L-Aħbar Tajba Skont Mattew 10:1-42
10 Għalhekk, Ġesù laqqaʼ lit-12-il dixxiplu tiegħu u tahom awtorità fuq l-ispirti ħżiena,* biex ikunu jistgħu jkeċċuhom u jfejqu kull tip taʼ mard.
2 It-12-il appostlu huma: Xmun li jgħidulu Pietru u ħuh Indrì, Ġakbu u Ġwanni t-tfal taʼ Żebedew,
3 Filippu u Bartilmew, Tumas u Mattew li kien jiġbor it-taxxi, Ġakbu bin Alfew, Taddew,
4 Xmun il-Kanani,* u Ġuda l-Iskarjota li iktar tard ittradieh.
5 Lil dawn it-12 Ġesù bagħathom jippritkaw u tahom dawn l-istruzzjonijiet: “Tmorrux għand in-nies minn pajjiżi oħra u tidħlux f’belt Samaritana.
6 Imma morru biss għand in-nies t’Iżrael li huma bħal nagħaġ mitlufin.
7 Intom u sejrin, ippritkaw hekk: ‘Is-Saltna t’Alla* hi qrib.’
8 Fejqu l-morda u lil dawk bil-ġdiem, qajmu l-mejtin, u keċċu d-demonji. Intom irċivejtu b’xejn, għalhekk agħtu b’xejn.
9 Tiħdux flus tad-deheb, tal-fidda, jew tar-ram fil-boroż tal-flus tagħkom.
10 Lanqas basket tal-ikel għall-vjaġġ, għax il-ħaddiem jistħoqqlu l-ikel. Ukoll, tiħdux tibdila,* sandli, jew bastun żejjed.
11 “F’kull belt jew raħal li tidħlu, fittxu lil dawk li jistħoqqilhom, u ibqgħu għandhom sakemm titilqu minn dak il-post.
12 Meta tidħlu ġo dar, sellmu* lil dawk li hemm fiha.
13 Jekk jaċċettawkom, huma jibbenefikaw miż-żjara tagħkom, imma jekk le, ma jibbenefikawx minnha.
14 Jekk xi ħadd ma jilqagħkomx jew ma jkunx irid jismagħkom, intom u ħerġin minn dik id-dar jew belt, farfru saqajkom mit-trab.*
15 Jum il-Ġudizzju se jkun iktar diffiċli għal din il-belt milli għal Sodoma u Gomorra.
16 “Jien qed nibgħatkom bħal nagħaġ qalb l-ilpup. Għalhekk, oqogħdu attenti bħas-sriep imma kunu innoċenti bħall-ħamiem.
17 Oqogħdu attenti min-nies, għax huma se jtellgħukom il-qorti u se jsawtukom fis-sinagogi tagħhom.
18 U minħabba fija, se jiħdukom għand il-mexxejja u r-rejiet ħalli jieħdu xhieda huma u nies oħrajn.
19 Meta jiħdukom għandhom, tkunux ansjużi dwar x’se tgħidu, għax dak il-ħin se tiġu ggwidati dwar x’għandkom tgħidu.
20 Għax intom mhux se tagħmlu dan waħedkom, imma se tirċievu l-għajnuna mill-ispirtu taʼ Missierkom.
21 Barra minn hekk, in-nies se jieħdu lil ħuhom jew lit-tifel tagħhom biex jinqatel, u t-tfal se jirribellaw kontra l-ġenituri u jiħduhom biex jinqatlu.
22 In-nies kollha se jobogħdukom minħabba li intom dixxipli tiegħi. Imma min jissaporti sal-aħħar se jiġi salvat.
23 Meta tiġu ppersegwitati f’belt, aħarbu f’oħra. Naċċertakom li żgur ma tkunux dortu l-bliet kollha sakemm niġi jien, Bin il-bniedem.
24 “Student mhuwiex aħjar mill-għalliem tiegħu u lsir mhuwiex aħjar minn sidu.
25 L-istudent se jiġi ttrattat bħall-għalliem* tiegħu, u l-ilsir bħal sidu. Jekk in-nies qalu li sid id-dar hu Begħelżebub,* aħseb u ara x’se jgħidu għan-nies li hemm fiha!
26 Għalhekk, tibżgħux minnhom. Għax kulma hu moħbi se jinkixef u kulma hu sigriet se jsir magħruf.
27 Dak li ngħidilkom fid-dlam, għiduh fid-dawl, u dak li tisimgħu minn taħt l-ilsien, ippritkawh minn fuq il-bjut.
28 U tibżgħux minn dawk li jistgħu joqtlukom, għax ma jistgħux jiħdulkom it-tama li tgħixu fil-futur. Minflok, ibżgħu minn Alla, għax hu jistaʼ joqtolkom f’Geħenna* u jiħdilkom ħajjitkom* darba għal dejjem.
29 Żewġ għasafar tal-bejt jiswew munita taʼ valur żgħir,* mhux hekk? Imma lanqas wieħed minnhom ma jaqaʼ mal-art mingħajr ma jkun jaf Missierkom.
30 Fil-każ tagħkom, Alla jaf anki kemm għandkom xagħar f’raskom.
31 Għalhekk tibżgħux, għax intom tiswew ħafna iktar mill-għasafar tal-bejt.
32 “Kull min jgħid li jafni man-nies, jien ngħid lil Missieri tas-sema li nafu.
33 Imma min jgħid li ma jafnix, jien ngħid lil Missieri tas-sema li ma nafux.
34 Taħsbux li ġejt biex inġib il-paċi fuq l-art. Jien ġejt biex inġib firda* u mhux paċi.
35 Għax jien ġejt biex nifred tifel minn maʼ missieru, tifla minn maʼ ommha, u mara minn mal-kunjata tagħha.
36 Fil-fatt, il-membri tal-familja tagħkom stess se jkunu għedewwa tagħkom.
37 Kull min iħobb lil ommu u lil missieru iktar milli jħobb lili ma jistħoqqlux ikun dixxiplu tiegħi. U kull min iħobb lit-tifel jew lit-tifla tiegħu iktar milli jħobb lili ma jistħoqqlux ikun dixxiplu tiegħi.
38 Kull min mhux lest li jissaporti l-persekuzzjoni* u jiġi warajja ma jistħoqqlux ikun dixxiplu tiegħi.
39 Min jipprova jsalva ħajtu,* imut, imma min imut minħabba li hu dixxiplu tiegħi, se jerġaʼ jgħix.
40 “Min jilqaʼ lilkom, jilqaʼ lili wkoll, u min jilqaʼ lili, jilqaʼ wkoll lil dak li bagħatni.
41 Min jilqaʼ profeta għax hu qaddej t’Alla se jirċievi l-istess premju taʼ profeta, u min jilqaʼ raġel sewwa għax hu qaddej t’Alla se jirċievi l-istess premju taʼ raġel sewwa.
42 U kull min jagħti lil dawn l-irġiel umli mqar tazza ilma friska minħabba li huma dixxipli tiegħi, jien nassigurakom li żgur se jiġi ppremjat.”
Noti taʼ taħt
^ Letteralment “mhux nodfa.”
^ Jew “iż-żeluż.”
^ Letteralment “Is-Saltna tas-smewwiet.” Jew “Il-Gvern (It-Tmexxija) t’Alla.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
^ Jew “żewġ tibdiliet.”
^ Bejn il-Lhud kien komuni li jsellmu bil-kliem, “Jalla jkollok il-paċi.”
^ Jiġifieri huma ma jkunux responsabbli għall-konsegwenzi tan-nies.
^ Letteralment “Hu biżżejjed għad-dixxiplu li jsir bħall-għalliem.”
^ Titlu għal Satana, il-prinċep, jew il-mexxej, tad-demonji.
^ Letteralment “ruħkom.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
^ Letteralment “xabla.”
^ Jew “ma jaċċettax iz-zokk tat-tortura tiegħu.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
^ Letteralment “ruħu.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.