Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Alla Għala Jippermetti s-​Sofferenza?

Alla Għala Jippermetti s-​Sofferenza?

Kapitlu Ħdax

Alla Għala Jippermetti s-​Sofferenza?

Huwa Alla li kkaġuna s-​sofferenza fid-​dinja?

Liema kwistjoni qamet fil-​ġnien taʼ l-​Għeden?

Alla kif se jneħħi l-​effetti tas-​sofferenza tal-​bniedem?

1, 2. Liema xorta taʼ sofferenzi jiffaċċjaw in-​nies illum, u din twassalhom biex jistaqsu liema mistoqsijiet?

WARA battalja qalila f’wieħed mill-​pajjiżi mifnijin bil-​gwerra, l-​eluf taʼ nisa u tfal pajżana li nqatlu ġew midfunin f’qabar kbir wieħed u madwaru tpoġġew slaleb żgħar. Fuq kull wieħed kien hemm miktub: “Għala?” Kultant, din hi l-​iktar mistoqsija taʼ qsim il-​qalb li wieħed jistaʼ jistaqsi. In-​nies b’niket kbir jistaqsu din il-​mistoqsija meta minħabba l-​gwerer, id-​diżastri, il-​mard, jew id-​delitti jmutilhom xi ħadd innoċenti mill-​għeżież tagħhom, tinqerdilhom id-​dar, jew isofru immens b’xi modi oħra. Huma jkunu jridu jafu għala jiġrulhom traġedji bħal dawn.

2 Alla għala jippermetti s-​sofferenza? La Alla Ġeħova jistaʼ kollox, u hu kollu mħabba, għerf, u ġustizzja, għala fid-​dinja hawn tant mibegħda u inġustizzji? Ġieli staqsejt dwar dawn l-​affarijiet int stess?

3, 4. (a) X’juri li m’huwiex ħażin li tistaqsi għala Alla jippermetti s-​sofferenza? (b) Ġeħova kif iħossu dwar il-​ħażen u s-​sofferenza?

3 Huwa ħażin li tistaqsi għala Alla jippermetti s-​sofferenza? Xi wħud jinkwetaw li jekk jistaqsu mistoqsija bħal din ikun ifisser li huma m’għandhomx biżżejjed fidi jew li qed jonqsu mir-​rispett lejn Alla. Madankollu, meta taqra l-​Bibbja, int se ssib li nies leali li kellhom il-​biżaʼ t’Alla kienu jistaqsu mistoqsijiet bħal dawn. Per eżempju, il-​profeta Ħabakkuk staqsa lil Ġeħova: “Għaliex turini l-​ħażen, u inti toqgħod tħares lejn il-​ħtija? Quddiemi qerda u vjolenza, hemm it-​tilwim, u l-​ġlied dejjem jiżdied.”​—Ħabakkuk 1:​3.

4 Irrabja Ġeħova mal-​profeta leali Ħabakkuk talli qagħad jistaqsi mistoqsijiet bħal dawn? Le. Pjuttost, Alla inkluda l-​kliem sinċier taʼ Ħabakkuk fil-​kitbiet imnebbħin tal-​Bibbja. Alla għenu wkoll biex ikollu fehma iktar ċara taʼ l-​affarijiet u jikseb fidi akbar. Ġeħova jrid jagħmel l-​istess għalik. Ftakar, il-​Bibbja tgħallem li ‘hu jimpurtah minnek.’ (1 Pietru 5:7) Alla jobgħod il-​ħażen u s-​sofferenza li dan iġib miegħu iktar milli jobgħodhom kull bniedem ieħor. (Isaija 55:​8, 9) Mela, għala hemm din is-​sofferenza kollha fid-​dinja?

GĦALA DIN IS-​SOFFERENZA KOLLHA?

5. Xi drabi liema raġunijiet jingħataw biex jispjegaw għala hawn din is-​sofferenza umana kollha, imma l-​Bibbja x’tgħallem?

5 In-​nies taʼ reliġjonijiet differenti staqsew lill-​mexxejja reliġjużi u l-​għalliema tagħhom għala hawn din is-​sofferenza kollha. Spiss, it-​tweġiba li jagħtuhom tkun li s-​sofferenza tiġi bir-​rieda t’Alla u li hu ddetermina minn żmien twil ilu kulma kellu jiġri, inkluż it-​traġedji. Għal ħafna oħrajn it-​tweġiba tkun li l-​mogħdijiet t’Alla ħadd ma jistaʼ jispjegahom, jew li hu Alla li jibgħat il-​mewt lin-​nies​—saħansitra lit-​tfal​—sabiex jiħodhom ħdejh fis-​sema. Iżda bħalma tgħallimt, Alla Ġeħova qatt ma jikkaġuna xi ħaġa ħażina. Il-​Bibbja tgħid: “Ma jistax ikun li Alla jagħmel id-​deni, li Xaddaj jagħmel dak li hu ħażin.”​—Ġob 34:10.

6. Ħafna nies għala b’mod żbaljat iwaħħlu f’Alla għas-​sofferenza li hawn fid-​dinja?

6 Taf għala n-​nies b’mod żbaljat iwaħħlu f’Alla għas-​sofferenza kollha li hawn fid-​dinja? Ħafna drabi jwaħħlu f’Alla li Jistaʼ Kollox għaliex jaħsbu li hu fil-​fatt qed jaħkem din id-​dinja. Ma jafux dwar verità sempliċi imma importanti li tgħallem il-​Bibbja. Int tgħallimt dwar din il-​verità f’Kapitlu 3 taʼ dan il-​ktieb. Il-​ħakkiem veru taʼ din id-​dinja hu Satana x-​Xitan.

7, 8. (a) Id-​dinja kif tirrifletti l-​personalità tal-​ħakkiem tagħha? (b) L-​imperfezzjoni umana u “ż-​żmien u ċ-​ċirkustanzi” kif wasslu għas-​sofferenza?

7 Il-​Bibbja tistqarr ċar u tond: “Id-​dinja kollha qiegħda taħt il-​qawwa tal-​Ħażin.” (1 Ġwanni 5:​19) Meta taħseb ftit dwar dan, ma tħossx li jagħmel sens? Din id-​dinja tirrifletti l-​personalità taʼ dak l-​ispirtu inviżibbli li “qed iqarraq bl-​art abitata kollha.” (Rivelazzjoni 12:9) Satana hu mimli mibegħda, qerq, u kefrija. Għalhekk id-​dinja, li hi influwenzata minnu, ukoll hi mimlija mibegħda, qerq, u kefrija. Din hi raġuni waħda għala hawn tant sofferenza.

8 It-​tieni raġuni għala hawn tant sofferenza hija li, bħalma ġie diskuss f’Kapitlu 3, il-​bniedem ilu imperfett u midneb mindu sar l-​irvell fil-​ġnien taʼ l-​Għeden. Il-​bnedmin midinba għandhom it-​tendenza li jiġġieldu għad-​dominanza, u dan jirriżulta fi gwerer, moħqrija, u sofferenza. (Koħèlet 4:1; 8:9) It-​tielet raġuni għas-​sofferenza hi minħabba “ż-​żmien u ċ-​ċirkustanzi.” (Koħèlet 9:​11) F’dinja li fiha m’hemmx Ġeħova bħala Ħakkiem protettiv, in-​nies għandhom mnejn isofru għaliex jinzertaw ikunu f’post żbaljat fil-​ħin żbaljat.

9. Għala nistgħu nkunu ċerti li Ġeħova għandu raġuni tajba għala jippermetti li s-​sofferenza tibqaʼ sejra?

9 Huwa taʼ faraġ li tkun taf li Alla ma jikkaġunax is-​sofferenza. M’huwiex responsabbli għall-​gwerer, il-​kriminalità, il-​moħqrija, jew saħansitra d-​diżastri naturali li jġagħlu n-​nies isofru. Xorta waħda għandna bżonn inkunu nafu, Għala Ġeħova jippermetti din is-​sofferenza kollha? Jekk hu Alla li Jistaʼ Kollox, mela għandu l-​qawwa li jwaqqafha. Allura, għala ma jwaqqafhiex? L-​Alla taʼ mħabba li nafu aħna bilfors li għandu raġuni tajba.​—1 Ġwanni 4:8.

TQUM KWISTJONI VITALI

10. Satana dwar liema ħaġa qajjem dubju, u kif?

10 Biex insiru nafu għala Alla jippermetti s-​sofferenza, jeħtieġ li niftakru ftit fiż-​żmien meta bdiet is-​sofferenza. Meta Satana wassal lil Adam u lil Eva biex ma jobdux lil Ġeħova, qamet mistoqsija importanti. Satana ma qajjimx dubju dwar il-​qawwa taʼ Ġeħova. Anki Satana jaf li m’hemm ebda limitu għall-​qawwa taʼ Ġeħova. Pjuttost, Satana qajjem dubju dwar jekk Ġeħova kellux dritt jaħkem. Billi sejjaħ lil Alla giddieb li jċaħħad lis-​sudditi tiegħu mill-​affarijiet tajbin, Satana kien qed jakkuża lil Ġeħova li hu ħakkiem ħażin. (Ġenesi 3:​2-5) Satana kien qed jagħti x’jifhem li l-​bnedmin kienu se jkunu aħjar mingħajr il-​ħakma t’Alla. Dan kien attakk fuq is-​sovranità taʼ Ġeħova, id-​dritt tiegħu li jaħkem.

11. Ġeħova għala ma qabadx u qered lir-​ribelli fl-​Għeden?

11 Adam u Eva rribellaw kontra Ġeħova. Fil-​fatt, huma kienu qed jgħidu: “M’għandniex bżonn lil Ġeħova bħala Ħakkiem tagħna. Nistgħu niddeċiedu għalina nfusna x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin.” Ġeħova kif setaʼ jsolvi din il-​kwistjoni? Kif setaʼ jgħallem lill-​ħlejjaq intelliġenti tiegħu kollha li r-​ribelli ma kellhomx raġun u li l-​mod tiegħu kien verament l-​aqwa wieħed? Xi ħadd għandu mnejn jgħid li Alla messu sempliċement qered lil dawn ir-​ribelli u beda kollox mill-​ġdid. Imma Ġeħova kien stqarr l-​iskop tiegħu li jimla l-​art bin-​nisel taʼ Adam u Eva, u hu riedhom jgħixu fuq art magħmula ġenna. (Ġenesi 1:​28) Ġeħova dejjem iwettaq l-​iskopijiet tiegħu. (Isaija 55:​10, 11) Barra minn hekk, kieku qered liż-​żewġ ribelli fl-​Għeden ma kinitx titwieġeb il-​mistoqsija li qamet rigward id-​dritt taʼ Ġeħova li jaħkem.

12, 13. Agħti eżempju biex tispjega għala Ġeħova ppermetta lil Satana jsir il-​ħakkiem taʼ din id-​dinja u għala Alla ppermetta lill-​bnedmin imexxu lilhom infushom.

12 Ejja nikkunsidraw tixbiha. Immaġina li għalliem qed jgħid lill-​istudenti tiegħu kif isolvu problema diffiċli. Student bravu imma ribelluż isostni li l-​mod kif l-​għalliem isolvi l-​problema m’huwiex tajjeb. Waqt li qed jagħti x’jifhem li l-​għalliem m’huwiex kapaċi, dan ir-​ribell jinsisti li hu jaf mod ħafna aħjar kif isolvi l-​problema. Xi studenti jaħsbu li għandu raġun, u huma wkoll isiru ribellużi. L-​għalliem x’għandu jagħmel? Jekk jitfaʼ r-​ribelli ’l barra mill-​klassi, dan x’effett se jkollu fuq l-​istudenti l-​oħra? M’humiex dawn se jibdew jemmnu li l-​istudent seħibhom li rribella u l-​oħrajn li żammew miegħu għandhom raġun? Il-​bqija taʼ l-​istudenti l-​oħra fil-​klassi għandhom mnejn jitilfu kull rispett lejn l-​għalliem, billi jaħsbu li hu qed jibżaʼ li se joħorġuh taʼ ħmar. Imma nagħmlu mod li l-​għalliem jagħti ċans lil dan ir-​ribell juri lill-​klassi kif hu kien se jsolvi l-​problema.

13 Ġeħova għamel xi ħaġa simili għal dak li għamel lgħalliem. Ftakar li r-​ribelli fl-​Għeden ma kinux l-​uniċi wħud involuti. Miljuni t’anġli kienu qed jarawhom. (Ġob 38:7; Danjel 7:​10) Il-​mod kif Ġeħova ttratta din ir-​ribelljoni kien se jeffettwa sew lil dawk l-​anġli kollha u maż-​żmien anki lill-​ħlejjaq intelliġenti kollha. Għalhekk, Ġeħova x’għamel? Hu ppermetta lil Satana juri kif kien se jaħkem lill-​bnedmin. Alla ppermetta wkoll lill-​bnedmin imexxu lilhom infushom gwidati minn Satana.

14. Id-​deċiżjoni taʼ Ġeħova li jħalli lill-​bnedmin imexxu lilhom infushom x’benefiċċju se ġġib?

14 L-​għalliem fit-​tixbiha tagħna jaf li r-​ribell u l-​istudenti li appoġġawh ma kellhomx raġun. Imma hu jaf ukoll li billi jagħtihom l-​opportunità biex jipprovaw iġibu l-​provi tagħhom, il-​klassi kollha kienet se tibbenefika. Meta r-​ribelli ma jirnexxilhomx, kull student onest se jinduna li l-​għalliem hu l-​uniku wieħed kwalifikat biex imexxi l-​klassi. Huma se jifhmu għala minn dakinhar ’il quddiem l-​għalliem kien se jkeċċi mill-​klassi lil kwalunkwe wieħed li jirribella. Bl-​istess mod, Ġeħova jaf li kwalunkwe bniedem taʼ qalb onesta u l-​anġli se jibbenefikaw meta jaraw li Satana u sħabu r-​ribelli ma kellhomx raġun u li l-​bnedmin ma jistgħux imexxu lilhom infushom. Bħal Ġeremija tal-​qedem, huma se jsiru jafu din il-​verità vitali: “Jien naf, Mulej, triq il-​bniedem m’hijiex f’idejh, anqas min jimxi ma jistaʼ jiddirieġi l-​passi tiegħu.”​—Ġeremija 10:23.

GĦALA DAM DAQSHEKK?

15, 16. (a) Ġeħova għala ppermetta li s-​sofferenza ddum sejra daqshekk? (b) Ġeħova għala m’għamel xejn biex iwaqqaf affarijiet koroh bħalma huma d-​delitti milli jseħħu?

15 Iżda, Ġeħova għala ppermetta li s-​sofferenza ddum sejra daqshekk? U għala m’għamel xejn biex iwaqqaf l-​affarijiet ħżiena milli jseħħu? Ejja nikkunsidraw żewġ affarijiet li l-​għalliem fit-​tixbiha tagħna ma kienx se jagħmel. L-​ewwel, hu ma kienx se jwaqqaf l-​istudent ribell milli jippreżenta l-​każ tiegħu. It-​tieni, l-​għalliem ma kienx se jgħin lir-​ribell biex iġib il-​provi favur il-​każ tiegħu. Bl-​istess mod, ikkunsidra żewġ affarijiet li Ġeħova kien determinat li ma jagħmilx. L-​ewwel, hu ma waqqafx lil Satana u lil dawk li jappoġġawh milli jipprovaw iġibu l-​provi biex juru li għandhom raġun. B’hekk kien hemm bżonn li jħalli ż-​żmien jgħaddi. Fl-​eluf taʼ snin taʼ storja umana, il-​bnedmin kellhom iċ-​ċans jaħkmu lilhom infushom billi jipprovaw kull tip taʼ ħakma jew gvern uman. Il-​bniedem għamel avanzi fix-​xjenza u oqsma oħra, imma l-​inġustizzji, il-​faqar, il-​kriminalità, u l-​gwerer saru agħar milli kienu. Issa nistgħu naraw bil-​fatti kemm il-​ħakma mill-​bniedem falliet.

16 It-​tieni, Ġeħova m’għenx lil Satana biex jaħkem din id-​dinja. Per eżempju, kieku Alla kellu jindaħal biex ma jħallix id-​delitti tal-​biżaʼ jsiru, ma kienx hu, fil-​fatt, ikun qed juri li r-​ribelli kellhom raġun? Ma kienx Alla jkun qed iġiegħel lin-​nies jaħsbu li forsi l-​bnedmin jistgħu jmexxu lilhom infushom mingħajr riżultati diżastrużi? Kieku Ġeħova kellu jaġixxi b’dan il-​mod, hu kien ikun kompliċi taʼ gidba. Iżda, “hu impossibbli li Alla jigdeb.”​—Ebrej 6:​18.

17, 18. Ġeħova x’se jagħmel dwar il-​ħsara kollha li ġiet minħabba l-​ħakma mill-​bniedem u l-​influwenza taʼ Satana?

17 Iżda xi ngħidu dwar il-​ħsara kollha li saret matul l-​irvell li ilu tant sejjer kontra Alla? Tajjeb li nżommu f’moħħna li Ġeħova jistaʼ kollox. Għalhekk, hu jistaʼ jneħħi l-​effetti tas-​sofferenza tal-​bniedem, u żgur li hekk se jagħmel. Bħalma diġà tgħallimna, il-​ħsara li saret lill-​pjaneta tagħna se tissewwa meta l-​art tinbidel f’Ġenna. L-​effetti tad-​dnub se jitneħħew permezz tal-​fidi fis-​sagrifiċċju taʼ fidwa taʼ Ġesù, u l-​effetti tal-​mewt se jitneħħew permezz taʼ l-​irxoxt. Alla b’hekk se juża lil Ġesù “biex ikisser l-​għemejjel tax-​Xitan.” (1 Ġwanni 3:8) Ġeħova se jwettaq dan kollu eżatt f’waqtu. Għandna għalxiex inkunu grati li hu m’aġixxiex qabel, għax il-​paċenzja tiegħu tatna l-​opportunità li nsiru nafu l-​verità u naqduh. (2 Pietru 3:​9, 10) Sadanittant, Alla għadu b’ħeġġa kbira jfittex aduraturi sinċieri u jgħinhom biex jissaportu kwalunkwe sofferenza li tistaʼ tiġi fuqhom f’din id-​dinja mimlija inkwiet.​—Ġwanni 4:​23; 1 Korintin 10:13.

18 Xi wħud forsi jaħsbu, Setgħet din is-​sofferenza kollha tiġi evitata kieku Alla ħalaq lil Adam u lil Eva b’mod li ma setgħux jirribellaw? Biex twieġeb din il-​mistoqsija, trid tiftakar f’rigal prezzjuż li tak Ġeħova.

KIF SE TUŻAH IR-​RIGAL LI TAK ALLA?

19. Ġeħova liema rigal prezzjuż tana, u għala għandu jkun prezzjuż għalina?

19 Bħalma rajna f’Kapitlu 5, il-​bnedmin inħolqu bil-​libertà taʼ l-​għażla. Qatt ħsibt x’rigal prezzjuż huwa dan? Alla għamel annimali bla għadd, u l-​biċċa l-​kbira minnhom jimxu bl-​istint. (Proverbji 30:​24, NW) Il-​bniedem għamel xi robots li jistgħu jiġu programmati biex jobdu kull kmand. Konna nkunu ferħanin kieku Alla għamilna hekk? Le, aħna ferħanin li għandna l-​libertà li nagħmlu għażliet dwar x’tip taʼ persuna rridu nsiru, liema triq se naqbdu fil-​ħajja, xi ħbieb nagħżlu, u affarijiet bħal dawn. Nieħdu gost li jkollna ċertu ammont taʼ libertà, u Alla jixtieqna ngawduha.

20, 21. Kif nistgħu nużaw ir-​rigal tal-​libertà taʼ l-​għażla bl-​aħjar mod possibbli, u għala għandna nkunu rridu nagħmlu dan?

20 Ġeħova ma jiħux gost li xi ħadd jaqdih bilfors. (2 Korintin 9:7) Biex nagħtu eżempju: Ġenitur x’jogħġbu l-​iktar​—li t-​tifel tiegħu jgħidlu “nħobbok” għaliex xi ħadd qallu biex jgħidlu hekk jew meta jgħidha waħdu u minn qalbu? Mela l-​mistoqsija hi, Int kif se tużaha l-​libertà taʼ l-​għażla li tak Ġeħova? Satana, Adam, u Eva ma setgħux użaw il-​libertà taʼ l-​għażla agħar milli użawha. Huma ċaħdu lil Alla Ġeħova. Int x’se tagħmel?

21 Int għandek l-​opportunità li tuża dan ir-​rigal meraviljuż tal-​libertà taʼ l-​għażla bl-​aħjar mod possibbli. Tistaʼ tingħaqad mal-​miljuni li issa ħadu l-​waqfa tagħhom fuq in-​naħa taʼ Ġeħova. Huma jferrħu qalb Ġeħova għaliex qed jagħtu sehemhom biex joħorġu lil Satana taʼ giddieb u juru kemm hu falla bl-​ikrah bħala ħakkiem. (Proverbji 27:11) Int ukoll tistaʼ tagħmel hekk billi tagħżel it-​triq it-​tajba fil-​ħajja. Din se tiġi spjegata fil-​kapitlu li jmiss.

DAK LI TGĦALLEM IL-​BIBBJA

▪ M’huwiex Alla li jikkaġuna l-​kundizzjonijiet ħżiena fid-​dinja.​—Ġob 34:10.

▪ Billi sejjaħ lil Alla giddieb u qal li Hu jċaħħad lis-​sudditi Tiegħu mill-​affarijiet tajbin, Satana qajjem dubju dwar jekk Ġeħova kellux dritt jaħkem.​—Ġenesi 3:​2-5.

▪ Ġeħova se juża lil Ibnu, bħala l-​Ħakkiem tas-​Saltna Messjanika, biex itemm is-​sofferenza umana kollha u biex ineħħi l-​effetti kollha tagħha.​—1 Ġwanni 3:8.

[Mistoqsijiet taʼ Studju]

[Stampa f’paġna  106, 107]

Ġeħova se jtemm is-​sofferenza kollha

[Stampa f’paġna 110]

Huwa l-​istudent kwalifikat iktar mill-​għalliem tiegħu?

[Stampa f’paġna 113]

Alla se jgħinek tissaporti s-​sofferenza