Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Biex timita lil Ġesù, . . .

Biex timita lil Ġesù, . . .

URI L-​ĦNIENA

Bħala bniedem perfett, Ġesù m’esperjenzax ħafna mit-​tbatija u l-​inkwiet li esperjenzaw bnedmin oħra. Iżda wera li kien iħoss ħafna għan-​nies. Hu kien lest li joħroġ barra minn triqtu għalihom, jiġifieri, kien jagħmel iktar minn dak li kien hemm bżonn. Iva, il-​ħniena qanqlitu biex jgħin lil oħrajn. Immedita fuq l-​eżempji f’​Kapitli 32, 37, 57, 99.

KUN AVVIĊINABBLI

Nies taʼ kull età—kbar u żgħar—ħassew li setgħu javviċinaw lil Ġesù għax ma kienx jagħti l-​impressjoni li għandu wisq x’jagħmel jew li hu superjuri għalihom. Peress li n-​nies kienu jħossu li Ġesù għandu interess persunali fihom, huma kienu jħossuhom komdi miegħu. Biex tara eżempji taʼ dan, ara Kapitli 25, 27, 95.

ITLOB REGOLARMENT

Ġesù spiss kien jitlob lil Missieru bil-​ħrara, kemm meta kien ikun waħdu u kemm meta kien ikun m’aduraturi veri oħrajn. Hu kien jitlob f’diversi okkażjonijiet, mhux biss f’ħin l-​ikel. Kien jitlob biex jirringrazzja lil Missieru, biex ifaħħru, u għad-​direzzjoni tiegħu qabel ma jieħu xi deċiżjoni serja. Ikkunsidra l-​eżempji li nsibu f’​Kapitli 24, 34, 91, 122, 123.

TKUNX EGOIST

Kultant meta setaʼ bbenefika minn ftit ħin taʼ mistrieħ tant bżonjuż, Ġesù poġġa l-​bżonnijiet taʼ ħaddieħor qabel tiegħu stess. Hu ma kellux l-​attitudni tal-​ewwel jien. F’dan ukoll, hu ħallielna eżempju li nistgħu nsegwu mill-​qrib. Studja dan l-​eżempju li jidher ċar f’​Kapitli 19, 41, 52.

KUN LEST LI TAĦFER

Ġesù għamel iktar milli sempliċement għallem dwar il-​bżonn li naħfru—hu wera l-​maħfra bil-​mod kif ittratta mad-​dixxipli tiegħu u m’oħrajn. Immedita fuq eżempji li nsibu f’​Kapitli 26, 40, 64, 85, 131.

KUN ŻELUŻ

Kien imbassar minn qabel li l-​biċċa l-​kbira mil-​Lhud ma kinux se jaċċettaw lill-​Messija u li l-​għedewwa tiegħu kienu se joqtluh. Allura Ġesù faċilment setaʼ għamel l-​inqas possibbli għan-​nies. Minflok, hu ppromwova l-​qima vera b’mod żeluż. F’dan, hu ħalla eżempju għas-​segwaċi kollha tiegħu li jiffaċċjaw l-​indifferenza jew saħansitra l-​oppożizzjoni. Ara Kapitli 16, 72, 103.

URI L-​UMILTÀ

Ġesù kien superjuri għall-​bnedmin imperfetti b’diversi modi, bħal fl-​għarfien u fl-​għerf. Peress li kien perfett, bla dubju hu kellu abbiltajiet fiżiċi u mentali liema bħalhom, tant li ħadd ma setaʼ jħabbatha miegħu. Iżda hu qeda lil oħrajn bl-​umiltà. Se ssib lezzjonijiet dwar dan f’​Kapitli 10, 62, 66, 94, 116.

KUN PAĊENZJUŻ

Ġesù baqaʼ juri l-​paċenzja mal-​appostli tiegħu u m’oħrajn meta dawn naqsu milli jimitaw l-​eżempju tiegħu jew milli japplikaw dak li qalilhom. Hu bil-​paċenzja rripeta lezzjonijiet li kellhom bżonn biex ikunu jistgħu jersqu eqreb lejn Ġeħova. Irrifletti fuq eżempji tal-​paċenzja taʼ Ġesù f’​Kapitli 74, 98, 118, 135.