Jien Dipendenti Żżejjed mit-Teknoloġija?
KAPITLU 36
Jien Dipendenti Żżejjed mit-Teknoloġija?
“Kemm inħobb nibgħat il-messaġġi bil-mowbajl! Naħseb li qatt ma kien hawn invenzjoni daqshekk ġenjali. Kważi kważi nistaʼ ngħid li ma ngħaddix mingħajru.”—Alan.
META l-ġenituri tiegħek kienu adoloxxenti, it-televixin u r-radju kienu l-mezzi ewlenin fil-qasam tat-teknoloġija. Lura f’dak iż-żmien, it-telefon kien sempliċi telefon—kien jittrasmetti biss il-vuċi u kellu jiġi mqabbad bil-wajers mal-ħajt. Tinstemaʼ din bħala xi ħaġa antikwata? Tfajla jisimha Anna hekk taħseb. Fil-fatt, hi tgħid: “Il-ġenituri tiegħi trabbew f’perijodu meta t-teknoloġija kienet għadha fi żmien il-ħaġar. Għadhom sal-ġurnata tal-lum jiskopru kif jużaw xi ftit mill-affarijiet li kapaċi jagħmel il-mowbajl tagħhom!”
Illum il-ġurnata tistaʼ twieġeb telefonata, tismaʼ l-mużika, tara xi programm, tilgħab logħba, tibgħat e-mail lil sħabek, tieħu ritratt, u tidħol fuq l-Internet—kollox fuq gadget wieħed biss li tistaʼ ġġorru fil-but. Minħabba li trabbejt f’dinja tal-Internet, kompjuters, mowbajls, u televixins, forsi għalik ma fiha xejn ħażin li tużahom il-ħin kollu. Iżda, il-ġenituri tiegħek għandhom mnejn iħossu li int dipendenti żżejjed mit-teknoloġija. Jekk juruk li qed jinkwetaw, tinjorax il-kummenti tagħhom għax taħseb li huma antikwati. Is-sultan għaref Salamun qal: “Meta xi ħadd iwieġeb qabel ma jismaʼ l-kwistjoni, dan ikun bluha min-naħa tiegħu.”—Ġieli ħsibt dwar għala l-ġenituri tiegħek għandhom mnejn ikunu inkwetati? Wieġeb il-mistoqsijiet li ġejjin biex tara jekk intix turi sinjali li qed tkun dipendenti żżejjed minn xi tip taʼ teknoloġija.
Eżamina Lilek Innifsek—‘Jien Dipendenti Żżejjed?’
Enċiklopedija partikulari tiddefinixxi d-dipendenza żejda bħala “drawwa ripetittiva taʼ mġiba eċċessiva, tant li wieħed ma jkunx jistaʼ jew ma jkunx irid jieqaf—minkejja l-konsegwenzi taʼ ħsara li ġġib magħha.” Ejja nanalizzaw din id-definizzjoni biċċa biċċa. Aqra x’qalu xi żgħażagħ u ara jekk qattx għedt jew għamilt xi ħaġa simili. Imbagħad, wieġeb il-mistoqsijiet.
Imġiba eċċessiva. “Kont inqattaʼ sigħat sħaħ nilgħab logħob elettroniku. Kien jiħodli l-ħin mill-irqad u l-konversazzjonijiet tiegħi m’oħrajn kienu jkunu dwar il-logħob biss. Inqtajt minn mal-familja tiegħi u bdejt nintilef fid-dinja immaġinarja tal-logħob li kont nilgħab.”—Andrew.
Fl-opinjoni tiegħek, x’inhu l-ammont raġunevoli taʼ ħin kuljum
li għandek tqattaʼ fl-użu tal-affarijiet elettroniċi? ․․․․․Il-ġenituri tiegħek kemm jaħsbu li għandek tqattaʼ ħin? ․․․․․
Fir-realtà, x’inhu l-ammont totali taʼ ħin kuljum li tqattaʼ tibgħat il-messaġġi minn fuq il-mowbajl, tara t-televixin, titfaʼ r-ritratti u l-kummenti fuq xi websajt, tilgħab logħob elettroniku, eċċetra? ․․․․․
Agħti daqqa t’għajn lejn it-tweġibiet tiegħek. Taħseb li qed tuża l-affarijiet elettroniċi b’mod eċċessiv?
□ Iva □ Le
Wieħed ma jkunx jistaʼ jew ma jkunx irid jieqaf. “Il-ġenituri tiegħi jarawni nibgħat il-messaġġi minn fuq il-mowbajl il-ħin kollu u jgħiduli li qed nagħmel dan iżżejjed. Imma meta nqabbel lili nnifsi maʼ dawk tampari bilkemm nibgħat messaġġi. Irrid ngħid, meta nqabbel lili nnifsi mal-ġenituri tiegħi, ovvjament jien nibgħat iktar messaġġi minnhom. Imma ma jagħmilx sens li tagħmel dan il-paragun għax huma għandhom 40 sena u jien għandi 15-il sena.”—Alan.
Il-ġenituri tiegħek u sħabek qalulek li qed tqattaʼ wisq ħin tuża xi tip taʼ oġġett elettroniku?
□ Iva □ Le
Ma tridx jew ma tistax tillimita l-użu taʼ dan l-oġġett elettroniku?
□ Iva □ Le
Konsegwenzi taʼ ħsara. “Sħabi l-ħin kollu jibagħtu l-messaġġi—anki meta jkunu qed isuqu. Kemm jissograw!”—Julie.
“Meta għall-ewwel ġibt il-mowbajl, kont il-ħin kollu nċempel jew nibgħat xi messaġġ lil xi ħadd. F’hekk biss kien ikun moħħni. Dan kien taʼ ħsara għar-relazzjoni tiegħi mal-familja u anki maʼ xi ħbieb. Issa ninnota li meta noħroġ mal-ħbieb u nkun qed inkellimhom, huma l-ħin kollu jieqfu u jgħidu: ‘Sekonda waħda. Għandi bżonn nibgħat messaġġ.’ Din hi raġuni waħda għala ma nħossnix daqshekk qrib taʼ dawn il-ħbieb.”—Shirley.
Ġieli taqra jew tibgħat xi messaġġ minn fuq il-mowbajl waqt li tkun qed issuq, matul il-lezzjonijiet, jew fil-laqgħat Kristjani?
□ Iva □ Le
Meta tkun qed titkellem maʼ tal-familja jew mal-ħbieb, spiss ikollok tieqaf biex twieġeb xi e-mail, telefonata, jew messaġġ minn fuq il-mowbajl?
□ Iva □ Le
Qiegħed l-użu li qed tagħmel mit-teknoloġija jisraqlek mill-ħin li għandek bżonn għall-irqad jew jagħmilhielek diffiċli biex tikkonċentra fuq l-istudju tiegħek?
□ Iva □ Le
Taħseb li hemm bżonn tagħmel xi tibdil? Jekk iva, ikkunsidra s-suġġerimenti li ġejjin.
Kif Issib Bilanċ
Jekk tuża xi tip taʼ oġġett elettroniku—sew jekk inhu kompjuter, mowbajl, jew xi oġġett ieħor—staqsi lilek innifsek l-erbaʼ mistoqsijiet li ġejjin. Applika l-pariri bbażati fuq il-Bibbja u segwi dawn il-ftit linji gwida li ġejjin. Dawn huma sempliċi u se jgħinuk tevita l-problemi u tkun bilanċjat.
● X’inhu l-kontenut? “Kulma hu veru, kulma hu serju, kulma hu ġust, kulma hu safi, kulma jqanqal l-imħabba, kulma hu taʼ Filippin 4:8.
fama tajba, kull virtù, u kull ħaġa li jistħoqqilha tifħir, fuq dawn l-affarijiet komplu aħsbu.”—✔ Żomm kuntatt mal-familja u mal-ħbieb tiegħek u aqsam magħhom aħbarijiet u ideat pożittivi.—Proverbji 25:25; Efesin 4:29.
✘ Ixxerridx seksik dwar ħaddieħor, tibgħatx messaġġi jew stampi immorali minn fuq il-mowbajl, u tarax vidjos jew programmi immorali.—Kolossin 3:5; 1 Pietru 4:15.
● Meta nużahom l-affarijiet elettroniċi? “Għal kollox hemm żmien stabbilit.”—Ekkleżjasti 3:1.
✔ Illimita l-ħin li tqattaʼ f’telefonati u tibgħat u tirċievi messaġġi minn fuq il-mowbajl, tara programmi tat-televixin, jew tilgħab logħob elettroniku.
Efesin 5:15-17; Filippin 2:4.
✘ Tħallix l-affarijiet elettroniċi jisirqulek mill-ħin li tkun warrabt biex tqattgħu mal-familja jew mal-ħbieb, biex tistudja, jew biex tieħu sehem f’attivitajiet spiritwali.—● Maʼ min qed nassoċja? “Titqarrqux. Kumpanija ħażina tħassar id-drawwiet siewja.”—1 Korintin 15:33.
✔ Agħmel użu mit-teknoloġija biex issaħħaħ ir-relazzjonijiet tiegħek maʼ wħud li jħeġġuk tiżviluppa drawwiet tajbin.—Proverbji 22:17.
✘ Titqarraqx—int se timita l-livelli, il-lingwaġġ, u l-mod taʼ kif jaħsbuha dawk li tagħżel li tassoċja magħhom permezz taʼ e-mails, messaġġi minn fuq il-mowbajl, vidjos, it-televixin, jew l-Internet.—Proverbji 13:20.
● Kemm qed inqattaʼ ħin? ‘Aċċertaw ruħkom minn dak li hu iktar importanti.’—Filippin 1:10.
✔ Ħu nota taʼ kemm tqattaʼ ħin tuża oġġetti elettroniċi.
✘ Tinjorax il-kummenti tal-ħbieb tiegħek jew il-pariri tal-ġenituri tiegħek jekk jgħidulek li qed tqattaʼ wisq ħin tuża xi tip taʼ teknoloġija.—Proverbji 26:12.
Andrew, li ġie kwotat iktar kmieni, jiddeskrivi sew l-użu bilanċjat tat-teknoloġija b’dan il-kliem: “Bil-gadgets elettroniċi tgħaddi siegħa żmien—jekk tużahom bil-moderazzjoni. Tgħallimt ma nħallix it-teknoloġija ttellaʼ ħajt li jifridni mill-familja u mill-ħbieb tiegħi.”
AQRA IKTAR DWAR DAN IS-SUĠĠETT F’KAPITLU 30 TAʼ VOLUME 2
Kif tistaʼ tikkonvinċi lill-ġenituri tiegħek biex iħalluk tiddeverti xi ftit?
SKRITTURA PRINĊIPALI
“Issirx għaref f’għajnejk stess. Ibżaʼ minn Ġeħova u warrab mill-ħażen.”—Proverbji 3:7.
SUĠĠERIMENT
Sabiex tikkontrolla l-użu tiegħek tat-telefon, għid lil sħabek li f’ċerti ħinijiet partikulari int mhux se twieġeb fil-pront il-messaġġi minn fuq il-mowbajl, l-e-mails, jew it-telefonati.
KONT TAF . . . ?
Ir-ritratti tiegħek jew il-kummenti dwarek innifsek li titfaʼ fuq xi websajt jibqgħu hemm għal snin sħaħ u għandhom mnejn ikunu aċċessibbli għal dawk li fil-futur jistgħu jkunu l-imgħallmin tiegħek tax-xogħol u għal nies oħrajn.
L-AZZJONI LI SE NIEĦU
Jekk ikolli problema biex nikkontrolla l-użu tal- ․․․․․, nagħmilha mira li nqattaʼ biss ․․․․․ fil-ġimgħa nuża dan l-oġġett elettroniku.
Dak li nixtieq nistaqsi lill-ġenitur(i) tiegħi dwar dan is-suġġett hu ․․․․․
INT X’TAĦSEB?
● Għala għandu mnejn ikun diffiċli li tirrealizza li int dipendenti żżejjed mit-teknoloġija?
● X’jistaʼ jiġri jekk ma tikkontrollax l-użu tiegħek tal-affarijiet elettroniċi?
[Kumment f’paġna 262]
“Diversi affarijiet għenuni negħleb il-vizzju li nara wisq televixin. Ġegħelt lili nnifsi nillimita l-ħin li nqattaʼ quddiem it-televixin. Spiss tkellimt m’ommi dwar il-problema. U tlabt ħafna wkoll.”—Kathleen
[Stampa f’paġna 263]
Min jikkmanda? Int jew l-oġġett elettroniku li għandek?