Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

KAPITLU 56

X’inhu dak li verament iniġġes lil persuna?

X’inhu dak li verament iniġġes lil persuna?

MATTEW 15:1-​20 MARKU 7:1-​23 ĠWANNI 7:1

  • ĠESÙ JIKXEF IT-​TRADIZZJONIJIET TAL-​BNIEDEM

Hekk kif joqrob il-​Qbiż tas-​sena 32 WK, Ġesù qed jgħallem bla heda fil-​Galilija. Imbagħad x’aktarx jerħilha lejn Ġerusalemm għall-​Qbiż, fi qbil mal-​Liġi t’Alla. Madankollu, Ġesù jagħmel dan b’attenzjoni kbira għax il-​Lhud qed ifittxu opportunità biex joqtluh. (Ġwanni 7:1) Wara dan imur lura l-​Galilija.

Ġesù probabbilment qiegħed Kafarnahum meta xi Fariżej u skribi jiġu għandu minn Ġerusalemm. Għax qagħdu jagħmlu dan il-​vjaġġ? Huma qed jipprovaw isibu xi ħaġa biex jakkużaw lil Ġesù biha. Huma jistaqsu: “Id-​dixxipli tiegħek għala jiksru t-​tradizzjoni taʼ dawk taʼ qabilna? Per eżempju, huma ma jaħslux idejhom qabel jieklu.” (Mattew 15:2) Alla qatt ma qal lil niesu biex josservaw din id-​drawwa reliġjuża taʼ li ‘jaħslu jdejhom sal-​minkeb.’ (Marku 7:3) Iżda l-​Fariżej iqisuha bħala offiża serja jekk dak li jkun ma jagħmilx hekk.

Minflok ma jwieġeb direttament l-​akkuża tagħhom, Ġesù jiġbed l-​attenzjoni lejn kif huma jiksru l-​Liġi t’Alla apposta. “Intom għala tiksru l-​kmandament t’Alla minħabba t-​tradizzjoni tagħkom?” jistaqsihom. “Per eżempju, Alla qal, ‘Onora lil missierek u lil ommok’; u, ‘Min iżeblaħ lil missieru jew lil ommu jieħu l-​mewt.’ Imma intom tgħidu, ‘Kulmin jgħid lil missieru jew lil ommu: “Kulma għandi li bih nistaʼ nkun t’għajnuna għalik hu għotja dedikata lil Alla,” m’għandux għalfejn jonora lil missieru.’”—Mattew 15:3-​6; Eżodu 20:12; 21:17.

Il-​Fariżej isostnu li l-​flus, il-​proprjetà, jew kull ħaġa dedikata bħala għotja lil Alla hi tat-​tempju, allura ma tistax tintuża għal xi skop ieħor. Iżda, fir-​realtà, l-​għotja dedikata xorta għadha tal-​individwu. Pereżempju, iben forsi jgħid li flusu jew il-​proprjetà tiegħu hi “qorban,” jiġifieri għotja dedikata lil Alla jew lit-​tempju, bħallikieku issa t-​tempju għandu dritt akbar għall-​għotja. L-​iben xorta jistaʼ juża l-​flus jew il-​proprjetà, imma hu jsostni li ma jistax jużahom biex jgħin lill-​ġenituri tiegħu mdaħħlin fiż-​żmien u li għandhom bżonn l-​għajnuna. Hu b’hekk jaħrab mir-​responsabbiltà li għandu lejhom.—Marku 7:11.

Ġesù mhux taʼ b’xejn jagħdab għal dan it-​tagħwiġ tal-​Liġi t’Alla u jgħid: “Il-​kelma t’Alla ġibtuha fix-​xejn minħabba t-​tradizzjoni tagħkom. Ja ipokriti, sewwa pprofetizza dwarkom Isaija, meta qal, ‘Dan il-​poplu jonorani b’xofftejh, iżda qalbu mbiegħda minni. Għalxejn jagħtuni qima, għax jgħallmu bħala duttrini l-​kmandi tal-​bnedmin.’” Il-​Fariżej m’għandhomx risposta għall-​kritika qawwija taʼ Ġesù. Allura jsejjaħ lill-​folla biex tersaq lejh. “Isimgħu u ifhmu dan,” jgħid hu. “Mhux dak li jidħol mill-​fomm iniġġes lill-​bniedem; imma dak li joħroġ minn fommu jniġġsu lill-​bniedem.”—Mattew 15:6-​11; Isaija 29:13.

Iktar tard meta qegħdin f’dar, id-​dixxipli jistaqsu lil Ġesù: “Taf li l-​Fariżej tfixklu b’dak li għedt?” Hu jwieġeb: “Kull xitla li ma ħawwilx Missieri tas-​sema titqaċċat mill-​għeruq. Ħalluhom. Dawk gwidi għomja. Għalhekk, jekk agħma jmexxi lil agħma, it-​tnejn jaqgħu f’ħofra.”—Mattew 15:12-​14.

Ġesù donnu jissorprendi ruħu meta, għan-​nom tad-​dixxipli, Pietru jitolbu spjegazzjoni iktar ċara dwar xi jniġġes lil bniedem. Ġesù jwieġeb: “Ma tafux li kulma jidħol mill-​fomm jgħaddi mill-​imsaren u jintrema fid-​dranaġġ? Madankollu, dak li joħroġ mill-​fomm jiġi mill-​qalb, u dan hu li jniġġes lill-​bniedem. Per eżempju, mill-​qalb joħorġu rraġunar ħażin, qtil, adulterju, żína, serq, xiehda falza, u dagħa. Dawn huma l-​affarijiet li jniġġsu lill-​bniedem, imma dan ma jitniġġisx għax jiekol mingħajr ma jaħsel idejh.”—Mattew 15:17-​20.

Ġesù mhuwiex qed jiskuraġġixxi l-​indafa inġenerali u lanqas mhu qed jgħid li persuna m’għandhiex bżonn taħsel idejha qabel ma tipprepara l-​ikel jew tiekol. Minflok, hu qed jikkundanna l-​ipokrisija tal-​mexxejja reliġjużi li jipprovaw jinjoraw il-​liġijiet ġusti t’Alla billi jirrikorru għal tradizzjonijiet tal-​bnedmin. Il-​fatt hu li huma l-​għemejjel mill-​agħar li jiġu mill-​qalb li jniġġsu lil bniedem.