KAPITLU 69
Missierhom—Abraham jew ix-Xitan?
-
IL-LHUD ISOSTNU LI ABRAHAM HU MISSIERHOM
-
ĠESÙ EŻISTA QABEL ABRAHAM
Ġesù għadu Ġerusalemm għall-Festa tal-Għerejjex (jew, tat-Tabernakli) u qed ikompli jgħallem veritajiet vitali. Xi Lhud li kienu hemmhekk kienu għadhom kemm qalulu: “Aħna wlied Abraham u qatt ma konna lsiera.” Ġesù jwieġeb: “Naf li intom ulied Abraham; imma qed tipprovaw toqtluni, għax kelmti mhix ikollha suċċess fostkom. Jien ngħid dak li rajt maʼ Missieri; u intom, fil-fatt, tagħmlu dak li smajtu mingħand missierkom.”—Ġwanni 8:33, 37, 38.
Il-punt taʼ Ġesù hu sempliċi: Missieru hu differenti minn tagħhom. Peress li ma jifhmux xi jrid ifisser Ġesù, il-Lhud jirripetu l-istqarrija tagħhom: “Missierna hu Abraham.” (Ġwanni 8:39; Isaija 41:8) Huma letteralment id-dixxendenti tiegħu, u allura jħossu li għandhom l-istess fidi li kellu l-ħabib t’Alla, Abraham.
Madankollu, Ġesù jagħti tweġiba xokkanti: “Jekk intom ulied Abraham, agħmlu l-għemejjel t’Abraham.” Tabilħaqq, iben taʼ veru jimita lil missieru. “Imma issa qed tipprovaw toqtluni lili,” ikompli Ġesù, “bniedem li għedtilkom il-verità li smajt mingħand Alla. Abraham m’għamlux dan.” Imbagħad Ġesù jgħid xi ħaġa li tikkonfondihom: “Intom tagħmlu l-għemejjel taʼ missierkom.”—Ġwanni 8:39-41.
Il-Lhud xorta ma jifhmux għal min qed jgħid Ġesù. Huma jsostnu li huma wlied leġittimi billi jgħidu: “Aħna ma twilidniex miż-żína; Missier wieħed għandna, lil Alla.” Iżda huwa Alla verament Missierhom? “Kieku Alla kien Missierkom,” jgħid Ġesù “kontu tħobbuni, għax mingħand Alla ġejt u qiegħed hawnhekk. Lanqas ma ġejt minn rajja, imma kien Hu li bagħatni.” Ġesù jistaqsi mistoqsija u jwiġibha hu stess: “Għala ma tafux x’qed ngħid? Għax kelmti ma tistgħux tisimgħuha.”—Ġwanni 8:41-43.
Ġesù pprova juri x’inhuma l-konsegwenzi taʼ li jiċħduh. Imma issa jgħid ċar u tond: “Intom minn missierkom ix-Xitan, u tixtiequ tagħmlu x-xewqat taʼ missierkom.” X’tip taʼ persuna hu missierhom? Ġesù jidentifikah b’mod ċar: “Dan kien qattiel meta beda, u ma żammx sħiħ fil-verità.” Ġesù jżid jgħid: “Min hu minn Alla jismaʼ l-kliem t’Alla. Huwa għalhekk li intom ma tisimgħux, għax m’intomx minn Alla.”—Ġwanni 8:44, 47.
Din il-kundanna tirrabjahom lil-Lhud u jgħidu: “Mhux sewwa ngħidulek, Int Samaritan u għandek demonju?” Billi lil Ġesù jsejħulu “Samaritan,” huma qed juru li jistmerruh. Imma Ġesù jinjora t-tmaqdir tagħhom u jgħid: “Jien m’għandix demonju, imma nonora lil Missieri, u intom tiddiżonorawni.” Nistgħu naraw kemm din hi kwistjoni serja mill-wegħda tal-għaġeb li jagħmel Ġesù: “Jekk xi ħadd josserva kelmti, qatt ma jara l-mewt.” Hu ma jfissirx li l-appostli u oħrajn li jsegwuh letteralment qatt ma se jmutu. Minflok, huma qatt ma se jaraw qerda eterna, “it-tieni mewt,” mingħajr tama taʼ rxoxt.—Ġwanni 8:48-51; Rivelazzjoni 21:8.
Imma l-Lhud jieħdu kliem Ġesù b’mod letterali u jgħidu: “Issa tassew nafu li għandek demonju. Abraham miet, il-profeti wkoll; imma int tgħid, ‘Jekk xi ħadd josserva kelmti, qatt ma jduq il-mewt.’ M’intix akbar minn missierna Abraham li miet, hux? . . . Min taħseb li int?”—Ġwanni 8:52, 53.
Jidher ċar li Ġesù qed jindika li hu l-Messija. Imma minflok ma jwieġeb direttament il-mistoqsija tagħhom dwar l-identità tiegħu, hu jgħid: “Jekk nigglorifika lili nnifsi, il-glorja tiegħi m’hi xejn. Hu Missieri li jigglorifikani, dak li tgħidu li hu Alla tagħkom, u madankollu ma sirtux tafuh. Imma jien nafu. U kieku għedt li ma nafux kont inkun giddieb bħalkom.”—Ġwanni 8:54, 55.
Ġesù issa jerġaʼ jirreferi għall-eżempju tal-missier leali tagħhom: “Missierkom Abraham feraħ ħafna bil-prospett li jara l-jum tiegħi, u rah u feraħ.” Iva, Abraham emmen fil-wegħda t’Alla u ħares ’il quddiem għall-wasla tal-Messija. Il-Lhud ma jemmnuhx u jgħidu: “Lanqas għad għandek ħamsin sena, u rajt lil Abraham?” Ġesù jwiġibhom: “Tassew, tassew, ngħidilkom, Qabel m’eżista Abraham, kont neżisti.” Hu qed jirreferi għall-eżistenza tiegħu qabel ma sar bniedem meta kien anġlu setgħan fis-sema.—Il-Lhud, li huma inkorlati minħabba li Ġesù stqarr li għex qabel Abraham, ilestu biex iħaġġruh. Imma Ġesù jirnexxilu jitlaq qawwi u sħiħ.