Ir-Rivelazzjoni li Rċieva Ġwanni (L-Apokalissi) 20:1-15
20 U rajt anġlu nieżel mis-sema biċ-ċavetta tal-abbiss u b’katina kbira f’idu.
2 Hu ħataf id-dragun, is-serp oriġinali li hu x-Xitan u Satana, u rabtu għal 1,000 sena.
3 Imbagħad waddbu fl-abbiss u għalaq u ssiġilla d-daħla tiegħu, ħalli ma jkunx jistaʼ jkompli jqarraq bil-popli sakemm jispiċċaw l-1,000 sena. Wara dan, għandu jiġi meħlus għal ftit żmien.
4 U jien rajt tronijiet, u dawk bilqiegħda fuqhom ingħataw awtorità biex jiġġudikaw. Iva, rajt id-demm* taʼ dawk li ġew maqtulin* għax taw xhieda dwar Ġesù u tkellmu dwar Alla, u taʼ dawk li ma qimux il-bhima salvaġġa u l-istatwa tagħha u li ma rċivewx il-marka fuq moħħhom u fuq idhom. Huma ħadu l-ħajja u mexxew bħala rejiet mal-Kristu għal 1,000 sena.
5 Dan hu l-ewwel irxoxt. (Il-bqija tal-mejtin ma ħadux il-ħajja sakemm spiċċaw l-1,000 sena.)
6 Ferħanin u qaddisin huma dawk li għandhom sehem fl-ewwel irxoxt. Fuq dawn it-tieni mewt m’għandhiex awtorità, imma huma se jkunu qassisin t’Alla u tal-Kristu, u se jmexxu bħala rejiet miegħu għall-1,000 sena.
7 Meta jgħaddu l-1,000 sena, Satana jiġi meħlus mill-ħabs.
8 Hu se joħroġ u jqarraq bil-popli li qegħdin fl-erbaʼ kantunieri tal-art, jiġifieri Gog u Magog, biex jiġborhom flimkien għall-gwerra. L-ammont tagħhom hu daqs ir-ramel tal-baħar.
9 Huma nxterdu mal-art kollha u dawru l-kamp tal-qaddisin u l-belt għażiża. Imma niżel nar mis-sema u ħaraqhom.
10 U x-Xitan li kien qed iqarraq bihom ġie mwaddab fl-għadira tan-nar u l-kubrit, fejn kien hemm diġà l-bhima salvaġġa u l-profeta falz. Huma se jiġu tturmentati* lejl u nhar għal dejjem taʼ dejjem.
11 U jien rajt tron kbir abjad u l-Wieħed bilqiegħda fuqu. L-art u s-sema ħarbu minn quddiemu, u ma nstabux iktar.
12 U rajt il-mejtin, il-kbar u ż-żgħar, weqfin quddiem it-tron, u nfetħu skrolli. Imbagħad infetaħ skroll ieħor, l-iskroll tal-ħajja. Permezz tal-affarijiet li kien hemm miktubin fl-iskrolli, il-mejtin ġew iġġudikati skont dak li għamlu.
13 Il-baħar, il-mewt, u l-Qabar* taw lura l-mejtin li kien hemm fihom, u dawn ġew iġġudikati individwalment skont dak li għamlu.
14 Il-mewt u l-Qabar* ġew mitfugħin fl-għadira tan-nar. Din tirrappreżenta t-tieni mewt.
15 Anki dawk li ma kellhomx isimhom miktub fil-ktieb tal-ħajja ġew mitfugħin fl-għadira tan-nar.
Noti taʼ taħt
^ Jew “l-erwieħ.”
^ Letteralment “maqtulin bil-mannara.”
^ Jew “Ħades,” jiġifieri l-qabar komuni tan-nies. Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
^ Jew “Ħades,” jiġifieri l-qabar komuni tan-nies. Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.