3 Kif Għandna Nitolbu?
ĦAFNA reliġjonijiet jgħallmu li affarijiet bħal kif toqgħod u xi kliem tuża huma importanti ħafna meta titlob. Imma l-Bibbja tgħinna nifhmu xi ħaġa iktar importanti minn dan: kif għandna nitolbu.
Fil-Bibbja naqraw li l-qaddejja t’Alla talbuh f’pożizzjonijiet u postijiet differenti. Kien hemm min talab f’qalbu u oħrajn b’leħen għoli. Kien hemm min talab iħares ’il fuq u oħrajn b’rashom baxxuta. Huma ma użawx affarijiet bħal statwi, kuruni, jew affarijiet oħra. Minflok, talbu minn qalbhom. Alla għala semaʼ t-talb tagħhom?
Kif rajna fl-artiklu taʼ qabel, huma talbu lil Ġeħova biss. Raġuni oħra għala Alla semaʼ t-talb tagħhom insibuha fl-1 Ġwanni 5:14: “Din hi l-fiduċja li għandna fih, li, kulma nitolbuh skond ir-rieda tiegħu, hu jismagħna.” It-talb tagħna jrid jaqbel maʼ dak li jrid Alla. Dan xi jfisser?
Irridu nistudjaw il-Bibbja biex inkunu nafu xi jrid Alla u dwar xiex nistgħu nitolbu. M’hemmx għalfejn inkunu nafu kollox dwar il-Bibbja qabel Alla jismaʼ t-talb tagħna. Imma Alla jistenna li nipprovaw nitgħallmu dwar dak li jrid hu, nipprovaw nifhmuh, u nagħmluh f’ħajjitna. (Mattew 7:21-23) Irridu nitolbu b’mod li jaqbel maʼ dak li qed nitgħallmu.
Jekk irridu li Alla jismaʼ t-talb tagħna, irridu nitolbu skont dak li jrid hu, irid ikollna l-fidi, u rridu nitolbu f’isem Ġesù
Hekk kif nitgħallmu dwar Ġeħova u dak li jrid hu, il-fidi tagħna se tikber. Din hija raġuni oħra biex nitolbu. Ġesù qal: “Jekk ikollkom il-fidi, kulma titolbu taqilgħuh.” (Mattew 21:22) Li jkollna l-fidi ma jfissirx li nemmnu kollox. Minflok, ifisser li għandna provi tajbin għal dak li nemmnu għalkemm ma nistgħux narawhom. (Ebrej 11:1) Il-Bibbja mimlija provi li juru li Ġeħova, għalkemm ma nistgħux narawh, jeżisti, nistgħu noqogħdu fuqu, u lest li jismaʼ t-talb taʼ dawk kollha li għandhom fidi fih. Xorta nistgħu nitolbu biex ikollna iżjed fidi, u Ġeħova jieħu pjaċir itina dak li għandna bżonn.—Luqa 17:5; Ġakbu 1:17.
Hemm xi ħaġa importanti oħra li rridu niftakru meta nitolbu. Ġesù qal: “Ħadd ma jiġi għand il-Missier ħlief permezz tiegħi.” (Ġwanni 14:6) Mela permezz taʼ Ġesù biss nistgħu nitolbu lil Ġeħova. Għalhekk, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu biex jitolbu f’ismu. (Ġwanni 14:13; 15:16) Dan ma jfissirx li rridu nitolbu lil Ġesù, minflok, li nitolbu f’isem Ġesù. B’hekk niftakru li Ġesù hu l-unika raġuni kif nistgħu nkellmu lil Missierna tas-sema.
L-appostli taʼ Ġesù darba staqsewh: “Mulej, għallimna nitolbu.” (Luqa 11:1) Huma diġà kienu jafu ħafna dwar it-talb, allura huma riedu jkunu jafu dwar xiex setgħu jitolbu.