L-Aħbar Tajba Skont Marku 1:1-45
-
Ġwanni l-Għammied jipprietka (1-8)
-
Jitgħammed Ġesù (9-11)
-
Ġesù jiġi ttantat minn Satana (12, 13)
-
Ġesù jibda jipprietka fil-Galilija (14, 15)
-
L-ewwel dixxipli li għażel Ġesù (16-20)
-
Jiġi mkeċċi spirtu ħażin (21-28)
-
Ġesù jfejjaq ħafna nies f’Kafarnahum (29-34)
-
Jitlob f’post imwarrab (35-39)
-
Jiġi mfejjaq raġel bil-ġdiem (40-45)
1 Il-bidu tal-aħbar tajba dwar Ġesù Kristu, l-Iben t’Alla.
2 Hemm miktub: “Qed nibgħat il-messaġġier tiegħi qablek. Hu se jippreparalek it-triq.”* Bħalma hu miktub fil-ktieb tal-profeta Isaija:
3 “Instemaʼ leħen fid-deżert: ‘Ippreparaw it-triq taʼ Ġeħova!* Irranġaw it-triq biex jgħaddi minnha.’”
4 Ġwanni l-Għammied kien fid-deżert. Hu kien qed jgħallem lin-nies biex jitgħammdu ħalli juru li qed jiddispjaċihom u jinħafrulhom id-dnubiet.
5 U n-nies kollha tal-Lhudija u taʼ Ġerusalemm kienu qed imorru għandu. Hu kien qed jgħammidhom* fix-Xmara Ġordan, u huma kienu qed jammettu quddiem kulħadd id-dnubiet tagħhom.
6 Ġwanni kien jilbes ħwejjeġ magħmulin mis-suf tal-ġemel u ċinturin tal-ġilda. Hu kien jiekol ġurati u għasel li jsib fid-deżert.
7 Hu kien jipprietka: “Warajja ġej xi ħadd aqwa minni, u jien lanqas biss jixraqli nħoll il-lazz tas-sandli tiegħu.
8 Jien ngħammidkom bl-ilma, imma hu se jgħammidkom bl-ispirtu qaddis.”
9 F’dak iż-żmien, Ġesù wasal minn Nazaret tal-Galilija u tgħammed fil-Ġordan minn Ġwanni.
10 U malli telaʼ mill-ilma, hu ra s-sema tinfetaħ u l-ispirtu nieżel fuqu bħal ħamiema.
11 Hu semaʼ vuċi mis-sema tgħid: “Int Ibni l-maħbub. Jien ferħan ħafna bik.”*
12 U l-ispirtu mmotivah mill-ewwel biex imur fid-deżert.
13 Għalhekk, hu baqaʼ fid-deżert għal 40 jum, u hemmhekk ġie ttantat minn Satana. Ukoll, kien hemm annimali slavaġ, imma l-anġli kienu jieħdu ħsiebu.*
14 Wara li Ġwanni ġie arrestat, Ġesù mar il-Galilija jipprietka l-aħbar tajba t’Alla
15 u jgħid: “Iż-żmien importanti wasal, u s-Saltna t’Alla* hi qrib. Għandkom tindmu u jkollkom fidi fl-aħbar tajba.”
16 Waqt li kien miexi ħdejn il-Baħar tal-Galilija, hu ra lil Xmun u lil ħuh Indrì jitfgħu x-xbieki tagħhom fil-baħar, għax huma kienu sajjieda.
17 U Ġesù qalilhom: “Ejjew warajja, u jien nagħmilkom sajjieda tan-nies.”
18 Huma mill-ewwel telqu x-xbieki tagħhom u marru warajh.
19 Wara li mexa ftit ieħor, hu ra lil Ġakbu u Ġwanni, it-tfal taʼ Żebedew, waqt li kienu fid-dgħajsa tagħhom isewwu x-xbieki.
20 Hu għajtilhom malajr u huma ħallew lil missierhom Żebedew fid-dgħajsa mal-ħaddiema u marru warajh.
21 U huma marru Kafarnahum.
Hekk kif beda s-Sabat, Ġesù mar fis-sinagoga u beda jgħallem.
22 In-nies baqgħu mbellhin bil-mod kif jgħallem, għax hu għallimhom bħal wieħed li għandu l-awtorità biex jagħmel dan, u mhux bħall-iskribi.
23 Dak il-ħin, fis-sinagoga tagħhom kien hemm raġel li kellu spirtu ħażin* fih, u beda jgħajjat:
24 “X’għandna x’naqsmu miegħek, Ġesù n-Nazzarenu? Jaqaw ġejt biex teqridna? Naf li int il-Qaddis t’Alla.”
25 Imma Ġesù kkmandah b’leħen sod: “Oqgħod kwiet u oħroġ minnu!”
26 U l-ispirtu ħażin* għajjat kemm felaħ u ġiegħel lir-raġel jitriegħed ħafna,* u wara ħareġ minnu.
27 In-nies tant baqgħu mistagħġbin li bdew jgħidu: “Il-mod kif jgħallem hu differenti! Hu għandu l-qawwa li jkeċċi l-ispirti ħżiena,* u dawn jobduh.”
28 Għalhekk, in-nies kollha fir-reġjun tal-Galilija malajr saru jafu dwaru.
29 Wara li telqu mis-sinagoga, Ġesù mar maʼ Xmun u Indrì d-dar tagħhom. Magħhom marru wkoll Ġakbu u Ġwanni.
30 Issa l-kunjata taʼ Xmun kienet fis-sodda bid-deni, u marru jgħidu dwar dan lil Ġesù mill-ewwel.
31 Hu mar ħdejha, qabdilha idha, u għenha tqum. Id-deni niżel għalkollox, u bdiet tagħmlilhom xi ħaġa x’jieklu.
32 Iktar tard, meta niżlet ix-xemx, in-nies bdew jiħdulu lil kull min kien ma jiflaħx u lil kull min kellu xi demonju fih.
33 U n-nies tal-belt inġabru kollha quddiem il-bieb.
34 Hu fejjaq ħafna nies li kellhom mard differenti u keċċa ħafna demonji. Imma hu ma ħalliex lid-demonji jitkellmu, għax kienu jafu li hu l-Kristu.*
35 L-għada, hu qam kmieni waqt li kien għadu d-dlam, mar f’post imwarrab, u beda jitlob.
36 Imma Xmun u d-dixxipli l-oħra marru jfittxuh.
37 Meta sabuh qalulu: “Kulħadd qed ifittxek.”
38 Imma qalilhom: “Ejja mmorru xi mkien ieħor, fl-irħula viċin, ħalli nipprietka hemm ukoll, għax għalhekk ġejt.”
39 Hu mar mal-Galilija kollha jipprietka fis-sinagogi u jkeċċi d-demonji.
40 Hemm mar għandu raġel bil-ġdiem, niżel għarkopptejh, u talbu bil-ħniena: “Naf li tistaʼ tfejjaqni, jekk tixtieq.”
41 U Ġesù ġietu ħniena minnu, messu, u qallu: “Iva nixtieq. Fiq.”
42 Hu fieq mill-ġdiem mill-ewwel u sar nadif.
43 Qabel ma r-raġel telaq, Ġesù wissieh b’mod ċar:
44 “Qis li ma tgħid lil ħadd, imma mur għand il-qassis biex jarak u agħmel offerta bħalma kkmanda Mosè biex turi li int nadif.”
45 Imma wara li telaq, ir-raġel beda jitkellem dwar dan kull fejn mar. Tant hu hekk li Ġesù ma setax jidħol f’belt bil-kwiet, allura qagħad barra f’postijiet imwarrbin. Imma n-nies xorta baqgħu jmorru għandu minn kullimkien.
Noti taʼ taħt
^ Dan il-kliem hu kkwotat minn Malakija 3:1.
^ Jew “jgħaddashom; iniżżilhom għalkollox.”
^ Jew “Jien approvajtek.”
^ Jew “jaqduh.”
^ Jew “il-Gvern (it-Tmexxija) t’Alla.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
^ Letteralment “mhux nadif.”
^ Letteralment “mhux nadif.”
^ Letteralment “qabbad aċċessjoni lir-raġel.”
^ Letteralment “mhux nodfa.”
^ Jew forsi “kienu jafu min kien.”