KAPITLU42
Ġesù jċanfar lill-Fariżej
MATTEW 12:33-50 MARKU 3:31-35 LUQA 8:19-21
-
ĠESÙ JITKELLEM DWAR ‘IS-SINJAL TAʼ ĠONA’
-
ID-DIXXIPLI HUMA EQREB TIEGĦU MINN FAMILTU
Billi jiċħdu l-fatt li Ġesù jkeċċi d-demonji bil-qawwa t’Alla, l-iskribi u l-Fariżej qed jirriskjaw li jidgħu kontra l-ispirtu qaddis. Allura, man-naħa taʼ min se jżommu—t’Alla jew taʼ Satana? Ġesù jgħid: “Jew tagħmlu s-siġra tajba bi frott tajjeb jew tagħmlu s-siġra mħassra bi frott imħassar; għax is-siġra mill-frott tagħha tingħaraf.”—Mattew 12:33.
L-akkuża li l-frott tajjeb li qed jagħmel Ġesù, jiġifieri li jkeċċi d-demonji, huwa minħabba li jaqdi lil Satana, hija bluha. Bħalma Ġesù qal ċar u tond fil-prietka tiegħu taʼ fuq il-Muntanja, jekk il-frott hu tajjeb, is-siġra hi tajba, mhux imħassra. Għalhekk, il-frott tal-Fariżej, jiġifieri l-akkużi bla sens tagħhom kontra Ġesù, x’jikxef? Li huma mħassrin. Ġesù jgħidilhom: “Nisel il-lifgħat, kif tistgħu tgħidu affarijiet tajbin, meta intom ħżiena? Għax mill-abbundanza tal-qalb jitkellem il-fomm.”—Mattew 7:16, 17; 12:34.
Iva, kliemna jirrifletti l-kundizzjoni taʼ qalbna u jipprovdi bażi għal ġudizzju. Għalhekk, Ġesù jgħid: “Ngħidilkom li kull ħaġa bla siwi li jgħidu l-bnedmin iridu jagħtu kont tagħha f’Jum il-Ġudizzju; għax bi kliemek tiġi dikjarat ġust, u bi kliemek tiġi kundannat.”—Mattew 12:36, 37.
Minkejja l-għemejjel setgħanin li qed jagħmel Ġesù, l-iskribi u l-Fariżej iridu iktar: “Għalliem, irridu naraw xi sinjal mingħandek.” Kemm jekk personalment rawh jagħmel il-mirakli u kemm jekk le, hemm biżżejjed xhieda li raw b’għajnejhom stess dak li qed iwettaq. Ġesù b’hekk jistaʼ jgħid lil dawn il-mexxejja Lhud: “Ġenerazzjoni mill-agħar u adultera tibqaʼ tfittex sinjal, imma ebda sinjal ma jingħatalha ħlief dak tal-profeta Ġona.”—Mattew 12:38, 39.
Ġesù ma jħallihomx iħabblu moħħhom dwar xi jrid ifisser, hu jispjega: “Bħalma Ġona dam tlett ijiem u tliet iljieli f’żaqq ħuta kbira, hekk Bin il-bniedem idum tlett ijiem u tliet iljieli fil-qalba taʼ l-art.” Ġona nbelaʼ minn ħuta kbira ħafna imma mbagħad ħareġ minnha bħallikieku ġie rxoxtat. B’hekk, Ġesù jbassar li hu nnifsu se jmut u fit-tielet jum jiġi mqajjem. Meta dan iseħħ iktar ’il quddiem, il-mexxejja Lhud jiċħdu ‘s-sinjal taʼ Ġona,’ billi jirrifjutaw li jindmu u jinbidlu. (Mattew 27:63-66; 28:12-15) B’kuntrast, “l-irġiel taʼ Ninwe” nidmu wara li Ġona ppritkalhom, u allura huma se jikkundannaw lil din il-ġenerazzjoni. Ġesù jgħid ukoll li bl-eżempju tagħha, is-sultana taʼ Xeba se tikkundannahom bl-istess mod. Hi xtaqet tismaʼ l-għerf taʼ Salamun u tgħaxxqet tisimgħu. Issa, jgħid Ġesù, “xi ħadd akbar minn Salamun qiegħed hawn.”—Mattew 12:40-42.
Ġesù jqabbel is-sitwazzjoni taʼ din il-ġenerazzjoni mill-agħar maʼ raġel li minnu ħareġ spirtu mhux nadif. (Mattew 12:45) Peress li r-raġel ma jimliex il-vojt b’affarijiet tajbin, l-ispirtu mill-agħar jerġaʼ lura b’sebaʼ spirti agħar minnu u jippossessawh. Bl-istess mod, il-ġens t’Iżrael kien ġie mnaddaf u kien inbidel għall-aħjar—bħal dak ir-raġel li minnu ħareġ l-ispirtu mhux nadif. Imma l-ġens ċaħad lill-profeti t’Alla, u spiċċa biex oppona lil dan il-wieħed li b’mod ċar għandu l-ispirtu t’Alla, jiġifieri lil Ġesù. Dan juri li l-kundizzjoni tal-ġens hi agħar milli kienet fil-bidu.
Waqt li Ġesù qed jitkellem, jaslu ommu u ħutu u joqogħdu f’tarf il-folla. Xi wħud li qegħdin bilqiegħda ħdejh jgħidu: “Ommok u ħutek qegħdin barra u jridu jarawk.” Ġesù mbagħad juri kemm iħossu qrib tad-dixxipli tiegħu, li għalih huma bħal aħwa subien u bniet u ommijiet. Hu jipponta lejn id-dixxipli tiegħu u jgħid: “Ommi u ħuti huma dawn li jisimgħu l-kelma t’Alla u jagħmluha.” (Luqa 8:20, 21) B’hekk juri li avolja r-rabta li għandu maʼ qrabatu hi prezzjuża, ir-relazzjoni li għandu mad-dixxipli tiegħu hi saħansitra iktar prezzjuża. Kemm hi ħaġa mill-isbaħ li aħna jkollna din ir-rabta spiritwali maʼ ħutna, speċjalment meta oħrajn jiddubitaw fina jew imaqdru x-xogħlijiet tajbin tagħna!