Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

KAPITLU 129

Pilatu jgħid: “Ara! Ir-raġel!”

Pilatu jgħid: “Ara! Ir-raġel!”

MATTEW 27:15-​17, 20-​30 MARKU 15:6-​19 LUQA 23:18-​25 ĠWANNI 18:39–19:5

  • PILATU JIPPROVA JEĦLES LIL ĠESÙ

  • IL-​LHUD JISTAQSU BIEX JINĦELES BARABBA

  • ĠESÙ JIĠI MWAQQAʼ GĦAĊ-​ĊAJT U TRATTAT ĦAŻIN

Pilatu qal lill-​folla, li trid li Ġesù jinqatel: “Jien . . . fih ma sibt ebda bażi għall-​akkużi li qed iġġibu kontrih. Fil-​fatt, lanqas Erodi.” (Luqa 23:14, 15) Issa, biex jipprova jeħles lil Ġesù, Pilatu juża metodu ieħor, billi jgħid lin-​nies: “Għandkom drawwa li fil-​Qbiż neħilsilkom lil xi ħadd. Għalhekk, triduni neħilsilkom lis-​sultan tal-​Lhud?”—Ġwanni 18:39.

Pilatu jaf bi priġunier jismu Barabba, li hu magħruf bħala ħalliel, xewwiexi, u qattiel. Allura Pilatu jistaqsi: “Lil min triduni neħilsilkom, lil Barabba jew lil Ġesù li jgħidulu l-​Kristu?” Peress li l-​qassisin ewlenin xewxu lin-​nies, huma jitolbu biex jinħeles Barabba u mhux Ġesù. Pilatu jerġaʼ jistaqsi: “Lil min triduni neħilsilkom minnhom it-​tnejn?” Il-​folla tgħajjat: “Lil Barabba”!—Mattew 27:17, 21.

Qalbu maqtugħa, Pilatu jistaqsi: “Allura, x’se nagħmel b’Ġesù li jgħidulu l-​Kristu?” In-​nies jgħajtu: “Sammru maʼ zokk!” (Mattew 27:22) B’għajb għalihom, huma qed jitolbu għall-​mewt taʼ raġel innoċenti. Pilatu jistaqsihom: “Għala, x’għamel ħażin dan ir-​raġel? Ma sibt xejn fih li jistħoqqlu l-​mewt; għalhekk, nikkastigah bis-​swat u nitilqu.”—Luqa 23:22.

Minkejja l-​isforzi ripetuti taʼ Pilatu, il-​folla rrabjata għall-​aħħar b’leħen wieħed tgħajjat: “Sammru maʼ zokk!” (Mattew 27:23) Il-​mexxejja reliġjużi tant ġennew lil dawk fil-​folla li issa mhuma jaraw xejn ħlief demm! U dan mhux id-​demm taʼ xi kriminal jew xi qattiel. Hu d-​demm taʼ raġel innoċenti li ħamest ijiem ilu ġie milqugħ ġewwa Ġerusalemm bħala Sultan. Jekk preżenti hemm id-​dixxipli taʼ Ġesù, huma jibqgħu siekta u ma jagħtux fil-​għajn.

Pilatu jinduna li jagħmel x’jagħmel kollu għalxejn. Qed tqum rewwixta, allura jieħu ftit ilma u jaħsel idejh quddiem il-​folla. Hu jgħidilhom: “Jien innoċenti mid-​demm taʼ dan ir-​raġel. Araw intom.” Lanqas dan ma jbiddel l-​attitudni tan-​nies. Minflok, huma jgħidu: “Demmu fuqna u fuq uliedna.”—Mattew 27:24, 25.

Il-​gvernatur irid jissodisfa lin-​nies iktar milli jrid jagħmel is-​sewwa. Allura fi qbil mat-​talba tagħhom, Pilatu jeħilsilhom lil Barabba. Hu jordna li Ġesù jiġi mneżżaʼ u msawwat.

Wara dawn it-​torturi bis-​swat, is-​suldati jieħdu lil Ġesù fil-​palazz tal-​gvernatur. Huma jinġabru flimkien u jkomplu jaħqruh. Huma jinsġu kuruna mix-​xewk u jpoġġuhielu fuq rasu. Is-​suldati jqegħdulu wkoll qasba f’idu l-​leminija u jlibbsulu mantar lewn l-​iskarlat, bħal dak li jilbsu nies irjali. Bi tmaqdir jgħidu: “Is-​sliem għalik, Sultan tal-​Lhud!” (Mattew 27:28, 29) Iżjed minn hekk, huma jobżqulu u jibqgħu jagħtuh daqqiet taʼ ħarta. Jieħdu l-​qasba iebsa mingħand Ġesù u jagħtuh f’rasu biha u minħabba f’hekk idaħħlu x-​xewk iniggeż tal-​“kuruna” umiljanti li libbsulu iktar ġol-​qorriegħa tiegħu.

Id-​dinjità u s-​saħħa tal-​għaġeb taʼ Ġesù matul dan kollu tant jimpressjonaw lil Pilatu li jerġaʼ jipprova jeħilsu billi jgħid: “Ara! Se nġibhulkom hawnhekk biex tkunu tafu li ma nsib ebda ħtija fih.” Jistaʼ jkun li Pilatu jaħseb li billi joħroġ lil Ġesù issa, imbenġel u kollu demm, il-​folol se jdurilhom? Hekk kif Ġesù jidher quddiem il-​marmalja bla qalb, Pilatu jgħid: “Ara! Ir-​raġel!”—Ġwanni 19:4, 5.

Minkejja s-​swat li ġarrab u l-​ġrieħi li għandu, Ġesù tant juri dinjità u jibqaʼ kalm li anki Pilatu jirrikonoxxi dan, għax kliemu donnu jirrifletti rispett u ħniena.