KAPITLU 35
Il-prietka famuża taʼ fuq il-muntanja
-
IL-PRIETKA TAʼ FUQ IL-MUNTANJA
Ġesù żgur li hu għajjien wara li qattaʼ l-lejl kollu jitlob u mbagħad għażel 12-il dixxiplu biex ikunu appostli. Issa sebaħ, iżda xorta għandu s-saħħa u x-xewqa biex jgħin lin-nies. Dan jagħmlu mal-ġenb taʼ muntanja fil-Galilija, forsi mhux ’il bogħod minn Kafarnahum, iċ-ċentru tal-attività tiegħu.
Jiġu għandu folol taʼ nies minn postijiet imbegħdin. Xi wħud huma min-Nofsinhar, minn Ġerusalemm u postijiet fil-Lhudija. Oħrajn huma mill-bliet taʼ Tir u Sidon li qegħdin mal-baħar lejn il-Majjistral. Għala ġew ifittxu lil Ġesù? “Biex jisimgħuh u jitfejqu mill-mard tagħhom.” U jiġri preċiż hekk —Ġesù ‘qed ifejjaqhom ilkoll.’ Aħseb ftit! Il-morda kollha jiġu mfejqin. Ġesù jgħin ukoll lil “dawk li kienu mħabbtin bl-ispirti mhux nodfa,” nies li kienu tturmentati mill-anġli mill-agħar taʼ Satana.—Luqa 6:17-19.
Ġesù issa jsib post fejn jistgħu joqogħdu bilqiegħda mal-ġenb tal-muntanja u l-folol jinġabru madwaru. Id-dixxipli tiegħu, speċjalment it-12-il appostlu, x’aktarx li huma l-eqreb tiegħu. Ilkoll huma ħerqanin li jisimgħu lil dan l-għalliem li hu kapaċi jwettaq għemejjel tant setgħanin. Ġesù jagħmel prietka li bla dubju hi taʼ ġid għas-semmiegħa tiegħu. Minn dakinhar ’il quddiem, ħafna oħrajn ukoll ibbenefikaw minnha. Anki aħna nistgħu nibbenefikaw, għax veritajiet profondi ġew spjegati b’mod ċar u sempliċi. Ġesù juża esperjenzi komuni u affarijiet li n-nies huma familjari magħhom. Allura, dawk kollha li qed ifittxu ħajja aħjar fi qbil mar-rieda t’Alla jistgħu jifhmu l-ideat tiegħu. Liema aspetti prinċipali fil-prietka taʼ Ġesù jagħmluha daqstant prezzjuża?
MIN HUMA DAWK VERAMENT HENJIN?
Kulħadd irid ikun ferħan. Peress li jaf dan, Ġesù jibda billi jiddeskrivi lil dawk li huma verament henjin. Immaġina kif dan jiġbed l-attenzjoni tas-semmiegħa tiegħu. Imma hemm xi affarijiet li żgur iħawduhom.
Hu jgħid: “Henjin dawk li huma konxji tal-bżonn spiritwali tagħhom, għax tagħhom hi s-saltna tas-smewwiet. Henjin l-imnikktin, għax għad jitfarrġu. . . . Henjin dawk li huma bil-ġuħ u bil-għatx għas-sewwa, għax għad jimtlew. . . . Henjin dawk li ġew persegwitati minħabba s-sewwa, għax tagħhom hi s-saltna tas-smewwiet. Henjin intom meta n-nies iżebilħukom u jippersegwitawkom . . . minħabba fija. Thennew u aqbżu bil-ferħ.”—Mattew 5:3-12.
Ġesù xi jfisser meta jgħid “henjin”? Hu mhuwiex qed jirreferi għal meta wieħed ikun ferħan għax ikun qed jieħu pjaċir. Il-ferħ ġenwin hu iktar profond. Jinvolvi kuntentizza vera, sens taʼ sodisfazzjon fil-ħajja.
Ġesù jgħid li nies verament henjin huma dawk li jagħrfu l-bżonn spiritwali tagħhom, li huma mnikktin minħabba l-qagħda midinba tagħhom, u li jsiru jafu lil Alla u jaqduh. Anki jekk ikunu mibgħudin jew jiġu ppersegwitati għax qed jagħmlu r-rieda t’Alla, huma ferħanin għax jafu li qed jogħġbuh u li hu se jippremjahom bil-ħajja taʼ dejjem.
Però, bosta nies jaħsbu li biex wieħed ikun ferħan irid ikun għani u l-ħin kollu jiddeverti. Imma Ġesù ma jgħidx hekk. Hu jagħmel kuntrast li żgur iġiegħel lil ħafna mis-semmiegħa tiegħu jaħsbu, billi jgħid: “Gwaj għalikom intom l-għonja, għax Luqa 6:24-26.
qed tikkonslaw bis-sħiħ. Gwaj għalikom li bħalissa għandkom bix-xabaʼ, għax għad tkunu bil-ġuħ. Gwaj, intom li bħalissa tidħqu, għax għad titnikktu u tibku. Gwaj, kulmeta n-nies kollha jitkellmu tajjeb dwarkom, għax hekk għamlu missirijiethom lill-profeti foloz.”—Li wieħed ikun għani, jidħaq bil-ferħ, u jieħu pjaċir bit-tifħir t’oħrajn, għala jġib gwaj? Għax meta xi ħadd ikollu dawn l-affarijiet u jgħożżhom, jistaʼ jwarrab is-servizz lejn Alla fil-ġenb, u b’hekk jitlef l-hena veru. Ġesù mhux qed jgħid li s-sempliċi fatt li wieħed ikun fqir jew bil-ġuħ se jagħmlu ferħan. Madankollu, spiss huwa l-bniedem żvantaġġat li jilqaʼ t-tagħlim taʼ Ġesù u li jikseb il-barka tal-hena veru.
Bid-dixxipli tiegħu f’moħħu, Ġesù jgħid: “Intom il-melħ taʼ l-art.” (Mattew 5:13) M’għandniex xi ngħidu, mhumiex melħ letterali. Minflok, il-melħ hu preservattiv. Ammont kbir minnu jinżamm ħdejn l-artal fit-tempju t’Alla u jintuża biex jiġi mitfugħ fuq l-offerti. Il-melħ jirrappreżenta wkoll il-ħelsien mill-korruzzjoni jew it-taħsir. (Levitiku 2:13; Eżekjel 43:23, 24) Id-dixxipli taʼ Ġesù huma “l-melħ taʼ l-art” fis-sens li l-influwenza li għandhom fuq in-nies tgħin biex tippreserva r-relazzjoni tagħhom maʼ Ġeħova u jżommu livelli morali għoljin. Iva, il-messaġġ tagħhom jistaʼ jippreserva l-ħajja taʼ dawk kollha li jilqgħuh.
Ġesù jgħid ukoll lid-dixxipli: “Intom id-dawl tad-dinja.” Musbieħ ma jitqigħedx taħt xi qoffa imma fuq gandlier, fejn jistaʼ jitfaʼ d-dawl. Allura Ġesù jħeġġeġ: “Għandu jiddi d-dawl tagħkom quddiem il-bnedmin, biex jaraw l-għemejjel tajbin tagħkom u jagħtu glorja lil Missierkom li hu fis-smewwiet.”—Mattew 5:14-16.
LIVELL GĦOLI GĦAS-SEGWAĊI TIEGĦU
Il-mexxejja reliġjużi Lhud iqisu lil Ġesù bħala xi ħadd li qed jikser il-Liġi t’Alla u reċentement ikkonfoffaw biex joqtluh. Allura Ġesù jgħid ċar u tond: “Taħsbux li ġejt biex neqred il-Liġi jew il-Profeti. Ma ġejtx biex neqred imma biex inwettaq.”—Mattew 5:17.
Iva, Ġesù għandu l-akbar rispett għal-Liġi t’Alla u jħeġġeġ lil oħrajn biex ikollhom l-istess ħarsa. Infatti, hu jgħid: “Għalhekk, kulmin jikser wieħed minn dawn l-iżgħar kmandamenti u Mattew 5:19.
lill-bnedmin jgħallimhom [jagħmlu] hekk, se jissejjaħ ‘l-iżgħar’ fejn għandha x’taqsam is-saltna tas-smewwiet.” Hu qed jgħid li individwu bħal dan lanqas biss se jidħol fis-Saltna. Hu jkompli: “Iżda kulmin jagħmilhom u jgħallimhom se jissejjaħ ‘kbir’ fejn għandha x’taqsam is-saltna tas-smewwiet.”—Ġesù jikkundanna saħansitra attitudnijiet li jwasslu lil dak li jkun biex jikser il-Liġi t’Alla. Wara li jsemmi li l-Liġi tgħid “Toqtolx,” Ġesù jżid: “Kulmin jibqaʼ mgħaddab għal ħuh irid jagħti kont lill-qorti tal-ġustizzja.” (Mattew 5:21, 22) Hija ħaġa serja li individwu jibqaʼ mgħaddab għal xi ħadd, għax saħansitra jistaʼ jasal biex joqtol. Għalhekk, Ġesù jispjega kemm wieħed għandu jistinka biex jagħmel paċi: “Allura, jekk waqt li tkun qed iġġib l-għotja tiegħek lejn l-artal tiftakar li ħuk għandu xi ħaġa kontrik, itlaq l-għotja tiegħek hemmhekk quddiem l-artal, u mur l-ewwel agħmel paċi maʼ ħuk, u mbagħad, meta tkun ġejt lura, offri l-għotja tiegħek.”—Mattew 5:23, 24.
Fil-Liġi hemm ukoll kmandament kontra l-adulterju. Ġesù jgħid: “Smajtu li ntqal, ‘Tagħmilx adulterju.’ Imma jien ngħidilkom li kulmin jibqaʼ jħares lejn mara biex jixtieqha jkun diġà għamel adulterju magħha f’qalbu.” (Mattew 5:27, 28) Ġesù mhuwiex jitkellem sempliċement dwar ħsieb immorali li jgħaddi malajr minn moħħ xi ħadd; minflok, hu qed jenfasizza s-serjetà tal-kwistjoni meta dak li jkun “jibqaʼ jħares.” Meta wieħed jibqaʼ jħares spiss iqanqal xewqa passjonali. Imbagħad, jekk tiġih l-opportunità, dak li jkun jistaʼ jispiċċa jikkommetti adulterju. Individwu kif jistaʼ jwaqqaf dan milli jiġri? Forsi jkun hemm bżonn passi estremi. Ġesù jgħid: “Issa, jekk għajnek il-leminija qed tfixklek, aqlagħha u armiha ’l bogħod minnek. . . . Jekk idek il-leminija qed tfixklek, aqtagħha u armiha ’l bogħod minnek.”—Mattew 5:29, 30.
Biex isalvaw ħajjithom, xi wħud kienu lesti li jitilfu sieq jew id minħabba marda serja. Nistgħu nifhmu għala Ġesù jgħid li jkun aħjar li ‘narmu’ xi ħaġa, saħansitra xi ħaġa prezzjuża bħal għajn jew id, biex nevitaw ħsibijiet immorali u l-azzjonijiet li dawn iġibu magħhom. Ġesù jispjega: “Ikun aħjar għalik li titlef wieħed mill-membri taʼ ġismek milli ġismek kollu jispiċċa f’Geħenna” (miżbla taqbad bin-nar barra s-swar taʼ Ġerusalemm), u dan jindika qerda totali.
Ġesù jagħti parir ukoll dwar kif għandna nittrattaw lil dawk li jweġġgħuna jew joffenduna. Hu jgħid: “Tirreżistux lil min hu mill-agħar; imma kulmin jagħtik daqqa taʼ ħarta fuq ħaddek tal-lemin, dawwarlu l-ieħor ukoll.” (Mattew 5:39) Dan ma jfissirx li individwu ma jistax jiddefendi ruħu jew lil familtu jekk jiġu attakkati. Ġesù jsemmi daqqa taʼ ħarta, li ma tingħatax biex tweġġaʼ serjament lil dak li jkun jew biex toqtlu; minflok, hija insult. Ġesù qed jgħid li jekk xi ħadd jipprova jaqlaʼ ġlieda jew argument, kemm jekk b’daqqa taʼ ħarta u kemm jekk bi kliem li jweġġaʼ, m’għandniex inpattu.
Dan il-parir hu fi qbil mal-liġi t’Alla biex inħobbu lill-proxxmu. Allura Ġesù jagħti dan il-parir lis-semmiegħa tiegħu: “Komplu ħobbu lill-għedewwa tagħkom u itolbu għal dawk li qed jippersegwitawkom.” Hu jagħti raġuni soda għala għandhom jagħmlu dan: “Sabiex turu li intom ulied Missierkom li hu fis-smewwiet, għax hu jtellaʼ x-xemx tiegħu fuq il-ħżiena u fuq it-tajbin.”—Mattew 5:44, 45.
Ġesù jiġbor fil-qosor din il-parti tal-prietka tiegħu billi jgħid: “Kunu mela perfetti, bħalma hu perfett Missierkom tas-sema.” (Mattew 5:48) Ovvjament, hu mhux qed jgħid li n-nies jistgħu jkunu perfetti kompletament. Madankollu, billi nimitaw lil Alla, aħna nistgħu nkabbru mħabbitna biex tinkludi saħansitra l-għedewwa tagħna. Fi kliem ieħor: “Komplu ħennu bħalma jħenn Missierkom.”—Luqa 6:36.
IT-TALB U L-FIDUĊJA F’ALLA
Hekk kif Ġesù jkompli l-prietka li qed jagħmel, hu jħeġġeġ lis-semmiegħa tiegħu: “Oqogħdu attenti li s-sewwa li tagħmlu ma tagħmluhx għal għajn in-nies, biex tidhru.” Ġesù jikkundanna turija ipokrita taʼ devozzjoni lejn Alla, u jżid jgħid: “Meta tagħti għotjiet taʼ ħniena, toqgħodx iddoqq it-trombi, bħalma jagħmlu l-ipokriti.” (Mattew 6:1, 2) Huwa aħjar jekk dak li jkun jagħti għotjiet taʼ ħniena fil-privat.
Ġesù mbagħad jgħid: “Meta titolbu, tkunux bħall-ipokriti; għax dawn iħobbu jitolbu bil-wieqfa fis-sinagogi u fil-kantunieri tat-toroq prinċipali sabiex jarawhom in-nies.” Minflok, hu jgħid: “Meta titlob, idħol f’kamartek, agħlaq il-bieb, u itlob lil Missierek li qiegħed fil-moħbi.” (Mattew 6:5, 6) Ġesù mhuwiex kontra t-talb kollu li jingħad fil-pubbliku, għax hu nnifsu għamel talb bħal dan. Hu qed jikkundanna t-talb li jingħad minn dawk li jridu jimpressjonaw lil oħrajn u li jridu t-tifħir tagħhom.
Lill-folla jagħtiha dan il-parir: “Meta titlob, toqgħodx tirripeti l-istess ħaġa, bħalma jagħmlu n-nies tal-ġnus.” (Mattew 6:7) Ġesù ma jfissirx li m’għandniex nitolbu darba wara l-oħra dwar l-istess suġġett. Minflok, qed jgħid li m’għandniex ‘nirripetu’ frażijiet li nkunu tgħallimna bl-amment. Hu mbagħad jgħid talba mudell li tinkludi sebaʼ affarijiet li għandna nitolbu għalihom. L-ewwel tlieta jirrikonoxxu d-dritt li Alla għandu biex isaltan u l-iskopijiet tiegħu—li ismu jiġi mqaddes, li tiġi Saltnatu, u li ssir ir-rieda tiegħu. Huwa biss wara dawn li għandna nitolbu għal affarijiet persunali—għall-ikel tagħna taʼ kuljum u biex jinħafrulna dnubietna, kif ukoll biex ma niġux ittantati iktar milli nifilħu u biex ninħelsu mill-ħażin.
Kemm għandhom ikunu importanti għalina l-affarijiet materjali li għandna? Ġesù jħeġġeġ lill-folla: “Tibqgħux taħżnu teżori fuq l-art, fejn jittieklu mill-kamla u s-sadid, u fejn jidħlu l-ħallelin biex jisirqu.” Kemm hu raġunevoli dan! Teżori materjali jistgħu jispiċċaw, kif ġieli għamlu, u l-fatt li jkollna dawn l-affarijiet ma jagħmilniex iktar għeżież għal Alla. Fi qbil maʼ dan, Ġesù mbagħad jgħid: “Aħżnu teżori fis-sema.” Dan nistgħu nagħmluh billi npoġġu s-servizz t’Alla l-ewwel f’ħajjitna. Ħadd ma jistaʼ jiħdilna l-waqfa tajba li jkollna m’Alla jew il-premju taʼ ħajja taʼ dejjem li se niksbu permezz taʼ din il-waqfa. Kemm hu minnu l-kliem taʼ Ġesù: “Fejn hemm it-teżor tiegħek, hemm tkun qalbek ukoll.”—Mattew 6:19-21.
Biex jenfasizza dan il-punt, Ġesù jagħti tixbiha: “L-għajn hi l-musbieħ tal-ġisem. Jekk, mela, għajnek tkun sempliċi, ġismek kollu jkun jiddi; imma jekk għajnek tkun mill-agħar, ġismek kollu jkun mudlam.” (Mattew 6:22, 23) Meta l-għajn figurattiva tagħna taħdem kif suppost, hi tkun bħal musbieħ mixgħul għal ġisimna. Imma biex tkun hekk, l-għajn tagħna trid tkun iffokata fuq ħaġa waħda; inkella, nistgħu niżviluppaw ħarsa żbaljata lejn il-ħajja. Li kieku niffokaw fuq l-affarijiet materjali minflok fuq li naqdu lil Alla jkun ifisser li ‘ġisimna kollu jkun mudlam,’ u forsi nibdew nagħmlu affarijiet li huma diżonesti.
Ġesù mbagħad iwissi: “Ħadd ma jistaʼ jkun ilsir taʼ żewġ sidien; għax jew jobgħod lil wieħed u jħobb lill-ieħor, jew jintrabat maʼ wieħed u jistmerr lill-ieħor. Ma tistgħux tkunu lsiera t’Alla u tal-flus.”—Mattew 6:24.
Xi wħud li qed jisimgħu lil Ġesù forsi Mattew 6:26.
jħossuhom konċernati dwar kif għandhom iqisu l-bżonnijiet materjali tagħhom. Allura jassigurahom li m’għandhomx għax ikunu ansjużi jekk ipoġġu s-servizz lil Alla l-ewwel f’ħajjithom. “Osservaw bir-reqqa l-għasafar tas-sema, għax huma la jiżirgħu, la jaħsdu, u lanqas jiġbru fl-imħażen; imma Missierkom tas-sema xorta waħda jitmagħhom.”—U xi ngħidu għall-ġilji tar-rabaʼ hemmhekk fuq il-muntanja? Ġesù jgħid li “lanqas saħansitra Salamun fil-glorja kollha tiegħu ma kien imżejjen bħal wieħed minnhom.” Dan x’juri? “Jekk Alla jlibbes hekk lill-ħaxix tar-rabaʼ, li llum hawn u għada jintefaʼ fil-forn, kemm iktar ilibbes lilkom?” (Mattew 6:29, 30) Ġesù b’mod għaqli jħeġġeġ: “Qatt tkunu ansjużi u tgħidu, ‘X’se nieklu?’ jew, ‘X’se nixorbu?’ jew, ‘X’se nilbsu?’ . . . Missierkom tas-sema jaf li teħtieġu dawn l-affarijiet kollha. Mela, ibqgħu fittxu l-ewwel is-saltna u s-sewwa tiegħu, u dawn l-affarijiet l-oħrajn kollha se jiżdidulkom.”—Mattew 6:31-33.
KIF NIKSBU L-ĦAJJA
L-appostli u oħrajn li huma sinċieri jridu jgħixu b’tali mod li jogħġob lil Alla, imma dan mhuwiex faċli fiċ-ċirkustanzi tagħhom. Pereżempju, ħafna Fariżej jikkritikaw lil oħrajn u jiġġudikawhom bl-aħrax. Allura Ġesù jwissi lis-semmiegħa tiegħu: “Tibqgħux tiġġudikaw biex ma tiġux ġudikati; għax bl-istess ġudizzju li tiġġudikaw, tiġu ġudikati.”—Mattew 7:1, 2.
Huwa perikoluż jekk dak li jkun isegwi l-eżempju tal-Fariżej, li jikkritikaw iżżejjed, kif juri Ġesù b’din it-tixbiha: “Jistaʼ agħma jmexxi agħma ieħor? It-tnejn jaqgħu f’ħofra, mhux hekk?” Allura s-semmiegħa taʼ Ġesù kif għandhom iqisu lil oħrajn? Mhux billi jikkritikawhom, għax dan ikun żball serju. Hu jistaqsi: “Kif tistaʼ tgħid lil ħuk, ‘Ħi, ħallini nneħħilek it-tibna li hemm f’għajnek,’ waqt li m’intix tħares lejn it-travu li għandek f’għajnek? Ipokrita! L-ewwel neħħi t-travu minn għajnek, u mbagħad tara ċar kif tneħħi t-tibna li hemm f’għajn ħuk.”—Luqa 6:39-42.
Dan ma jfissirx li d-dixxipli m’għandhom jagħmlu ebda ġudizzju. “Tagħtux lill-klieb dak li hu qaddis, lanqas tixħtu l-perli tagħkom quddiem il-ħnieżer,” iħeġġiġhom Ġesù. (Mattew 7:6) Il-veritajiet mill-Kelma t’Alla huma prezzjużi, bħal perli figurattivi. Jekk xi nies jaġixxu bħal annimali, billi ma juru ebda apprezzament għal dawn il-veritajiet prezzjużi, id-dixxipli għandhom iħalluhom u jfittxu lil dawk li huma lesti li jagħtu widen.
Ġesù jerġaʼ jaqbad is-suġġett tat-talb billi jenfasizza l-bżonn li nippersistu fih. “Ibqgħu itolbu, u jingħatalkom.” Alla hu lest li jwieġeb it-talb, kif jenfasizza Ġesù billi jistaqsi: “Min hu dak il-bniedem fostkom li jekk ibnu jitolbu l-ħobż jagħtih ġebla? . . . Għalhekk, jekk intom, għalkemm ħżiena, tafu tagħtu għotjiet tajbin lil uliedkom, kemm iktar Missierkom li hu fis-smewwiet jagħti affarijiet tajbin lil dawk li jitolbuh!”—Mattew 7:7-11.
Ġesù mbagħad jgħid dik li saret regola famuża taʼ kif wieħed għandu jġib ruħu: “Għalhekk, kulma tridu li l-bnedmin jagħmlulkom, intom Mattew 7:12-14.
tridu tagħmluh lilhom ukoll.” M’għandniex ilkoll kemm aħna nniżżlu din it-twissija pożittiva f’qalbna u napplikawha meta nittrattaw m’oħrajn? Madankollu, dan jistaʼ jkun taʼ sfida, kif wera Ġesù b’din l-istruzzjoni: “Idħlu mill-bieb id-dejjaq; għax wiesgħa u spazjuża hi t-triq li tieħu għall-qerda, u ħafna jgħaddu minnha; filwaqt li dejjaq hu l-bieb u mħarbta hi t-triq li tieħu għall-ħajja, u ftit huma dawk li jsibuha.”—Hemm dawk li jipprovaw jiżvijaw lid-dixxipli mit-triq li tieħu għall-ħajja, allura Ġesù jwissi: “Ħarsu ruħkom mill-profeti foloz li jiġu għandkom lebsin taʼ nagħaġ, imma minn ġewwa huma lpup imġewħin.” (Mattew 7:15) Siġar tajbin u siġar ħżiena jistgħu jintgħarfu mill-frott tagħhom, jgħid Ġesù. L-istess jistaʼ jingħad għan-nies. Għalhekk, nistgħu nagħrfu l-profeti foloz mit-tagħlim u l-azzjonijiet tagħhom. Iva, Ġesù jispjega, mhuwiex sempliċement dak li individwu jgħid li jagħmlu dixxiplu tiegħu imma wkoll dak li jagħmel. Xi nies isostnu li Ġesù hu l-Mulej tagħhom, imma xi ngħidu jekk mhumiex qed jagħmlu r-rieda t’Alla? Ġesù jgħid: “Nistqarrilhom: Jien qatt ma kont nafkom! Itilqu minn quddiemi, intom li tiksru l-liġi.”—Mattew 7:23.
Ġesù jikkonkludi l-prietka tiegħu billi jgħid: “Kulmin jismaʼ kliemi u jagħmlu jkun jixbah lil raġel għaqli, li bena daru fuq il-blat. U niżlet ix-xita u ġie l-għargħar u nefħu l-irjieħ u ħabtu fuq dik id-dar, imma ma ċedietx, għax il-pedament tagħha kien fuq il-blat.” (Mattew 7:24, 25) Id-dar għala baqgħet wieqfa? Għax ir-raġel “ħaffer u niżel fil-fond u qiegħed il-pedament fuq il-blat.” (Luqa 6:48) Għalhekk, mhuwiex biżżejjed li sempliċement nisimgħu l-kliem taʼ Ġesù. Hemm bżonn li nistinkaw kemm nifilħu biex ‘nagħmluh.’
Iżda xi ngħidu għal dak li ‘jismaʼ l-kliem’ imma “ma jagħmlux”? Hu “jixbah lil raġel iblah, li bena daru fuq ir-ramel.” (Mattew 7:26) Ix-xita, l-għargħar, u r-riħ kieku faċilment iwaqqgħu dar bħal din.
Il-folol jibqgħu mbellhin bil-mod kif Ġesù jgħallem f’din il-prietka. Hu jagħmel dan bħal xi ħadd li għandu l-awtorità u mhux bħall-mexxejja reliġjużi. X’aktarx li ħafna minn dawk li semgħuh isiru d-dixxipli tiegħu.