Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Il-​Bibbja​—Ktieb Mingħand Alla

Il-​Bibbja​—Ktieb Mingħand Alla

Kapitlu Tnejn

Il-​Bibbja​—Ktieb Mingħand Alla

Il-​Bibbja b’liema modi hi differenti minn kwalunkwe ktieb ieħor?

Il-​Bibbja kif tistaʼ tgħinek tkampa mal-​problemi persunali?

Għala tistaʼ tafda l-​profeziji li hemm fil-​Bibbja?

1, 2. Il-​Bibbja b’liema modi hija rigal eċċitanti mingħand Alla?

TIFTAKAR meta qlajt rigal sabiħ mingħand ħabib tal-​qalb? X’aktarx li din l-​esperjenza ġagħlitek tħossok eċċitat kif ukoll ferħan ħafna. Wara kollox, rigal jgħidlek xi ħaġa dwar min ikun tahulek​—li din il-​persuna verament tgħożż il-​ħbiberija tiegħek. Bla dubju int urejt il-​gratitudni tiegħek lil dan il-​ħabib tar-​rigal sabiħ li tak.

2 Il-​Bibbja hija rigal mingħand Alla, rigal li għandna verament inkunu grati għalih. Dan il-​ktieb uniku jikxef affarijiet li qatt ma kien ikun possibbli li nsiru nafuhom b’mod ieħor. Per eżempju, jgħidilna dwar il-​ħolqien tas-​smewwiet mimli kwiekeb, taʼ l-​art, u taʼ l-​ewwel raġel u mara. Il-​Bibbja fiha prinċipji taʼ min jorbot fuqhom biex jgħinuna nkampaw mal-​problemi u l-​ansjetajiet tal-​ħajja. Tispjega kif Alla se jwettaq l-​iskop tiegħu u jġib kundizzjonijiet aħjar fuq l-​art. Kemm hi rigal eċċitanti l-​Bibbja!

3. Il-​fatt li Ġeħova pprovdielna l-​Bibbja x’jgħidilna dwaru, u dan għala jferrħilna qalbna?

3 Il-​Bibbja hija wkoll rigal li jferraħlek qalbek, għax tgħidilna xi ħaġa dwar id-​Donatur, Alla Ġeħova. Il-​fatt li hu pprovda dan il-​ktieb huwa prova li jridna nsiru nafuh sew. Tabilħaqq, il-​Bibbja tistaʼ tgħinek tersaq qrib lejn Ġeħova.

4. X’jimpressjonak dwar it-​tqassim tal-​Bibbja?

4 Jekk għandek Bibbja, m’intix l-​uniku wieħed. Il-​Bibbja sħiħa jew xi partijiet minnha ġew pubblikati b’iktar minn 2,300 lingwa, u b’hekk tistaʼ tinkiseb minn iktar minn 90 fil-​mija mill-​popolazzjoni tad-​dinja. Hu kalkulat li iktar minn miljun Bibbja qed jitqassmu kull ġimgħa! Saru biljuni taʼ kopji tal-​Bibbja sħiħa jew partijiet minnha. Żgur li m’hemm ebda ktieb ieħor bħall-​Bibbja.

5. Il-​Bibbja b’liema mod “hi mnebbħa minn Alla”?

5 Barra minn hekk, il-​Bibbja “hi mnebbħa minn Alla.” (2 Timotju 3:​16) B’liema mod? Il-​Bibbja stess twieġeb: “Bnedmin tkellmu minn Alla skond kif tmexxew mill-​ispirtu qaddis.” (2 Pietru 1:​21) Biex nagħtu eżempju: Negozjant jistaʼ jqabbad segretarju jiktiblu ittra. Din l-​ittra jkun fiha l-​ħsibijiet u l-​istruzzjonijiet tan-​negozjant. Għalhekk, din l-​ittra fil-​fatt hija tiegħu, u mhux tas-​segretarju. Bl-​istess mod, il-​Bibbja fiha l-​messaġġ t’Alla, mhux tal-​bnedmin li kitbuha. B’hekk, il-​Bibbja kollha hija verament “il-​kelma t’Alla.”​—1 Tessalonikin 2:13.

F’ARMONIJA U EŻATTA

6, 7. L-​armonija li hemm bejn il-​partijiet differenti tal-​Bibbja għala hija tant impressjonanti?

6 Il-​Bibbja nkitbet matul perijodu taʼ iktar minn 1,600 sena. Il-​kittieba tal-​Bibbja kienu jgħixu fi żminijiet differenti u anki l-​ambjent soċjali li kienu ġejjin minnu kien differenti. Xi wħud kienu bdiewa, sajjieda, u rgħajja. Oħrajn kienu profeti, imħallfin, u slaten. Luqa, il-​kittieb taʼ wieħed mill-​Evanġelji, kien tabib. Minkejja l-​ambjent soċjali differenti li kienu ġejjin minnu l-​kittieba tagħha, il-​Bibbja hija f’armonija mill-​bidu sat-​tmiem. *

7 L-​ewwel ktieb tal-​Bibbja jgħidilna kif bdew il-​problemi tal-​bniedem. L-​aħħar ktieb juri li l-​art kollha se ssir ġenna, jew ġnien. Il-​partijiet differenti kollha tal-​Bibbja jinkludu eluf taʼ snin taʼ storja u jgħinuna biex b’xi mod inkunu nistgħu nifhmu x’inhu l-​iskop t’Alla u kif se jitwettaq fil-​futur. L-​armonija li hemm fil-​Bibbja hija impressjonanti, imma hekk tistenna minn ktieb li ġej mingħand Alla.

8. Agħti eżempji biex turi li l-​Bibbja hija eżatta xjentifikament.

8 Il-​Bibbja hija eżatta xjentifikament. Fiha saħansitra informazzjoni li kienet ferm avanzata għal dak iż-​żmien. Per eżempju, il-​ktieb tal-​Levitiku kien fih liġijiet li ngħataw lil Iżrael tal-​qedem dwar il-​kwarantina u l-​iġjene fi żmien meta l-​ġnus taʼ madwarhom ma kienu jafu xejn dwar dawn l-​affarijiet. Fi żmien meta kien hemm ideat żbaljati dwar l-​għamla tad-​dinja, il-​Bibbja rreferiet għaliha bħala ċirku, jew sfera. (Isaija 40:22) Il-​Bibbja kienet eżatta meta qalet li l-​art hija “mdendla fuq ix-​xejn.” (Ġob 26:7) M’għandniex xi ngħidu, il-​Bibbja m’hijiex xi ktieb tax-​xjenza. Imma meta tirreferi għal affarijiet xjentifiċi, hija eżatta. Mhux hekk tistenna minn ktieb li ġej mingħand Alla?

9. (a) Il-​Bibbja b’liema modi turi li hi eżatta u taʼ min jorbot fuqha storikament? (b) L-​onestà tal-​kittieba tagħha x’turik dwar il-​Bibbja?

9 Il-​Bibbja hija wkoll eżatta u taʼ min jorbot fuqha f’dik li hi storja tal-​bniedem. Ir-​rakkonti tagħha huma speċifiċi. Ma jinkludux biss l-​ismijiet taʼ individwi imma wkoll il-​linja taʼ l-​antenati tagħhom. * Kontra l-​kittieba taʼ l-​istorja sekulari, li spiss ma jsemmux it-​telfiet li kellhom in-​nies taʼ pajjiżhom, il-​kittieba tal-​Bibbja kienu onesti u saħansitra niżżlu n-​nuqqasijiet tagħhom stess u tal-​ġens tagħhom. Per eżempju, fil-​ktieb Bibliku tan-​Numri, il-​kittieb Mosè jammetti l-​iżball serju li għamel hu stess u li minħabba fih ġie mċanfar bl-​aħrax. (Numri 20:​2-12) Onestà bħal din rari ssibha f’rakkonti storiċi oħra imma tinsab fil-​Bibbja għaliex hija ktieb mingħand Alla.

KTIEB T’GĦERF PRATTIKU

10. Għala m’għandniex għalfejn niskantaw li l-​Bibbja hija ktieb prattiku?

10 Peress li l-​Bibbja hija mnebbħa minn Alla, din “tiswa biex tgħallem, twiddeb, tikkoreġi.” (2 Timotju 3:​16) Iva, il-​Bibbja hija ktieb prattiku. Din turi li tifhem eżatt in-​natura tal-​bniedem. M’għandniex għax niskantaw, għax l-​Awtur tagħha, Alla Ġeħova, hu l-​Ħallieq! Hu jifhem il-​ħsibijiet u l-​emozzjonijiet tagħna iktar milli nifhmuhom aħna. Barra minn hekk, Ġeħova jaf dak li għandna bżonn sabiex inkunu ferħanin. Jaf ukoll x’għandna nevitaw.

11, 12. (a) Ġesù liema suġġetti ddiskuta fil-​Priedka tiegħu taʼ fuq il-​Muntanja? (b) Liema suġġetti prattiċi oħra huma kunsidrati fil-​Bibbja, u l-​pariri tagħha għala jgħoddu għal kull żmien?

11 Ikkunsidra d-​diskors li għamel Ġesù, magħruf bħala l-​Priedka taʼ fuq il-​Muntanja, li nsibu f’Mattew minn kapitlu 5 sa 7. F’dan il-​kapulavur taʼ tagħlim, Ġesù tkellem dwar numru taʼ suġġetti, inkluż il-​mod kif insibu l-​hena veru, kif nirranġaw meta jkollna xi ngħidu maʼ xi ħadd, kif nitolbu, u kif ikollna ħarsa xierqa lejn l-​affarijiet materjali. Il-​kliem taʼ Ġesù għadu qawwi u prattiku llum daqskemm kien meta qalu.

12 Xi prinċipji tal-​Bibbja għandhom x’jaqsmu mal-​ħajja tal-​familja, mad-​drawwiet tax-​xogħol, u mar-​relazzjonijiet taʼ bejnietna. Il-​prinċipji tal-​Bibbja japplikaw għan-​nies kollha, u l-​pariri tagħha huma dejjem taʼ ġid. L-​għerf li nsibu fil-​Bibbja jistaʼ jinġabar f’dan il-​ftit kliem li Alla qal permezz tal-​profeta Isaija: “Jien hu l-​Mulej, Alla tiegħek; jien ngħallmek għall-​ġid tiegħek.”​—Isaija 48:17.

KTIEB TAʼ PROFEZIJA

13. Ġeħova liema dettalji nebbaħ lill-​profeta Isaija biex jikteb dwar Babilonja?

13 Il-​Bibbja fiha għadd taʼ profeziji li ħafna minnhom diġà twettqu. Ikkunsidra eżempju wieħed. Permezz tal-​profeta Isaija, li għex fit-​tmien seklu Q.E.K., Ġeħova bassar li l-​belt taʼ Babilonja kellha tinqered. (Isaija 13:19; 14:​22, 23) Ngħataw dettalji li juru eżatt kif dan kellu jiġri. L-​eżerċti li kienu se jinvadu lil Babilonja kellhom inixxfu x-​xmara u jimmarċjaw għal ġol-​belt mingħajr ebda battalja. U dan mhux kollox. Il-​profezija taʼ Isaija saħansitra tat l-​isem tas-​sultan li kien se jieħu lil Babilonja taħt idejh​—Ċiru.​—Isaija 44:27–​45:2.

14, 15. Kif twettqu xi wħud mid-​dettalji tal-​profezija taʼ Isaija dwar Babilonja?

14 Madwar 200 sena wara​—fil-​lejl taʼ bejn il-​5 u s-​6 t’Ottubru tas-​sena 539 Q.E.K.​—armata kkampjat ħdejn Babilonja. Min kien il-​kmandant? Ħadd ħlief is-​sultan Persjan Ċiru. Kollox kien b’hekk lest għat-​twettiq taʼ profezija taʼ l-​għaġeb. Imma kienet l-​armata taʼ Ċiru se tinvadi lil Babilonja mingħajr ebda battalja, bħalma kien imbassar?

15 Dak il-​lejl, il-​Babiloniżi kellhom festa u ħassewhom fis-​sigurtà wara s-​swar enormi tal-​belt. Sadanittant, Ċiru b’għaqal kbir biddel ir-​rotta taʼ l-​ilma tax-​xmara li kienet tgħaddi minn nofs il-​belt. Ftit tal-​ħin wara l-​ilma kien baxx biżżejjed biex in-​nies tiegħu jaqsmu bil-​mixi minn qiegħ ix-​xmara għan-​naħa tas-​swar tal-​belt. Imma kif setgħet l-​armata taʼ Ċiru tgħaddi mis-​swar taʼ Babilonja? Għal xi raġuni, dak il-​lejl il-​bibien tal-​belt bi traskuraġni tħallew miftuħin!

16. (a) Isaija x’qal dwar kif kellha tispiċċa Babilonja? (b) Il-​profezija taʼ Isaija dwar li Babilonja kellha ssir ħerba kif twettqet?

16 Dwar Babilonja ġie mbassar: “Qatt aktar ma titgħammar, minn żmien għal żmien ħadd aktar ma joqgħod fiha. L-​Għarbi ma jtellax l-​għarix fiha, u r-​rgħajja ma jserrħux l-​imrieħel tagħhom.” (Isaija 13:20) Din il-​profezija mhux biss bassret il-​waqgħa tal-​belt taʼ Babilonja, imma wriet ukoll li din kellha tibqaʼ ħerba għal dejjem. Int tistaʼ tara b’għajnejk it-​twettiq taʼ dan il-​kliem. Il-​post diżabitat fejn kien hemm Babilonja tal-​qedem​—madwar 80 kilometru fin-​nofsinhar taʼ Bagdad, fl-​Iraq​—hu prova li twettaq dan il-​kliem li Ġeħova kien qal permezz taʼ Isaija: “Niknisha bl-​ixkupa tal-​qerda.”​—Isaija 14:22, 23. *

17. It-​twettiq tal-​profeziji tal-​Bibbja kif isaħħilna l-​fidi?

17 Ma taqbilx li meta tikkunsidra kif il-​Bibbja hija ktieb taʼ profeziji taʼ min jorbot fuqhom tkun qed issaħħaħ il-​fidi? Wara kollox, jekk Alla Ġeħova wettaq il-​wegħdi tal-​passat, għandna għalxiex inkunu fiduċjużi li hu se jwettaq ukoll il-​wegħda tiegħu t’art magħmula ġenna. (Numri 23:19) Tabilħaqq, aħna għandna “t-​tama tal-​ħajja taʼ dejjem. Alla, li ma jistax jigdeb, din wegħedhielna minn żmien twil ilu.”​—Titu 1:2. *

“IL-​KELMA T’ALLA HI ĦAJJA”

18. Liema stqarrija qawwija jagħmel l-​appostlu Kristjan Pawlu dwar “il-​kelma t’Alla”?

18 Minn dak li kkunsidrajna f’dan il-​kapitlu, jidher ċar li l-​Bibbja hija tassew ktieb uniku. Iżda l-​valur tagħha m’huwiex biss minħabba l-​armonija interna, l-​eżattezza xjentifika u storika, l-​għerf prattiku, u l-​profeziji taʼ min jorbot fuqhom. L-​appostlu Kristjan Pawlu kiteb: “Il-​kelma t’Alla hi ħajja u qawwija u taqtaʼ iktar minn sejf b’żewġt ixfar u tinfed tant li tifred ir-​ruħ u l-​ispirtu, u l-​ġogi u l-​mudullun tagħhom, u tistaʼ tagħraf il-​ħsibijiet u l-​intenzjonijiet tal-​qalb.”​—Ebrej 4:​12.

19, 20. (a) Il-​Bibbja kif tistaʼ tgħinek teżamina lilek innifsek? (b) Kif tistaʼ turi l-​gratitudni tiegħek għar-​rigal uniku t’Alla, il-​Bibbja?

19 Il-​qari tal-​“kelma,” jew messaġġ, t’Alla mill-​Bibbja jistaʼ jbiddlilna ħajjitna. Jistaʼ jgħinna neżaminaw lilna nfusna bħalma qatt m’għamilna qabel. Forsi ngħidu li nħobbu ’l Alla, imma l-​mod kif naġixxu għal dak li tgħallimna l-​Kelma mnebbħa tiegħu, il-​Bibbja, se jikxef il-​ħsibijiet veri tagħna, saħansitra l-​istess intenzjonijiet tal-​qalb.

20 Il-​Bibbja hija tassew ktieb mingħand Alla. Hija ktieb li għandek taqrah, tistudjah, u tgħożżu. Uri l-​gratitudni tiegħek għal dan ir-​rigal t’Alla billi tkompli teżamina sew dak li hemm fih. Hekk kif tagħmel dan, int se jkollok apprezzament profond għall-​iskop t’Alla għall-​bniedem. Fil-​kapitlu li jmiss se niddiskutu x’inhu eżattament dan l-​iskop u kif se jitwettaq.

[Noti taʼ taħt]

^ par. 6 Għalkemm xi wħud jgħidu li ċerti partijiet fil-​Bibbja jikkontradixxu lil xulxin, m’hemm ebda prova taʼ dan. Ara kapitlu 7 tal-​ktieb The Bible​—God’s Word or Man’s? (Il-Bibbja​Il-​Kelma t’Alla jew tal-​Bniedem?) pubblikat mix-​Xhieda taʼ Ġeħova.

^ par. 9 Per eżempju, innota l-​linja dettaljata taʼ l-​antenati taʼ Ġesù li hemm f’Luqa 3:​23-38.

^ par. 16 Għal iktar informazzjoni dwar il-​profeziji tal-​Bibbja, ara paġni 27-9 tal-​browxer Ktieb għan-​Nies Kollha, pubblikat mix-​Xhieda taʼ Ġeħova.

^ par. 17 Il-qerda taʼ Babilonja hija biss eżempju wieħed mill-​profeziji tal-​Bibbja li diġà twettqu. Eżempji oħra jinkludu l-​qerda taʼ Tir u Ninwè. (Eżekjel 26:​1-5; Sofonija 2:​13-15) Anki l-​profezija taʼ Danjel bassret serje taʼ imperi dinjin li kellhom ikunu fil-​poter wara Babilonja. Dawn kienu jinkludu l-​Medo-Persja u l-​Greċja. (Danjel 8:​5-7, 20-22) Għal diskussjoni dwar il-​ħafna profeziji Messjaniċi li wettaq Ġesù Kristu, ara l-​Appendiċi, paġni 199-201.

DAK LI TGĦALLEM IL-​BIBBJA

▪ Il-​Bibbja hija mnebbħa minn Alla, u b’hekk hija eżatta u taʼ min jorbot fuqha.​—2 Timotju 3:​16.

▪ L-​informazzjoni li ssib fil-​Kelma t’Alla hija prattika għall-​ħajja taʼ kuljum.​—Isaija 48:17.

▪ Il-​wegħdi t’Alla li nsibu fil-​Bibbja żgur li se jitwettqu.​—Numri 23:19.

[Mistoqsijiet taʼ Studju]

[Stampi f’paġna 19]

It-​“Traduzzjoni tad-​Dinja l-​Ġdida taʼ l-​Iskrittura Mqaddsa” tistaʼ tinkiseb b’ħafna lingwi

[Stampi f’paġna 22]

Il-​kittieb tal-​Bibbja Isaija bassar il-​waqgħa taʼ Babilonja

[Stampa f’paġna 24, 25]

Il-​Fdalijiet taʼ Babilonja