Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Għala M’Għandix Naqbad u Ntemm Ħajti b’Idejja?

Għala M’Għandix Naqbad u Ntemm Ħajti b’Idejja?

KAPITLU 14

Għala M’Għandix Naqbad u Ntemm Ħajti b’Idejja?

“AĦJAR immut milli ngħix.” Min qalu dan il-​kliem? Xi ħadd li ma kienx jemmen b’Alla? Xi ħadd li kien telaq lil Alla? Xi ħadd li kien telqu Alla? L-​ebda wieħed minn dawn. Dan il-​kliem intqal minn Ġona, raġel devot imma inkwetat għall-​aħħar.—Ġona 4:3.

Il-​Bibbja ma tgħidx li Ġona kien se jtemm ħajtu b’idejh. Minkejja dan, it-​talb tiegħu taʼ disprament juri fatt li fih x’tomgħod—kultant anki qaddej t’Alla jistaʼ jinħakem minn ħsibijiet inkwetanti.—Salm 34:19.

Xi żgħażagħ tant iħossuhom iddisprati li ma jaraw ebda raġuni għala għandhom jibqgħu jgħixu. Jistaʼ jkun li jħossuhom bħalma ħassitha Laura, li għandha 16-​il sena. Hi tgħid: “Ilni snin sħaħ għaddejja minn perijodu taʼ dipressjoni wara ieħor. Spiss jgħaddili minn moħħi li ntemm ħajti b’idejja.” Jekk taf lil xi ħadd li jixtieq itemm ħajtu—jew jekk int stess għaddielek dan il-​ħsieb minn moħħok—x’tistaʼ tagħmel? Ejja neżaminaw iktar fid-​dettall għala jistaʼ jgħaddilek ħsieb bħal dan minn moħħok.

Dak li Hemm Wara d-​Disperazzjoni

Individwu għala għandu mnejn jikkunsidra li jtemm ħajtu b’idejh? Jistgħu jkunu involuti bosta fatturi. L-​ewwel nett, aħna ngħixu fi “żminijiet kritiċi li diffiċli biex issib tarfhom,” u ħafna adoloxxenti jħossuhom effettwati ferm mill-​pressjonijiet u mill-​istress tal-​ħajja. (2 Timotju 3:1) Imbagħad, hemm ukoll l-​imperfezzjoni tal-​bniedem li tistaʼ ġġiegħel lil xi wħud joqogħdu jberrnu fuq ħsibijiet negattivi ferm dwarhom infushom u dwar id-​dinja taʼ madwarhom. (Rumani 7:22-​24) Xi drabi dan jiġri minħabba li jkunu ġew trattati ħażin. F’każi oħrajn, jistaʼ jkun hemm problema medika involuta. Taʼ min jinnota li f’pajjiż wieħed ġie kalkulat li iktar minn 90 fil-​mija minn dawk li temmew ħajjithom b’idejhom kienu qed isofru minn xi tip taʼ mard mentali. *

M’għandniex xi ngħidu, ħadd mhu ħieles għalkollox mill-​problemi. Tabilħaqq, il-​Bibbja tgħid li “l-​ħolqien kollu għadu jokrob u jħoss l-​uġigħ flimkien.” (Rumani 8:22) Dan jinkludi liż-​żgħażagħ. Infatti, iż-​żgħażagħ jistgħu jiġu effettwati immens minħabba ġrajjiet negattivi, bħalma huma dawn:

Il-​mewt taʼ xi qarib jew ħabib

In-​nuqqas taʼ ftehim fil-​familja

Il-​falliment fl-​iskola

Il-​tmiem taʼ relazzjoni romantika

It-​trattament ħażin (inkluż abbuż fiżiku jew sesswali)

Huwa minnu li xi darba jew oħra kważi ż-​żgħażagħ kollha jiltaqgħu maʼ waħda jew iktar mis-​sitwazzjonijiet li għadna kif semmejna. Xi wħud għala jkunu kapaċi jkampaw iktar minn oħrajn f’dawn is-​sitwazzjonijiet? Xi esperti jgħidu li ż-​żgħażagħ li jkunu jridu jieqfu jissieltu mal-​ħajja jħossu li m’hemm ħadd li jistaʼ jgħinhom u li m’hemm l-​ebda soluzzjoni għall-​problemi tagħhom. Fi kliem ieħor, żgħażagħ bħal dawn ma jaraw ebda xaqq taʼ dawl. Fir-​realtà, huma ma jkunux iridu jmutu. Huma sempliċement ikunu jridu li jsibu serħan mill-​uġigħ taʼ qalb.

Bla Tama?

Forsi taf b’xi individwu li jrid itemm l-​uġigħ taʼ qalb—tant li esprima x-​xewqa li jmut. F’każ bħal dan, int x’tistaʼ tagħmel?

Jekk għandek xi ħabib jew ħabiba li tant hi mnikkta li tkun trid tmut, ħeġġiġha biex tikseb l-​għajnuna. Imbagħad, kellem lil xi adult responsabbli, avolja l-​ħabib jew ħabiba tiegħek ma tħossx li int għandek tagħmel dan. Toqgħodx tinkwieta li se tkisser il-​ħbiberija tagħkom. Jekk tirrapporta l-​kwistjoni, tistaʼ ssalva l-​ħajja taʼ dan il-​ħabib jew ħabiba tiegħek!

Imma xi ngħidu jekk int stess kellek il-​ħsieb li ttemm ħajtek b’idejk? Tiġmax kollox ġo fik. Tkellem maʼ xi ħadd—xi ħadd mill-​ġenituri tiegħek, xi ħabib, jew xi ħadd ieħor li juri interess fik u li se jagħtik widen u jieħdok bis-​serjetà meta tiftaħ qalbek miegħu. Se jiswielek taʼ ġid, u mhux taʼ deni, li titkellem maʼ xi ħadd ieħor dwar il-​problemi tiegħek. *

M’għandniex xi ngħidu, li titkellem dwar il-​problemi tiegħek ma jfissirx li se jisparixxu. Imma l-​appoġġ taʼ xi ħadd li tistaʼ tafdah jistaʼ jkun proprju dak li jkollok bżonn sabiex ikollok ħarsa realistika lejn is-​sitwazzjoni. Dan l-​appoġġ jistaʼ jgħinek ukoll issib xi soluzzjonijiet prattiċi.

Iċ-​Ċirkustanzi Jinbidlu

Meta tkun għaddej minn xi tbatija, ftakar dan: Tkun kemm tkun tidher li hi bla tama s-​sitwazzjoni, maż-​żmien l-​affarijiet jinbidlu. Darba minnhom, is-​salmista David, li għadda minn ħafna żminijiet ebsin, setaʼ jgħid lil Alla fit-​talb: “Int biddiltli n-​niket tiegħi fi żfin.”—Salm 30:11.

David żgur ma kienx qed jistenna li ż-​żfin, jew iż-​żmien favorevoli, se jibqaʼ għal dejjem. Mill-​esperjenza, David kien jaf li l-​problemi tal-​ħajja jiġu u jmorru. Innotajt jekk dan huwiex minnu fil-​ħajja tiegħek? Ftit mill-​problemi li jkollok jistgħu jidhru kbar wisq—għall-​inqas għalissa. Imma ħu paċenzja. L-​affarijiet jinbidlu, u spiss għall-​aħjar. F’ċerti każi, il-​problemi jittaffew b’modi li lanqas biss timmaġina. F’każi oħrajn, għandek mnejn tiskopri mod kif tkampa li lanqas biss tkun ħsibt dwaru. Il-​punt hu li l-​problemi inkwetanti mhumiex se jibqgħu l-​istess għal dejjem.—2 Korintin 4:17.

Il-​Valur tat-​Talb

L-​iktar mezz importanti taʼ komunikazzjoni li jistaʼ jkollok hu t-​talb. Int tistaʼ titlob bħalma talab David: “Fittex fija, O Alla, u sir af lil qalbi. Eżaminani, u sir af il-​ħsibijiet li jinkwetawni, u ara jekk hemmx fija triq mimlija wġigħ, u mexxini fit-​triq dejjiema.”—Salm 139:23, 24.

It-​talb mhuwiex sempliċement mezz kif inkampaw mal-​problemi. Huwa komunikazzjoni reali maʼ Missierek tas-​sema li jridek ‘tferraʼ qalbek quddiemu.’ (Salm 62:8) Ikkunsidra dawn il-​veritajiet bażiċi dwar Alla:

Hu jaf tajjeb iċ-​ċirkustanzi li jkunu parti mill-​kaġun tal-​inkwiet tiegħek.—Salm 103:14.

Hu jafek iktar milli taf lilek innifsek.—1 Ġwanni 3:20.

‘Hu jimpurtah minnek.’—1 Pietru 5:7.

Fid-​dinja l-​ġdida tiegħu, Alla se ‘jixxottalek kull demgħa minn għajnejk.’—Rivelazzjoni 21:4.

Meta l-​Problema Tkun Konnessa mas-​Saħħa

Bħalma ssemma qabel, meta individwu jħoss li jkun irid jikkommetti suwiċidju, spiss dan jiġri minħabba li jkollu xi tip taʼ mard. Jekk dan hu minnu fil-​każ tiegħek, toqgħodx tistħi tfittex l-​għajnuna. Ġesù rrikonoxxa l-​fatt li l-​morda għandhom bżonn tabib. (Mattew 9:12) L-​aħbar tajba hi li teżisti kura għal ħafna mard. U l-​kura tistaʼ tgħinek tħossok ħafna aħjar! *

Il-​Bibbja toffri wegħda verament taʼ faraġ—li fid-​dinja l-​ġdida t’Alla, “ħadd minn min jgħammar hemmhekk ma jgħid: ‘Jien marid.’” (Isaija 33:24) Alla jgħid li f’dak iż-​żmien, “l-​affarijiet taʼ qabel ma jitfakkrux, u lanqas ma jweġġgħu l-​qalb.” (Isaija 65:17) Sadanittant, agħmel l-​almu tiegħek biex tkampa mal-​isfidi tal-​ħajja, b’fiduċja li fiż-​żmien imwaqqat t’Alla se tintemm id-​dipressjoni, u b’hekk tkun xi ħaġa tal-​passat.—Rivelazzjoni 21:1-​4.

AQRA IKTAR DWAR DAN IS-​SUĠĠETT F’KAPITLU 9 TAʼ VOLUME 2

FIL-​KAPITLU LI JMISS

Il-​ġenituri tiegħek iridu jkunu jafu kollox dwar ħajtek—saħansitra xi affarijiet li tkun tixtieq iżżomm għalik innifsek. Tistaʼ qatt tirbaħ il-​battalja għal ftit privatezza?

[Noti ta’ taħt]

^ par. 7 Madankollu, huwa importanti li wieħed jinnota li l-​biċċa l-​kbira miż-​żgħażagħ li jkollhom mard mentali ma jikkommettux suwiċidju.

^ par. 18 Kristjani li jkunu mnikktin għandhom għajnuna oħra—l-​anzjani tal-​kongregazzjoni.—Ġakbu 5:14, 15.

^ par. 31 Għal iktar informazzjoni, ara Kapitlu 13 taʼ dan il-​ktieb.

SKRITTURA PRINĊIPALI

“Ħallu lil Alla jkun jaf x’teħtieġu; u l-​paċi t’Alla li tisboq kull ħsieb tgħasses lil qalbkom u l-​qawwa mentali tagħkom.”—Filippin 4:6, 7.

SUĠĠERIMENT

Meta tħossok dipress, mur imxi mixja. L-​arja taʼ barra u l-​eżerċizzju jistgħu jikkalmawk u jġegħluk tħossok tajjeb.

KONT TAF . . . ?

Il-​vittmi tas-​suwiċidju mhumiex biss dawk li jtemmu ħajjithom b’idejhom iżda wkoll l-​uħud għeżież li jħallu warajhom.

L-​AZZJONI LI SE NIEĦU

Jekk inħossni ma niswa għal xejn u mhux maħbub(a), jien se nfittex l-​għajnuna taʼ (ikteb l-​isem tal-​persuna f’min tistaʼ tafda) ․․․․․

Barka waħda f’ħajti li tiġini f’moħħi u li napprezza hi ․․․․․

Dak li nixtieq nistaqsi lill-​ġenitur(i) tiegħi dwar dan is-​suġġett hu ․․․․․

INT X’TAĦSEB?

● Anki problemi li jkunu kbar huma biss temporanji. Kif tistaʼ tiġi megħjun meta toqgħod taħseb fuq dan il-​fatt?

● Is-​suwiċidju b’liema mod jitfaʼ l-​problemi taʼ persuna fuq xi ħadd ieħor?

[Kumment f’paġna 104]

“Kultant, id-​dipressjoni li kelli tant kienet tkun qawwija li kulma xtaqt kien li mmut, imma issa qed nerġaʼ ngħix ħajja normali, grazzi għat-​talb bla heda u għall-​kura li ngħatajt.”​—Heidi

[Kaxxa f’paġna 100]

Jekk Tħossok Imnikket għall-​Aħħar

Anki xi rġiel u nisa leali fil-​Bibbja kultant kienu jħossuhom imnikktin għall-​aħħar minħabba l-​ansjetajiet tal-​ħajja. Ikkunsidra xi eżempji.

Rebekka: “Jekk inhu hekk, għalfejn qed ngħix?”—Ġenesi 25:22.

Mosè: “Jekk jogħġbok, oqtolni għalkollox, . . . u tħallinix nara l-​gwaj tiegħi.”—Numri 11:15.

Elija: “O Ġeħova, ħudli ruħi, għax m’iniex aħjar minn missirijieti.”—1 Slaten 19:4.

Ġob: “O li fil-​Qabar kont taħbini, . . . li kont tistabbilixxi limitu taʼ żmien għalija u tiftakar fija!”​—Ġob 14:13.

F’kull wieħed minn dawn il-​każi, is-​sitwazzjoni fl-​aħħar inbidlet għall-​aħjar—u b’mod li l-​individwu li kien qed ibati ma kienx qed jistenna. Kun żgur li dan jistaʼ jkun minnu anki fil-​każ tiegħek!

[Stampa f’paġna 102]

Wara l-​maltemp jiġi l-​bnazzi—is-​sentimenti taʼ disperazzjoni maż-​żmien jgħaddu