Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

KAPITLU 117

L-Ikla taʼ Filgħaxija tal-Mulej

L-Ikla taʼ Filgħaxija tal-Mulej

MATTEW 26:21-​29 MARKU 14:18-​25 LUQA 22:19-​23 ĠWANNI 13:18-​30

  • ĠUDA JIĠI IDENTIFIKAT BĦALA TRADITUR

  • ĠESÙ JISTABBILIXXI IKLA TAʼ TIFKIRA

Waqt l-​ikla tal-​Qbiż, Ġesù għallem lill-​appostli tiegħu lezzjoni fl-​umiltà billi ħaslilhom saqajhom. Issa, milli jidher wara din l-​ikla, hu jikkwota l-​kliem profetiku taʼ David: “Il-​bniedem li kien fil-​paċi miegħi, li jien fdajt fih, u li kien jiekol mill-​ħobż tiegħi, għolla għarqubu kontrija.” Imbagħad jispjega: “Wieħed minnkom se jittradini.”—Salm 41:9; Ġwanni 13:18, 21.

L-​appostli jħarsu lejn xulxin, u kull wieħed jistaqsi: “Mulej, mhux jien, hux?” Anki Ġuda l-​Iskarjota jistaqsi dan. Pietru jħeġġeġ lil Ġwanni, li qiegħed bilqiegħda ħdejn Ġesù, biex isir jaf min hu dan il-​wieħed. Allura Ġwanni jersaq qrib lejn Ġesù u jistaqsi: “Mulej, min hu?”—Mattew 26:22; Ġwanni 13:25.

Ġesù jwieġeb: “Hu dak li se nagħtih il-​loqma li nbill.” Ġesù jbill biċċa ħobż, jagħtiha lil Ġuda, u jgħidlu: “Bin il-​bniedem jitlaq, bħalma hu miktub dwaru, imma gwaj għal dak ir-​raġel li permezz tiegħu Bin il-​bniedem jiġi tradut! Kien ikun aħjar għalih kieku ma twilidx.” (Ġwanni 13:26; Mattew 26:24) Satana mbagħad jidħol f’​Ġuda. Dan ir-​raġel, li diġà hu korrott, issa jċedi kompletament għar-​rieda tax-​Xitan, u b’hekk isir “bin il-​qerda.”—Ġwanni 6:64, 70; 12:4; 17:12.

Ġesù jgħid lil Ġuda: “Dak li se tagħmel, agħmlu iktar malajr.” Peress li Ġuda jżomm il-​kaxxa tal-​flus, l-​appostli l-​oħra jaħsbu li Ġesù qed jgħidlu: “‘Ixtri dak li għandna bżonn għall-​festa,’ jew biex jagħti xi ħaġa lill-​foqra.” (Ġwanni 13:27-​30) Minflok, Ġuda jitlaq biex jittradixxi lil Ġesù.

F’din l-​istess lejla tal-​ikla tal-​Qbiż, Ġesù jistabbilixxi ikla ġdida għalkollox. Hu jieħu ħobża, jgħid talba taʼ radd il-​ħajr, jaqsamha, u jagħtiha lill-​appostli tiegħu biex jikluha. Hu jgħid: “Dan il-​ħobż jirrappreżenta ġismi li se jingħata għalikom. Ibqgħu agħmlu dan b’tifkira tiegħi.” (Luqa 22:19) Il-​ħobż jgħaddi minn id appostlu għal ieħor, u huma jikluh.

Issa Ġesù jieħu kies bl-​inbid, jgħid talba taʼ radd il-​ħajr, u jagħtihulhom. Kull wieħed minnhom jixrob mill-​kies, li dwaru jgħid: “Dan il-​kies jirrappreżenta l-​patt il-​ġdid konfermat b’demmi li se jixxerred għalikom.”—Luqa 22:20.

B’hekk, Ġesù jagħmel arranġament biex mewtu tiġi mfakkra. Is-​segwaċi tiegħu għandhom jiċċelebraw din it-​tifkira kull sena fl-​14 taʼ Nisan. Din se tfakkarhom f’dak li għamlu Ġesù u Missieru biex bnedmin taʼ fidi jkunu jistgħu jaħarbu l-​kundanna tad-​dnub u l-​mewt. Il-​Qbiż kien ifakkar lil-​Lhud fil-​ħelsien tagħhom mill-​Eġittu, imma issa din it-​tifkira tenfasizza ħelsien taʼ veru għal dawk kollha li għandhom fidi f’Alla u fil-​wegħdi tiegħu.

Ġesù jgħid li demmu “se jixxerred għal ħafna għall-​maħfra tad-​dnubiet.” Fost il-​ħafna li se jiksbu din il-​maħfra hemm l-​appostli leali tiegħu u dixxipli leali oħrajn. Huma l-​uħud li se jkunu miegħu fis-​Saltna taʼ Missieru.—Mattew 26:28, 29.