Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

KAPITLU 49

Jipprietka fil-Galilija u jħarreġ lill-appostli

Jipprietka fil-Galilija u jħarreġ lill-appostli

MATTEW 9:35–10:15 MARKU 6:6-​11 LUQA 9:1-​5

  • ĠESÙ JERĠAʼ JIPPRIETKA MADWAR IL-​GALILIJA

  • HU JIBGĦAT LILL-​APPOSTLI JIPPRITKAW

Ġesù ilu jipprietka b’mod intensiv għal xi sentejn. Huwa issa l-​waqt li jnaqqas ftit il-​pass u jirrilassa? Għall-​kuntrarju, Ġesù jżid l-​attività tiegħu tal-​ippritkar billi jmur “idur il-​bliet u l-​irħula kollha [tal-​Galilija], jgħallem fis-​sinagogi tagħhom u jippriedka l-​aħbar tajba tas-​saltna u jfejjaq kull xorta taʼ mard u kull xorta taʼ nuqqas taʼ saħħa.” (Mattew 9:35) Dak li jara jikkonvinċih li hemm bżonn ikabbar ix-​xogħol tal-​ippritkar. Imma kif se jagħmel dan?

Hekk kif jivvjaġġa, Ġesù jara nies li għandhom bżonn l-​għajnuna u l-​faraġ li tipprovdi l-​verità. Huma bħal nagħaġ mingħajr ragħaj, maltrattati u mferrxin. Hu jitħassarhom u jgħid lid-​dixxipli tiegħu: “Iva, il-​ħsad hu kbir, imma l-​ħaddiema huma ftit. Għalhekk, itolbu bil-​ħrara lil Sid il-​ħsad biex jibgħat il-​ħaddiema fil-​ħsad tiegħu.”—Mattew 9:37, 38.

Ġesù jaf x’jistaʼ jgħinhom. Hu jsejjaħ għandu t-​12-​il appostlu u jibgħathom tnejn tnejn biex jippritkaw. Hu jagħtihom istruzzjonijiet ċari: “Tmorrux fit-​triq tal-​ġnus, u tidħlu f’ebda belt Samaritana; imma, minflok, ibqgħu morru għand in-​nagħaġ mitlufin taʼ dar Israel. Intom u sejrin, ippridkaw u għidu, ‘Qorbot is-​saltna tas-​smewwiet.’”—Mattew 10:5-​7.

Is-​Saltna li se jippritkaw dwarha hi dik li Ġesù semma fit-​talba mudell. ‘Is-​Saltna qorbot’ fis-​sens li s-​Sultan magħżul t’Alla, Ġesù Kristu, qiegħed hemmhekk. Però, id-​dixxipli tiegħu kif se juru li huma verament jirrappreżentaw din is-​Saltna? Ġesù jagħtihom il-​qawwa biex ifejqu l-​morda u saħansitra biex iqajmu l-​mejtin, dan kollu bla ħlas. Allura, l-​appostli kif se jieħdu ħsieb il-​bżonnijiet tagħhom, bħal pereżempju l-​ikel taʼ kuljum?

Ġesù jgħid lid-​dixxipli tiegħu biex ma jiħdux affarijiet materjali magħhom f’dan il-​vjaġġ taʼ ppritkar. M’għandhomx jieħdu flus tad-​deheb, tal-​fidda, jew tar-​ram aħmar. Lanqas m’għandhom bżonn ħorġa tal-​ikel għall-​vjaġġ, jew ilbiesi jew sandli żejda. Għala le? Ġesù jaċċertahom: “Il-​ħaddiem jistħoqqlu ħobżu.” (Mattew 10:10) In-​nies li jiltaqgħu magħhom u li japprezzaw il-​messaġġ tagħhom se jgħinu lid-​dixxipli bil-​bżonnijiet bażiċi tagħhom. Ġesù jgħid: “Kulfejn tidħlu f’xi dar, oqogħdu fiha sakemm titilqu minn dak il-​post.”—Marku 6:10.

Ġesù jagħtihom ukoll istruzzjonijiet dwar kif javviċinaw lin-​nies bil-​messaġġ tas-​Saltna, hu jgħid: “Meta tidħlu f’xi dar, sellmu lil tad-​dar; u jekk id-​dar jistħoqqilha, ħa tiġi fuqha l-​paċi li tixtiqulha; imma jekk ma jistħoqqilhiex, ħa terġaʼ lura għandkom il-​paċi tagħkom. Kulfejn xi ħadd ma jilqagħkomx jew ma jismax kliemkom, intom u ħerġin minn dik id-​dar jew minn dik il-​belt farfru t-​trab minn maʼ saqajkom.”—Mattew 10:12-​14.

Saħansitra jistaʼ jagħti l-​każ li belt jew raħal sħiħ jiċħad il-​messaġġ tagħhom. Dan x’se jkun ifisser għal post bħal dan? Ġesù jirrivela li r-​riżultat għal dawn se jkun ġudizzju aħrax. Hu jispjega: “Tassew ngħidilkom, Ikun eħfef għall-​art taʼ Sodoma u Gomorra f’Jum il-​Ġudizzju milli għal dik il-​belt.”—Mattew 10:15.