KAPITLU 55
Il-kliem taʼ Ġesù jaħsad lil ħafna
-
JIEKLU L-LAĦAM TIEGĦU U JIXORBU DEMMU
-
ĦAFNA JITFIXKLU U MA JIBQGĦUX ISEGWUH
F’sinagoga f’Kafarnahum, Ġesù qed jgħallem li hu l-ħobż veru mis-sema. Dak li jgħid milli jidher ikompli maʼ dak li qal lin-nies li ġew lura min-naħa tal-Lvant tal-Baħar tal-Galilija, dawk li kielu mill-ħobż u l-ħut li pprovdielhom hemmhekk.
Ġesù jkompli d-diskussjoni tiegħu billi jgħid: “Missirijietkom kielu l-manna fix-xagħri u xorta mietu.” B’kuntrast, hu jispjega: “Jien il-ħobż ħaj li niżel mis-sema; jekk xi ħadd jiekol minn dan il-ħobż jgħix għal dejjem; u, fil-fatt, il-ħobż li se nagħti hu laħmi għall-ħajja tad-dinja.”—Ġwanni 6:48-51.
Fir-rebbiegħa tas-sena 30 WK, Ġesù qal lil Nikodemu li Alla tant ħabb lid-dinja li ta lil Ibnu bħala Salvatur. Ġesù issa jenfasizza l-bżonn li n-nies jieklu minn laħmu billi jeżerċitaw fidi fis-sagrifiċċju li se jagħmel. Dan hu l-mod kif wieħed jikseb il-ħajja taʼ dejjem.
Madankollu, in-nies ma jaqblux maʼ kliem Ġesù. “Kif jistaʼ dan ir-raġel jagħtina laħmu biex nikluh?” jistaqsu huma. (Ġwanni 6:52) Ġesù jridhom jifhmu li qed jitkellem b’mod figurattiv, u mhux b’mod letterali. Dak li jgħid wara jikkonferma dan.
“Jekk ma tiklux il-laħam taʼ Bin il-bniedem u ma tixorbux demmu, m’għandkom ebda ħajja fikom infuskom. Min jiekol laħmi u jixrob demmi għandu l-ħajja taʼ dejjem, . . . għax laħmi hu ikel veru, u demmi xorb veru. Min jiekol laħmi u jixrob demmi jibqaʼ f’unjoni miegħi.”—Ġwanni 6:53-56.
Immaġina kemm dan il-kliem jistaʼ jinstemaʼ offensiv għas-semmiegħa Lhud! Huma forsi jaħsbu li Ġesù qed jinkuraġġixxi l-kannibaliżmu jew il-ksur tal-liġi t’Alla kontra li jittiekel id-demm. (Ġenesi 9:4; Levitiku 17:10, 11) Imma Ġesù mhux qed jitkellem dwar li jieklu l-laħam jew jixorbu d-demm b’mod letterali. Hu qed juri li dawk kollha li jridu l-ħajja taʼ dejjem għandhom jeżerċitaw fidi fis-sagrifiċċju li se jagħmel meta joffri l-ġisem uman perfett tiegħu u jxerred demmu. Però, anki ħafna mid-dixxipli tiegħu ma jifhmux dan it-tagħlim. Xi wħud jirreaġixxu billi jgħidu: “Dan id-diskors ikexkxek; min jiflaħ jisimgħu?”—Ġwanni 6:60.
Peress li Ġesù jirrealizza li xi wħud mid-dixxipli tiegħu qed igergru, hu jistaqsi: “Ifixkilkom dan? Mela, x’tgħidu kieku kellkom taraw lil Bin il-bniedem tielaʼ fejn kien qabel? . . . Il-kliem li għedtilkom hu spirtu u ħajja. Imma hemm xi wħud minnkom li ma jemmnux.” Minħabba dan, ħafna mid-dixxipli jitilqu u ma jibqgħux isegwuh.—Ġwanni 6:61-64.
Allura Ġesù jistaqsi lit-12-il appostlu tiegħu: “Ma tridux tmorru intom ukoll, hux?” Pietru jwieġeb: “Mulej, għand min tridna mmorru? Int għandek il-kliem tal-ħajja taʼ dejjem; u aħna emminna u sirna nafu li int il-Qaddis t’Alla.” (Ġwanni 6:67-69) X’turija mill-isbaħ taʼ lealtà, avolja Pietru u l-appostli l-oħrajn għadhom ma fehmux bis-sħiħ dak li qed jgħallem Ġesù dwar din il-kwistjoni!
Għalkemm jieħu pjaċir bit-tweġiba taʼ Pietru, Ġesù jgħid: “Lilkom it-tnax mhux jien stess għażiltkom? Madankollu, wieħed minnkom hu kalunnjatur, [jew, traditur].” (Ġwanni 6:70) Ġesù qed jitkellem dwar Ġuda l-Iskarjota. Jistaʼ jkun li f’dan il-waqt Ġesù jinduna li Ġuda qed jibda jaġixxi fi qbil max-xewqat ħżiena tiegħu.
Minkejja dan, Ġesù żgur iħossu sodisfatt li Pietru u l-appostli l-oħra ma qatgħux qalbhom milli jsegwuh u milli jkollhom sehem fix-xogħol tiegħu li jsalva l-ħajjiet.