IS-6 TAQSIMA
Ġob Iżomm l-Integrità Tiegħu
Satana jisfida l-integrità taʼ Ġob quddiem Alla, imma Ġob jibqaʼ leali lejn Ġeħova
SEJJER xi bniedem jibqaʼ leali lejn Alla jekk jiġi mġarrab sal-limitu u jekk l-ubbidjenza tidher li mhix se ġġiblu benefiċċji materjali? Din il-mistoqsija tqajmet—u twieġbet—b’konnessjoni maʼ raġel jismu Ġob.
Waqt li l-Israelin kienu għadhom l-Eġittu, Ġob, li kien jiġi minn Abraham, kien qed jgħix f’dik li issa hi l-Arabja. Sadanittant, l-anġli fis-sema nġabru quddiem Alla, u fosthom kien hemm Satana r-ribelluż. Quddiem din il-ġemgħa fis-sema, Ġeħova esprima l-fiduċja li kellu fil-qaddej leali tiegħu Ġob. Fil-fatt, Ġeħova qal li ma kien hemm ebda bniedem ieħor bl-integrità bħal taʼ Ġob. Imma Satana saħaq li Ġob kien jaqdi lil Alla sempliċement għax Alla kien bierku u pproteġieh. Satana sostna li kieku Ġob kellu jitlef kulma kellu, kien jisħet lil Alla.
Alla ppermetta lil Satana jċaħħad lil Ġob, l-ewwel minn ġidu u wliedu u mbagħad minn saħħtu. Billi ma kienx jaf l-irwol taʼ Satana f’dan kollu, Ġob ma setax jifhem għala Alla ħallieh jgħaddi minn dan il-gwaj kollu. Xorta waħda, Ġob qatt ma ċaħad lil Alla.
Tlett iħbieb foloz marru jaraw lil Ġob. F’diskors wara l-ieħor, li jimlew ħafna mill-paġni tal-ktieb taʼ Ġob, dawn l-irġiel ipprovaw b’mod żbaljat jikkonvinċu lil Ġob li Alla kien qed jikkastigah għad-dnubiet li kien għamel bil-moħbi. Saħansitra sostnew li Alla qatt ma jitgħaxxaq bil-qaddejja tiegħu jew jafdahom. Ġob m’emminx l-irraġunar ħażin tagħhom. B’fiduċja, Ġob iddikjara li kien se jżomm l-integrità tiegħu sal-mewt!
Imma Ġob għamel l-iżball li sar konċernat iżżejjed f’li jiġġustifika ruħu. Imbagħad tkellem Eliħu, li kien iżgħar fl-età u li kien semaʼ d-dibattitu kollu. Eliħu widdeb lil Ġob talli naqas milli jifhem li l-vindikazzjoni tas-sovranità t’Alla Ġeħova hi ħafna iktar importanti mill-vindikazzjoni taʼ kwalunkwe bniedem. Ukoll, Eliħu ċanfar bil-qawwi lill-ħbieb foloz taʼ Ġob.
Imbagħad Alla Ġeħova kellem lil Ġob u kkoreġielu l-irraġunar tiegħu. Billi ġibed l-attenzjoni lejn ħafna mill-għeġubijiet tal-ħolqien, Ġeħova ġiegħel lil Ġob jirrifletti fuq iċ-ċokon tal-bniedem meta mqabbel mal-kobor t’Alla. B’umiltà, Ġob aċċetta l-korrezzjoni minn Alla. Ġeħova, li “juri affezzjoni b’tenerezza kbira u hu mimli ħniena,” lil Ġob tah saħħtu mill-ġdid, id-doppju tal-għana li kellu qabel, u bierku b’għaxart itfal. (Ġakbu 5:11) Billi żamm l-integrità lejn Ġeħova waqt prova tassew iebsa, Ġob b’suċċess wieġeb l-isfida taʼ Satana li qal li l-bnedmin ma jibqgħux leali lejn Alla meta jiġu mġarrbin.
—Ibbażat fuq il-ktieb taʼ Ġob.