KAPITLU 25
B’mogħdrija jfejjaq lil raġel bil-ġdiem
MATTEW 8:1-4 MARKU 1:40-45 LUQA 5:12-16
-
ĠESÙ JFEJJAQ LIL RAĠEL BIL-ĠDIEM
Hekk kif Ġesù u l-erbaʼ dixxipli tiegħu jmorru jippritkaw “fis-sinagogi . . . fil-Galilija kollha,” l-aħbar dwar l-affarijiet tal-għaġeb li qed jagħmel Ġesù tinfirex mal-erbat irjieħ. (Marku 1:39) L-għemil tiegħu jsir magħruf f’belt fejn hemm raġel marid bil-ġdiem. It-tabib Luqa jiddeskrivih bħala li hu “mimli ġdiem.” (Luqa 5:12) Meta din il-marda kiefra tiggrava, hi bil-mod il-mod tibda tisfigura diversi partijiet tal-ġisem.
Għalhekk, dan ir-raġel bil-ġdiem jinsab f’qagħda serja u jkollu jgħix ’il bogħod minn nies oħra. Barra minn hekk, hu suppost jgħajjat “Mhux nadif, mhux nadif!” meta n-nies ikunu qribu, u b’hekk jipproteġihom milli jersqu viċin wisq tiegħu u jissograw li jittieħdu. (Levitiku 13:45, 46) Imma dan ir-raġel bil-ġdiem x’jagħmel issa? Hu jersaq lejn Ġesù, jinxteħet fl-art quddiemu, u jitolbu bil-ħniena: “Mulej, jekk trid, tistaʼ tnaddafni.”—Mattew 8:2.
X’fidi għandu dan ir-raġel f’Ġesù! U min jaf kemm iġib ħniena lil min jarah! Ġesù kif se jirreaġixxi? Int x’kont tagħmel kieku kont hemm? Imqanqal mill-mogħdrija, Ġesù joħroġ idu u saħansitra jmiss lir-raġel. Ġesù jgħidlu: “Irrid. Indaf.” (Mattew 8:3) Għalkemm xi wħud forsi jsibuha diffiċli biex jemmnu dan, il-ġdiem tar-raġel marid jisparixxi f’ħakka t’għajn.
Tixtieq li jkollok sultan li jagħder u li hu kapaċi daqs Ġesù? Il-mod kif jittratta lil dan ir-raġel bil-ġdiem jaċċertana li meta Ġesù jsir Sultan fuq l-art kollha, se titwettaq din il-profezija tal-Bibbja: “Se jiddispjaċih għall-batut u għall-fqir, u jsalva ħajjet il-foqra.” (Salm 72:13) Iva, Ġesù mbagħad se jwettaq ix-xewqa taʼ qalbu, jiġifieri, li jgħin lil dawk kollha li qed ibatu.
Ftakar li anki qabel ma fejjaq lil dan ir-raġel bil-ġdiem, il-ministeru taʼ Ġesù kien qed iqanqal eċċitament kbir fost in-nies. Issa n-nies se jisimgħu dwar din il-ħaġa meraviljuża li għamel. Iżda Ġesù ma jridx li n-nies ipoġġu fidi fih sempliċement minħabba dak li jisimgħu dwaru. Hu jaf il-profezija li tgħid li hu ma kienx se ‘jsemmaʼ leħnu fit-triq,’ jiġifieri, b’xi mod drammatiku. (Isaija 42:1, 2) Fi qbil maʼ dan, Ġesù lir-raġel imfejjaq jagħtih dan il-kmand: “Ara li ma tgħid lil ħadd, imma mur, uri ruħek lill-qassis, u offri l-għotja li ordna Mosè.”—Mattew 8:4.
Però, kif tistaʼ timmaġina, ir-raġel tant jifraħ li ġie mfejjaq li ma jistax iżomm dak li ġara għalih waħdu. Hu jmur ixerred l-aħbar maʼ kullimkien. Dan iqanqal iktar interess u kurżità fost in-nies, tant li Ġesù ma jistax jidħol f’belt minħabba l-ġenn taʼ nies. Allura għal xi żmien joqgħod f’postijiet imwarrbin fejn ma joqgħod ħadd. Imma xorta waħda, jiġu nies minn kullimkien biex jiġu mgħallmin u mfejqin minnu.