Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

KAPITLU 34

Ġesù jagħżel 12-il appostlu

Ġesù jagħżel 12-il appostlu

MARKU 3:13-​19 LUQA 6:12-​16

  • IT-​12-​IL APPOSTLU

Għaddiet kważi sena u nofs minn mindu Ġwanni l-​Battista introduċa lil Ġesù bħala l-​Ħaruf t’Alla. Hekk kif Ġesù beda l-​ministeru pubbliku tiegħu, għadd taʼ rġiel sinċieri saru dixxipli tiegħu, bħal Indrì, Xmun Pietru, Ġwanni, forsi Ġakbu (ħu Ġwanni), Filippu, u Bartilmew (imsejjaħ ukoll Natanjel). Maż-​żmien, ħafna oħrajn ingħaqdu magħhom f’li jsegwu lil Kristu.—Ġwanni 1:45-​47.

Issa Ġesù hu lest biex jagħżel lill-​appostli tiegħu. Dawn se jissieħbu mill-​qrib miegħu u se jingħataw taħriġ speċjali. Imma qabel ma jagħżilhom, Ġesù joħroġ lejn muntanja, forsi ħdejn il-​Baħar tal-​Galilija mhux ’il bogħod minn Kafarnahum. Hu jqattaʼ lejl sħiħ jitlob, x’aktarx għall-​għerf u għall-​barka t’Alla. L-​għada hu jsejjaħ lid-​dixxipli għandu u jagħżel 12 minnhom biex ikunu appostli.

Ġesù jagħżel is-​sitta msemmijin fil-​bidu taʼ dan il-​kapitlu, kif ukoll lil Mattew, li kien fl-​uffiċċju tat-​taxxi meta sejjaħlu Ġesù. Il-​ħamsa l-​oħra li jagħżel huma Ġuda (imsejjaħ ukoll Taddew u “bin Ġakbu”), Xmun il-​Kanani, Tumas, Ġakbu bin Alfew, u Ġuda l-​Iskarjota.—Mattew 10:2-​4; Luqa 6:16.

S’issa dawn it-​12 diġà vvjaġġaw maʼ Ġesù, u hu jafhom sew. Uħud minnhom jiġu minnu. L-​aħwa Ġakbu u Ġwanni milli jidher huma kuġini taʼ Ġesù. U jekk, kif jaħsbu xi wħud, Alfew kien ħu Ġużeppi, il-​missier adottiv taʼ Ġesù, mela bin Alfew, l-​appostlu Ġakbu, jiġi kuġin taʼ Ġesù.

Naturalment, Ġesù m’għandux problema biex jiftakar x’jisimhom l-​appostli tiegħu. Imma int tiftakarhom? Mod wieħed kif tiftakar hu billi żżomm f’moħħok li hemm tnejn jisimhom Xmun, tnejn jisimhom Ġakbu, u tnejn jisimhom Ġuda. Xmun (Pietru) għandu ħuh jismu Indrì, u Ġakbu (bin Żebedew) għandu ħuh jismu Ġwanni. Dan hu mod faċli biex tiftakar l-​ismijiet taʼ tmienja mill-​appostli. L-​erbgħa l-​oħra jinkludu kollettur tat-​taxxi (Mattew), wieħed li iktar tard jiddubita (Tumas), wieħed li ssejjaħ minn taħt siġra (Natanjel), u l-​ħabib taʼ Natanjel (Filippu).

Ħdax mill-​appostli huma mill-​Galilija, il-​post minn fejn hu Ġesù. Natanjel hu minn Kana. Filippu, Pietru, u Indrì huma minn Betsajda. Pietru u Indrì maż-​żmien imorru jgħixu Kafarnahum, milli jidher fejn kien jgħix Mattew. Ġakbu u Ġwanni wkoll jgħixu Kafarnahum jew xi mkien viċin hemmhekk, u għandhom negozju tas-​sajd fil-​qrib. Ġuda l-​Iskarjota, li iktar tard jittradixxi lil Ġesù, donnu li hu l-​uniku appostlu mil-​Lhudija.