IT-3 TAQSIMA
Il-Bnedmin Isalvaw mid-Dilluvju
Alla jeqred dinja mill-agħar, imma jħalli lil Noè u lil familtu ħajjin
HEKK kif il-bnedmin bdew joktru, id-dnub u l-ħażen inxterdu malajr fuq l-art. Enok, li kien waħdu bħala profeta, wissa li Alla xi darba kien se jeqred lin-nies mill-agħar. Xorta waħda, il-ħażen baqaʼ jeżisti u saħansitra żdied. Xi anġli rribellaw kontra Ġeħova billi telqu l-post li tahom Alla fis-sema, ħadu forma taʼ bnedmin fuq l-art, u b’regħba ħadu lil xi nisa b’marthom. Din l-għaqda mhux naturali pproduċiet ulied li kellhom saħħa taʼ barra minn hawn—ġganti li kienu jgħakksu lil oħrajn u li kienu msejħin Nefilim. Minħabba fihom, il-vjolenza u t-tixrid taʼ demm żdiedu ferm fid-dinja. Alla ħassu mweġġaʼ ħafna li jara l-ħolqien tiegħu fuq l-art jiġi rovinat.
Wara li miet Enok, kien hemm raġel wieħed li kien jispikka f’dik id-dinja mill-agħar. Kien jismu Noè. Hu u familtu pprovaw jagħmlu dak li hu sewwa f’għajnejn Alla. Meta Alla ddeċieda li jeqred lin-nies mill-agħar taʼ dik id-dinja, hu ried jipproteġi lil Noè u lill-annimali. Għalhekk, Alla qallu biex jibni arka—bastiment enormi forma taʼ kaxxa rettangolari. Fiha, Noè u familtu, flimkien maʼ ħafna speċi t’annimali, kienu se jinżammu ħajjin waqt dilluvju li kien ġej mad-dinja kollha. Noè obda lil Alla. Matul l-għaxriet taʼ snin li Noè qattaʼ jibni din l-arka, hu kien ukoll “predikatur tal-ġustizzja.” (2 Pietru 2:5) Hu wissa lin-nies dwar id-Dilluvju li kien ġej, imma dawn ma tawx kasu. Imbagħad wasal iż-żmien biex Noè u familtu jidħlu fl-arka mal-annimali. Alla għalaq il-bieb tal-arka warajhom u bdiet nieżla x-xita.
Ix-xita niżlet bil-qliel għal 40 jum u 40 lejl sakemm l-art kollha kienet mgħarrqa. In-nies mill-agħar inqerdu. Xhur wara, hekk kif l-ilmijiet bdew jonqsu, l-arka straħet fuq muntanja. Kienu ilhom sena sħiħa fl-arka meta sa fl-aħħar il-passiġġieri setgħu joħorġu minnha qawwijin u sħaħ. B’ringrazzjament, Noè ppreżenta offerta lil Ġeħova. Alla wieġbu billi aċċerta lil Noè u lil familtu li Hu qatt ma kien se jerġaʼ jġib dilluvju biex jeqred lill-ħajja kollha minn fuq wiċċ l-art. Ġeħova pprovda l-qawsalla bħala garanzija viżibbli, tfakkira taʼ din il-wegħda taʼ faraġ.
Wara d-Dilluvju, Alla ta wkoll lill-bnedmin xi kmandi ġodda. Hu tahom permess li jieklu mil-laħam tal-annimali. Madankollu, ipprojbixxa li jittiekel id-demm. Hu kkmanda wkoll lid-dixxendenti taʼ Noè biex jinxterdu mal-art kollha, imma xi wħud m’obdewx. In-nies ngħaqdu flimkien taħt mexxej imsejjaħ Nimrod u bdew jibnu torri kbir fil-belt taʼ Babel, iktar tard imsejħa Babilonja. Il-mira tagħhom kienet li jisfidaw il-kmand t’Alla biex jinxterdu mal-art kollha. Imma Alla fixkel lir-ribelli billi ħawdilhom l-unika lingwa li kellhom u ġegħelhom jitkellmu b’ilsna differenti. Peress li ma setgħux jikkomunikaw bejniethom, huma abbandunaw il-proġett u tferrxu maʼ kullimkien.
—Ibbażat fuq Ġenesi kapitli 6 sa 11; Ġuda 14, 15.