Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

KAPITLU 75

Ġesù jirrivela kif tistaʼ tikseb l-hena

Ġesù jirrivela kif tistaʼ tikseb l-hena

LUQA 11:14-​36

  • IKEĊĊI D-​DEMONJI PERMEZZ TAS-​“SABAʼ T’ALLA”

  • KIF TISTAʼ TIKSEB L-​HENA VERU

Ġesù għadu kemm irripeta l-​istruzzjonijiet tiegħu dwar it-​talb, imma dan mhuwiex l-​uniku suġġett li jqum iktar minn darba matul il-​ministeru tiegħu. Meta kien qed iwettaq il-​mirakli fil-​Galilija, Ġesù ffaċċja l-​akkuża falza li dawn għamilhom permezz tal-​qawwa tal-​ħakkiem tad-​demonji. Issa din l-​akkuża terġaʼ tqum fil-​Lhudija.

Meta Ġesù jkeċċi minn raġel demonju li ma kienx iħallih jitkellem, il-​folol jistagħġbu. Imma dawk li jikkritikawh le. Huma jerġgħu jqajmu l-​istess akkuża falza billi jgħidu: “Hu jkeċċi d-​demonji permezz taʼ Begħelżebub il-​ħakkiem tad-​demonji.” (Luqa 11:15) Oħrajn, li jridu iktar evidenza dwar l-​identità taʼ Ġesù, jistaqsuh għal sinjal mis-​sema.

Ġesù jinduna li qed jipprovaw jittestjawh allura jwiġibhom kif wieġeb lil oħrajn li kkritikawh fil-​Galilija. Hu jgħid li kull saltna maqsuma kontra tagħha nfisha se taqaʼ billi jirraġuna: “Jekk Satana wkoll hu maqsum kontra tiegħu nnifsu, saltnatu kif se tibqaʼ wieqfa?” Imbagħad Ġesù jgħidilhom ċar u tond: “Jekk inkeċċi d-​demonji permezz tas-​sabaʼ t’Alla, is-​saltna t’Alla tassew laħqitkom.”—Luqa 11:18-​20.

Il-​fatt li Ġesù jsemmi “s-​sabaʼ t’Alla” għandu jfakkar lis-​semmiegħa tiegħu f’dak li ġara iktar kmieni fl-​istorja t’Iżrael. Dawk fil-​palazz tal-​Fargħun li raw lil Mosè jwettaq miraklu qalu: “Dan hu s-​sabaʼ t’Alla!” Kien ukoll “is-​sabaʼ t’Alla” li kiteb l-​Għaxar Kmandamenti fuq żewġ twavel tal-​ġebel. (Eżodu 8:19; 31:18) B’mod simili, “is-​sabaʼ t’Alla”—l-​ispirtu qaddis, jew il-​forza attiva tiegħu—hu dak li qed jippermetti lil Ġesù jkeċċi d-​demonji u jfejjaq lill-​morda. Għalhekk, is-​Saltna t’Alla tabilħaqq laħqithom lil dawn l-​opponenti, għax is-​Sultan magħżul tas-​Saltna, Ġesù, qiegħed fosthom iwettaq dawn l-​għemejjel.

L-​abbiltà taʼ Ġesù li jkeċċi d-​demonji hija evidenza tal-​qawwa tiegħu fuq Satana, bħal meta raġel b’saħħtu ħafna jersaq lejn gwardjan armat sa snienu li qed jgħasses xi palazz u jegħlbu. Ġesù jirripeti wkoll it-​tixbiha tiegħu dwar spirtu mhux nadif li joħroġ minn raġel. Jekk ir-​raġel ma jimliex il-​vojt b’affarijiet tajbin, dak l-​ispirtu se jerġaʼ lura b’sebaʼ spirti oħra, u b’hekk ir-​raġel jispiċċa agħar milli kien fil-​bidu. (Mattew 12:22, 25-​29, 43-​45) Dan qed jidher li hu minnu fil-​każ tal-​ġens t’Iżrael.

Mara li qed tismaʼ lil Ġesù titqanqal tgħid: “Hieni l-​ġuf li ġarrek u s-​sider li rdajt!” In-​nisa Lhud ittamaw li jkunu omm xi profeta, partikularment omm il-​Messija. Allura din il-​mara forsi taħseb li Marija tistaʼ tkun hienja b’mod speċjali peress li hi omm għalliem bħal dan. Iżda Ġesù jikkoreġi lill-​mara rigward kif tistaʼ tikseb l-​hena veru: “Le, pjuttost, Henjin dawk li jisimgħu l-​kelma t’Alla u jħarsuha!” (Luqa 11:27, 28) Ġesù qatt ma ssuġġerixxa li Marija għandha tingħata xi unur speċjali. Minflok, il-​ferħ veru għal kwalunkwe raġel jew mara jiġi milli tkun qaddejja leali t’Alla, mhux minħabba xi rabta tal-​familja jew xi bravura.

Bħalma għamel fil-​Galilija, Ġesù jċanfar lin-​nies talli jitolbu sinjal mis-​sema. Hu jgħid li ma se jingħatalhom ebda sinjal ħlief is-​sinjal “taʼ Ġona.” Ġona kien taʼ sinjal kemm permezz tat-​tlett ijiem li għamel fil-​ħuta u kemm permezz tal-​ippritkar qalbieni tiegħu, li qanqal lin-​Ninwin biex jindmu. Ġesù jgħid: “Imma, ara, xi ħadd akbar minn Ġona qiegħed hawn.” (Luqa 11:29-​32) Ġesù hu wkoll akbar minn Salamun, li l-​għerf tiegħu qanqal lis-​Sultana taʼ Xeba biex tmur tisimgħu.

“Wara li jixgħel musbieħ,” iżid jgħid Ġesù, “wieħed ma jpoġġihx f’xi kantina jew taħt xi qoffa, imma fuq il-​gandlier.” (Luqa 11:33) Forsi qed jgħid li meta jgħallem u jagħmel il-​mirakli quddiem dawn in-​nies ikun bħallikieku qed jaħbi d-​dawl taʼ musbieħ. Peress li għajnejhom mhumiex iffokati, huma jitilfu l-​iskop tal-​għemejjel tiegħu.

Ġesù għadu kemm keċċa demonju u ġiegħel lil wieħed raġel li kien mutu jitkellem. Dan imissu jqanqal lin-​nies jigglorifikaw lil Alla u jgħidu lil oħrajn x’qed iwettaq Ġeħova. Allura Ġesù għandu kliem taʼ twissija għal min jikkritikah: “Għalhekk, oqgħod attent, li ma jmurx id-​dawl li hemm ġo fik ikun dlam. Għalhekk, jekk ġismek kollu jiddi u ma jkollu ebda parti mudlama, ikun jiddi kollu kemm hu bħal meta musbieħ jagħtik id-​dawl bir-​raġġi tiegħu.”—Luqa 11:35, 36.