaref. Alla u n-nies kienu kuntenti bih.
Noti taʼ taħt
^ Jiġifieri fejn jitimgħu l-annimali.
^ Letteralment “ġiet armata kbira tas-sema.”
^ Letteralment “Kull iben li jiftaħ il-ġuf.”
^ Letteralment “imqaddes.”
^ Jew “Mulej Sovran.”
^ Jew “ruħek.”