Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

IT-​8 TAQSIMA

Il-Poplu taʼ Israel Jidħol f’Kangħan

Il-Poplu taʼ Israel Jidħol f’Kangħan

Ġożwè jmexxi lil Israel biex jirbħu l-​art taʼ Kangħan. Ġeħova jagħti l-​qawwa lill-​imħallfin biex jeħilsu lill-​poplu tiegħu mill-​moħqrija

SEKLI qabel Israel daħal f’Kangħan, Ġeħova wiegħed dik l-​art lid-​dixxendenti t’Abraham. Issa taħt it-​tmexxija taʼ Ġożwè, l-​Israelin kienu qorbu biex jieħdu l-​Art Imwiegħda f’idejhom.

Alla kien iġġudika lill-​Kangħanin bħala li jistħoqqilhom il-​qerda. Huma kienu mlew l-​art bi prattiki sesswali mill-​iktar degradanti kif ukoll b’tixrid taʼ demm bla ħniena. Għalhekk, il-​bliet Kangħanin mirbuħin mill-​Israelin kellhom jinqerdu għalkollox.

Madankollu, qabel ma daħlu fl-​art, Ġożwè bagħat żewġ spiji, li qagħdu fil-​belt taʼ Ġeriko għand mara jisimha Raħab. Hi laqgħet lill-​ispiji f’darha u pproteġiethom avolja kienet taf li kienu Israelin. Raħab kellha fidi fl-​Alla tal-​Israelin għax kienet semgħet bl-​atti taʼ salvazzjoni li Ġeħova wettaq għan-​nom tal-​poplu tiegħu. Hi ġiegħlet lill-​ispiji jaħilfulha li hi u n-​nies taʼ darha jitħallew ħajjin.

Iktar tard, meta l-​Israelin daħlu f’Kangħan u ġew biex jiġġieldu kontra Ġeriko, Ġeħova b’miraklu ġarraf is-​swar taʼ Ġeriko. Is-​suldati taʼ Ġożwè daħlu u qerdu l-​belt, imma ħallew lil Raħab u lill-​familja tagħha ħajjin. Imbagħad, f’kampanja militari li saret b’ħeffa kbira u li damet sitt snin, Ġożwè rebaħ partijiet kbar mill-​Art Imwiegħda. Wara dan, l-​art tqassmet lit-​tribujiet taʼ Israel.

Lejn l-​aħħar tas-​servizz twil tiegħu lil Alla, Ġożwè sejjaħ lin-​nies biex jinġemgħu flimkien. Hu rriveda magħhom x’kien għamel Ġeħova maʼ missirijiethom u ħeġġiġhom biex jaqdu lil Ġeħova. Imma wara li mietu Ġożwè u dawk li kienu qdew miegħu, l-​Israelin telqu lil Ġeħova biex jaqdu allat foloz. Għal xi 300 sena, il-​ġens m’obdiex il-​liġijiet taʼ Ġeħova b’mod konsistenti. Matul dan iż-​żmien, Ġeħova ħalla lill-​Israelin jinħaqru mill-​għedewwa tagħhom, fosthom il-​Filistin. Imma meta l-​Israelin kienu jsejħu lil Ġeħova għall-​għajnuna, hu kien iqajmilhom l-​imħallfin—b’kollox 12—biex isalvawhom.

Il-​perijodu tal-​Imħallfin deskritt fil-​ktieb tal-​Imħallfin beda b’Għotnijel u spiċċa b’Sansun, li kien l-​iktar bniedem b’saħħtu fiżikament li qatt għex. Il-​verità bażika li tidher darba wara l-​oħra fir-​rakkont eċċitanti mniżżel fil-​ktieb tal-​Bibbja tal-​Imħallfin hija din: L-​ubbidjenza lejn Ġeħova ġġib il-​barkiet, imma d-​diżubbidjenza ġġib il-​gwaj.

—Ibbażat fuq Ġożwè; Imħallfin; Levitiku 18:24, 25.