L-Aħbar Tajba Skont Marku 6:1-56
6 Imbagħad telaq minn hemmhekk u mar fl-inħawi fejn trabba, u d-dixxipli tiegħu marru warajh.
2 Meta kien is-Sabat, hu beda jgħallem fis-sinagoga, u ħafna minn dawk li semgħuh baqgħu mistagħġbin u qalu: “Dan ir-raġel minn fejn tgħallem dawn l-affarijiet kollha? Għala rċieva dan l-għerf u qed jagħmel dawn il-mirakli?
3 Dan mhux il-mastrudaxxa, it-tifel taʼ Marija u ħu Ġakbu, Ġużeppi, Ġuda, u Xmun? U lil ħutu l-bniet mhux kollha nafuhom?” Allura m’emmnuhx.
4 Imma Ġesù qalilhom: “Profeta jiġi rrispettat kullimkien minbarra fejn trabba u mill-familja tiegħu.”
5 Għalhekk, hu m’għamilx ħafna mirakli hemmhekk u fejjaq biss ftit morda billi qiegħed idejh fuqhom.
6 Infatti, baqaʼ sorpriż li ma kellhomx fidi fih. Imbagħad mar fl-irħula tal-madwar jgħallem.
7 Wara, għajjat lit-Tnax ħdejh, u beda jibgħathom tnejn tnejn, u tahom awtorità fuq l-ispirti ħżiena.*
8 Ukoll, ikkmandahom biex ma jieħdu xejn magħhom għall-vjaġġ ħlief bastun. La ħobż, la basket tal-ikel, u lanqas flus.*
9 Qalilhom ukoll biex ma jiħdux sandli u tibdila żejda.*
10 Barra minn hekk, hu qalilhom: “F’kull dar li tidħlu, ibqgħu hemm sakemm titilqu minn dik il-belt.
11 U f’kull post fejn ma jilqgħukomx jew ma jkunux iridu jisimgħu, intom u ħerġin minn hemm, farfru saqajkom mit-trab biex ikunu jafu li Alla wissiehom.”
12 Imbagħad huma telqu u bdew ixandru li n-nies għandhom jindmu.
13 Huma keċċew ħafna demonji u dilku biż-żejt lil ħafna nies morda u fejquhom.
14 Issa r-Re Erodi sar jaf b’dan, għax isem Ġesù kien sar magħruf sew, u n-nies bdew jgħidu: “Ġwanni l-Għammied ġie mqajjem mill-mewt. Hu għalhekk li għandu l-qawwa li jagħmel dawn il-mirakli.”
15 Imma oħrajn bdew jgħidu: “Hu Elija.” Jerġaʼ oħrajn bdew jgħidu: “Hu profeta bħal wieħed mill-profeti tal-antik.”
16 Imma meta Erodi semaʼ dan, hu qal: “Dan hu Ġwanni li qtajtlu rasu, hu ġie rxoxtat.”
17 Erodi kien iżżewweġ lil Erodja, il-mara taʼ ħuh Filippu. Hu minħabba fiha li Erodi arresta lil Ġwanni u rabtu fil-ħabs.
18 Għax Ġwanni kien jgħid lil Erodi: “Skont il-Liġi, int ma tistax tiżżewweġ lill-mara taʼ ħuk.”
19 Għalhekk, Erodja kienet tobogħdu u riedet toqtlu, imma ma setgħetx.
20 Peress li Erodi kien jaf li Ġwanni kien raġel sewwa u qaddis, kien jibżaʼ minnu u ma kien iħalli lil ħadd iweġġgħu. Hu kien jieħu pjaċir jisimgħu, allura ma kienx ikun jaf x’se jagħmel bih.
21 Imma Erodja ġietha l-opportunità meta Erodi għalaq żmienu u għamel festa. Hu stieden lill-uffiċjali taʼ pożizzjoni għolja tiegħu, il-kmandanti militari, u l-iktar irġiel importanti tal-Galilija.
22 It-tifla taʼ Erodja daħlet u bdiet tiżfen, u Erodi u dawk li kienu qed jieklu miegħu ħadu pjaċir biha. Ir-re qalilha: “Itlobni kulma trid, u jien nagħtihulek.”
23 Iva, hu ħalfilha: “Jien se nagħtik kulma titlobni, anki nofs is-saltna tiegħi.”
24 Għalhekk hi ħarġet u staqsiet lil ommha: “X’nitolbu?” Hi wiġbitha: “Ras Ġwanni l-Għammied.”
25 Hi mill-ewwel daħlet tiġri għand ir-re u talbitu: “Irridek tagħtini issa stess fuq platt ras Ġwanni l-Għammied.”
26 Għalkemm ir-re sewwed qalbu, xorta aċċetta dak li talbet minħabba li kien ħalef quddiem il-mistidnin tiegħu.
27 Għalhekk, ir-re mill-ewwel bagħat suldat u kkmandah biex iġib ras Ġwanni. Dan mar, qataʼ ras Ġwanni fil-ħabs,
28 ħadha fuq platt, u taha lit-tifla. Imbagħad din tatha lil ommha.
29 Meta d-dixxipli taʼ Ġwanni saru jafu b’dan, huma marru u ħadu l-ġisem tiegħu u qegħduh f’qabar.*
30 L-appostli nġabru madwar Ġesù u qalulu kulma kienu għamlu u għallmu.
31 Imma kien hemm ħafna ġejjin u sejrin, u ma kellhomx ċans jistrieħu u jieklu. Għalhekk qalilhom: “Ejja mmorru f’post imwarrab ħalli tistrieħu ftit.”
32 Allura telqu bid-dgħajsa lejn post imwarrab biex ikunu waħedhom.
33 Imma n-nies rawhom sejrin u ħafna saru jafu b’dan. Huma telqu malajr mill-bliet kollha u waslu qabilhom.
34 Malli niżel mid-dgħajsa, ra folla kbira u tħassarhom, għax kienu bħal nagħaġ mingħajr ragħaj. Hu beda jgħallimhom ħafna affarijiet.
35 Meta sar il-ħin, id-dixxipli tiegħu resqu lejh u qalulu: “Dan il-post hu mwarrab, u diġà sar ħafna ħin.
36 Ibgħathom fil-kampanja u fl-irħula fil-viċin ħalli jixtru xi ħaġa x’jieklu.”
37 Hu wiġibhom: “Agħtuhom intom xi ħaġa x’jieklu.” Huma qalulu: “Tridna mmorru nixtru b’200 dinar* ħobż u nagħtuh lil dawn in-nies?”
38 Hu qalilhom: “Morru araw kemm għandkom ħobż.” Wara li ċċekkjaw, qalulu: “Għandna ħames ħobżiet, kif ukoll żewġ ħutiet.”
39 Hu qal lin-nies biex ipoġġu fi gruppi fuq il-ħaxix.
40 Għalhekk huma poġġew fi gruppi taʼ 100 u taʼ 50.
41 Hu ħa l-ħames ħobżiet u ż-żewġ ħutiet, ħares lejn is-sema, u qal talba. Imbagħad qasam il-ħobż u tah lid-dixxipli biex iqassmuh lin-nies. Hu għamel l-istess biż-żewġ ħutiet.
42 Għalhekk kulħadd kiel u xebaʼ,
43 u b’li kien għad fadal imlew 12-il qoffa, minbarra l-ħut.
44 Kien hemm 5,000 raġel li kielu mill-ħobż.
45 Eżatt wara, hu qal lid-dixxipli tiegħu jitilgħu fid-dgħajsa ħalli jmorru qablu n-naħa l-oħra tax-xatt lejn Betsajda, waqt li hu bagħat lin-nies lejn djarhom.
46 Imma wara li n-nies telqu, hu telaʼ fuq muntanja biex jitlob.
47 Tard filgħaxija, id-dgħajsa kienet f’nofs taʼ baħar, imma hu kien għadu hemm waħdu.
48 Meta kien kważi sebaħ,* hu rahom qed jitħabtu biex jaqdfu, għax ir-riħ kien kontrihom. Għalhekk, mexa lejhom fuq il-baħar. Imma hu kien qisu se jibqaʼ għaddej.
49 Meta rawh miexi fuq il-baħar, huma bdew jgħajtu: “Din xi viżjoni?”
50 Għax huma kollha rawh u tħawdu. Imma hu kellimhom mill-ewwel u qalilhom: “Agħmlu kuraġġ. Jien Ġesù, tibżgħux.”
51 Imbagħad telaʼ fid-dgħajsa magħhom, u r-riħ waqaf. Meta raw dan, baqgħu mbellhin għall-aħħar,
52 għax huma ma kinux fehmu l-miraklu tal-ħobż. Kienu għadhom qed isibuha diffiċli biex jifhmu kollox.
53 Meta qasmu għan-naħa l-oħra, waslu Ġennesaret u ankraw hemm.
54 Imma malli niżlu mid-dgħajsa, in-nies għarfu lil Ġesù.
55 U huma marru jgħidu b’dan lin-nies taʼ dak il-post u bdew iġibu lin-nies morda fuq is-sodod għand Ġesù.
56 U kull fejn kien imur fl-irħula, fil-bliet, jew fil-kampanja kienu jpoġġu l-morda fil-pjazez.* Huma kienu jitolbuh bil-ħniena biex imqar imissu tarf il-libsa tiegħu. U kull min messha, fieq.
Noti taʼ taħt
^ Letteralment “mhux nodfa.”
^ Letteralment “ram.”
^ Letteralment “ma jilbsux żewġ tibdiliet.”
^ Jew “fil-qabar tat-tifkira.”
^ Letteralment “fir-rabaʼ għassa.” Jiġifieri minn madwar it-3:00 a.m. sakemm titlaʼ x-xemx madwar is-6:00 a.m.
^ Jew “fis-swieq.”