Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

KAPITLU 1

Żewġ messaġġi mingħand Alla

Żewġ messaġġi mingħand Alla

LUQA 1:5-33

  • L-​ANĠLU GABRIJEL IBASSAR IT-​TWELID TAʼ ĠWANNI L-​BATTISTA

  • GABRIJEL JGĦID LIL MARIJA DWAR IT-​TWELID TAʼ ĠESÙ

Nistgħu nqisu l-​Bibbja kollha bħala li hi messaġġ mingħand Alla. Missierna tas-​sema tahielna għall-​istruzzjoni tagħna. Iżda, ikkunsidra żewġ messaġġi speċjali li ngħataw iktar minn 2,000 sena ilu. Dawn qalhom anġlu jismu Gabrijel, li jkun “wieqaf quddiem Alla.” (Luqa 1:19) X’kienu ċ-​ċirkustanzi li fihom l-​anġlu wassal dawn il-​messaġġi importanti?

Gabrijel fejn iwassal l-​ewwel messaġġ? Is-​sena hi madwar 3 qabel Kristu (QK). Fl-​għoljiet tal-​Lhudija, probabbilment viċin Ġerusalemm jgħix qassis taʼ Ġeħova jismu Żakkarija. Hu u martu, Eliżabetta, kibru fl-​età, u m’għandhomx tfal. Żakkarija jmissu biex jaqdi bħala qassis fit-​tempju t’Alla f’Ġerusalemm. Waqt li Żakkarija qiegħed fit-​tempju, f’daqqa waħda Gabrijel jidher ħdejn l-​artal tal-​inċens.

M’għandniex xi ngħidu, dan ibeżżaʼ lil Żakkarija. Imma l-​anġlu jserraħlu moħħu lil Żakkarija billi jgħidlu: “Tibżax, Żakkarija, għax it-​talb bil-​ħerqa tiegħek intlaqaʼ, u martek Eliżabetta se ssir omm u tilidlek iben, u int issemmih Ġwanni.” Gabrijel iżid jgħid li Ġwanni se “jkun kbir quddiem Ġeħova” u se “jlesti poplu mħejji għal Ġeħova.”—Luqa 1:13-​17.

Dan jidher impossibbli f’għajnejn Żakkarija. Għala? Minħabba l-​età tiegħu u taʼ Eliżabetta. Allura Gabrijel jgħidlu: “Int timmuta u ma tkunx tistaʼ titkellem sa dakinhar li jseħħu dawn l-​affarijiet, għax m’emmintx kliemi.”—Luqa 1:20.

Sadanittant, in-​nies li qed jistennew barra qed jaħsbu għala Żakkarija qed idum daqshekk fit-​tempju. Sa fl-​aħħar hu joħroġ, imma ma jistax jitkellem. Żakkarija jistaʼ biss jagħmel sinjali b’idejh. Jidher ċar li waqt li kien fit-​tempju ra xi ħaġa sopranaturali, jew mirakoluża.

Xħin Żakkarija jispiċċa s-​servizz tiegħu fit-​tempju, hu jmur lura d-​dar. Ftit wara dan, Eliżabetta toħroġ tqila! Għal ħames xhur, waqt li qed tistenna t-​twelid tat-​tarbija tagħha, Eliżabetta tibqaʼ d-​dar ’il bogħod min-​nies.

Imbagħad Gabrijel jidher għat-​tieni darba. Lil min? Lil mara żagħżugħa jisimha Marija li mhijiex miżżewġa. Hi tgħix fil-​belt taʼ Nazaret, lejn it-​Tramuntana taʼ Ġerusalemm fir-​reġjun tal-​Galilija. X’jgħidilha l-​anġlu? Hu jgħid: “Int ġejt approvata minn Alla.” Gabrijel ikompli jgħid lil Marija: “Ara! Int tnissel f’ġufek u tiled iben, u ssemmih Ġesù.” Gabrijel iżid jgħid: “Dan ikun kbir u jissejjaħ Bin l-​Iktar Għoli, . . . u jsaltan fuq dar Ġakobb għal dejjem, u ma jkunx hemm tmiem għal saltnatu.”—Luqa 1:30-​33.

Żgur li tistaʼ tifhem kemm Gabrijel iħossu privileġġat li jwassal dawn iż-​żewġ messaġġi. Hekk kif naqraw iktar dwar Ġwanni u Ġesù, se jidher ċar għala dawn il-​messaġġi mis-​sema huma tant importanti.