Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

KAPITLU 133

Il-ġisem taʼ Ġesù jiġi mħejji u midfun

Il-ġisem taʼ Ġesù jiġi mħejji u midfun

MATTEW 27:57–28:2 MARKU 15:42–16:4 LUQA 23:50–24:3 ĠWANNI 19:31–20:1

  • IL-​ĠISEM TAʼ ĠESÙ JITNIŻŻEL MINN FUQ IZ-​ZOKK

  • IL-​ĠISEM JIĠI MĦEJJI GĦAD-​DFIN

  • XI NISA JSIBU QABAR VOJT

Huwa tard waranofsinhar il-​Ġimgħa, 14 taʼ Nisan, u fi nżul ix-​xemx se jibda s-​Sabat tal-​15 taʼ Nisan. Ġesù diġà miet, imma ż-​żewġ ħallelin maġenbu għadhom ħajjin. Skont il-​Liġi, iġsma mejtin ‘m’għandhomx jibqgħu l-​lejl kollu mdendlin maz-​zokk’ imma, minflok, għandhom jiġu midfunin “dak il-​jum stess.”—Dewteronomju 21:22, 23.

Barra minn hekk, il-​Ġimgħa waranofsinhar jissejjaħ it-​Tħejjija għax in-​nies iħejju l-​ikel u jagħmlu xi xogħlijiet oħrajn li jridu jsiru qabel is-​Sabat. Fi nżul ix-​xemx, se jibda Sabat doppju, jew “kbir.” (Ġwanni 19:31) Dan għaliex il-​15 taʼ Nisan se jkun l-​ewwel jum tal-​Festa tal-​Ħobż bla Ħmira li ddum sebat ijiem u li l-​ewwel ġurnata tagħha dejjem tkun meqjusa bħala Sabat. (Levitiku 23:5, 6) Din id-​darba l-​ewwel jum jaħbat mas-​Sabat taʼ kull ġimgħa, is-​sebaʼ jum.

Għalhekk il-​Lhud jitolbu lil Pilatu biex jgħaġġel il-​mewt taʼ Ġesù u taż-​żewġ ħallelin maġenbu. Kif? Billi xi ħadd jiksrilhom saqajhom. B’hekk ma jkunux jistgħu jużaw saqajhom biex jgħollu ġisimhom ħalli jkunu jistgħu jieħdu n-​nifs. Is-​suldati jiksru saqajn iż-​żewġ ħallelin. Imma Ġesù jidher li miet, u allura ma jiksrulux saqajh. Dan iwettaq il-​kliem taʼ Salm 34:20: “Hu qed jgħasses l-​għadam kollu taʼ dak il-​wieħed; lanqas waħda minnhom ma ġiet miksura.”

Biex ma jkun hemm ebda dubju li Ġesù tassew miet, suldat iniffidlu ġenbu bl-​lanza, ’il fejn hemm qalbu. ‘Minnufih joħroġ demm u ilma.’ (Ġwanni 19:34) Dan iwettaq skrittura oħra: “Huma jħarsu lejn Dak li kienu nifdu.”—Żakkarija 12:10.

Ġużeppi mill-​belt t’Arimatija, “raġel għani” u membru rispettat tas-​Sinedriju, ukoll qiegħed hemmhekk waqt l-​esekuzzjoni. (Mattew 27:57) Hu deskritt bħala “raġel tajjeb u ġust,” li qed “jistenna s-​saltna t’Alla.” Infatti, bħala ‘dixxiplu taʼ Ġesù, imma bil-​moħbi għax jibżaʼ mil-​Lhud,’ hu m’appoġġax is-​sentenza li nqatgħet kontra Ġesù. (Luqa 23:50; Marku 15:43; Ġwanni 19:38) Ġużeppi jrabbi l-​kuraġġ u jitlob lil Pilatu biex jieħu l-​ġisem taʼ Ġesù. Pilatu jsejjaħ lill-​fizzjal tal-​armata u dan jikkonfermalu li Ġesù hu mejjet. Imbagħad, Pilatu jilqaʼ t-​talba taʼ Ġużeppi.

Ġużeppi jixtri għażel fin u nadif u jniżżel il-​ġisem taʼ Ġesù minn fuq iz-​zokk. Hu jgeżwer il-​ġisem fl-​għażel bi tħejjija għad-​dfin. Nikodemu, “li l-​ewwel darba kien mar għand [Ġesù] bil-​lejl,” jgħin fil-​preparamenti. (Ġwanni 19:39) Hu jġib madwar mitt libbra Rumana (33 kilo tal-​lum) mirra u sabbara li jiswew ħafna flus. Il-​ġisem taʼ Ġesù jiġi mgeżwer b’faxex li fihom dawn il-​fwejjaħ aromatiċi, fi qbil mad-​drawwa tal-​Lhud f’konnessjoni mad-​dfin.

Fil-​qrib, Ġużeppi għandu qabar ġdid imħaffer fil-​blat, u l-​ġisem taʼ Ġesù jitpoġġa fih. Imbagħad ġebla kbira tiġi mgerba quddiem il-​qabar. Dan isir malajr qabel ma jibda s-​Sabat. Marija l-​Maddalena u Marija omm Ġakbu z-​Żgħir forsi kienu qed jgħinu fit-​tħejjija tal-​ġisem taʼ Ġesù. Issa jmorru jiġru d-​dar “biex iħejju fwejjaħ aromatiċi u żejt ifuħ” ħalli wara s-​Sabat ikomplu jippreparaw il-​ġisem taʼ Ġesù.—Luqa 23:56.

L-​għada, is-​Sabat, il-​qassisin ewlenin u l-​Fariżej imorru għand Pilatu u jgħidu: “Ftakarna li dak l-​impustur, meta kien għadu ħaj, qal, ‘Wara tlett ijiem niġi mqajjem.’ Għalhekk, ordna li l-​qabar ikun imħares tajjeb sat-​tielet jum, li ma jmorrux jiġu d-​dixxipli jisirquh u jgħidu lin-​nies, ‘Ġie mqajjem mill-​imwiet!’ u dan l-​ingann taʼ l-​aħħar ikun agħar minn taʼ l-​ewwel.” Pilatu jwieġeb: “Għandkom l-​għassa. Morru u ħarsuh tajjeb kif tafu intom.”—Mattew 27:63-​65

Kmieni ħafna l-​Ħadd filgħodu, Marija l-​Maddalena, Marija omm Ġakbu, u nisa oħrajn iġibu fwejjaħ aromatiċi ħdejn il-​qabar għall-​ġisem taʼ Ġesù. Huma jgħidu lil xulxin: “Min se jgerbilna l-​ġebla minn quddiem il-​bieb tal-​qabar?” (Marku 16:3) Imma kien seħħ terremot. Iktar minn hekk, l-​anġlu t’Alla kien gerbeb il-​ġebla minn quddiem il-​qabar, l-​għassiesa ma kinux qegħdin hemm, u l-​qabar kien jidher vojt!