It-triq, il-verità, u l-ħajja
X’aktarx li int tieħu pjaċir meta xi ħadd jagħtik aħbar tajba. U tabilħaqq hemm aħbar tajba għalik u għall-maħbubin tiegħek.
Din l-aħbar tajba tinsab fil-Bibbja, ktieb li l-Ħallieq tal-univers, Alla Ġeħova, ħa ħsieb li jinkiteb bosta snin ilu. F’dan il-ktieb se niffokaw fuq erbaʼ kotba tal-Bibbja li fihom aħbar tajba ferm għalina lkoll. Huma msemmijin għall-irġiel li Alla uża biex jiktbuhom—Mattew, Marku, Luqa, u Ġwanni.
Ħafna jirreferu għal dawn l-erbaʼ rakkonti bħala l-erbaʼ Evanġelji. L-erbgħa li huma jirrakkontaw l-evanġelju, jew l-aħbar tajba, dwar Ġesù—li hu l-mezz taʼ salvazzjoni li pprovda Alla. Bħala s-Sultan tas-Saltna t’Alla fis-smewwiet, Ġesù se jġib barkiet dejjiema għal dawk kollha li jeżerċitaw il-fidi fih.—Marku 10:17, 30; 13:13.
GĦALA HEMM ERBAʼ EVANĠELJI?
Int forsi ġieli ħsibt dwar għala Alla nebbaħ li jinkitbu erbaʼ rakkonti dwar il-ħajja taʼ Ġesù u t-tagħlim tiegħu.
Hemm diversi benefiċċji mill-fatt li għandna dawn ir-rakkonti separati dwar dak li Ġesù qal u għamel. Biex nagħtu eżempju, immaġina li hemm erbat irġiel weqfin ħdejn għalliem famuż. Ir-raġel li qiegħed quddiem l-għalliem jaħdem f’uffiċċju tat-taxxi. Ir-raġel li hemm fuq in-naħa tal-lemin hu tabib. Dak li qed jismaʼ fuq in-naħa tax-xellug hu sajjied u ħabib tal-qalb tal-għalliem. U r-rabaʼ raġel, li qiegħed fuq wara, hu iżgħar mill-oħrajn. Dawn l-erbgħa huma rġiel onesti u jinteressawhom affarijiet differenti. Barra minn hekk, ma jiffokawx kollha fuq l-istess affarijiet. Jekk kull wieħed minnhom jikteb rakkont dwar dak li l-għalliem qal u għamel, l-erbaʼ rakkonti x’aktarx ikun fihom dettalji jew ġrajjiet differenti. Billi nikkunsidraw l-erbaʼ rakkonti, waqt li nżommu f’moħħna l-ħarsa jew l-iskop taʼ kull kittieb, inkunu nistgħu niksbu stampa ċara taʼ dak li l-għalliem qal u għamel. Dan l-eżempju juri kif nistgħu nibbenefikaw mill-fatt li għandna erbaʼ rakkonti separati tal-ħajja tal-Għalliem il-Kbir, Ġesù.
Biex inkomplu bl-eżempju, ir-raġel li jiġbor it-taxxi jrid imiss qalb dawk li għandhom trobbija Lhudija, u allura juża ċertu tagħlim jew ġrajjiet bl-iskop li jgħin lil dan il-grupp partikulari. It-tabib jiffoka fuq il-fejqan tal-morda u tal-immankati, allura jħalli barra ċerti affarijiet li semma r-raġel li jiġbor it-taxxi jew inkella ma jsemmihomx fl-istess ordni. Il-ħabib tal-qalb jenfasizza s-sentimenti u l-kwalitajiet tal-għalliem. Ir-rakkont tar-raġel iżgħar mhuwiex twil daqs l-oħrajn. Minkejja dan, ir-rakkonti kollha huma eżatti. Dan juri tajjeb li l-fatt li għandna erbaʼ rakkonti tal-ħajja taʼ Ġesù jkabbar il-fehma tagħna tal-attivitajiet, it-tagħlim, u l-personalità tiegħu.
Xi nies għandhom mnejn jitkellmu dwar ‘l-Evanġelju taʼ Mattew’ jew ‘l-Evanġelju taʼ Ġwanni.’ Ma jkunux qed jiżbaljaw meta jgħidu hekk, għax kull evanġelju fih “aħbar tajba dwar Ġesù Kristu.” (Marku 1:1) Madankollu, f’sens akbar, hemm biss evanġelju wieħed, jew aħbar tajba waħda, dwar Ġesù—disponibbli għalina f’erbaʼ rakkonti.
Ħafna studenti tal-Kelma t’Alla qabblu maʼ xulxin il-ġrajjiet u l-fatti li nsibu f’Mattew, Marku, Luqa, u Ġwanni u sabu li hemm qbil bejniethom. Madwar is-sena 170 WK, il-kittieb Sirjan Tatian stinka biex jagħmel dan. Hu rrikonoxxa li dawn l-erbaʼ kotba huma eżatti u mnebbħin, u kiteb id-Diatessaron, rakkont wieħed li fih hemm miġbura l-ħajja u l-ministeru taʼ Ġesù.
Dan il-ktieb bit-titlu Ġesù—It-Triq, il-Verità, u l-Ħajja jagħmel xi ħaġa simili imma hu iktar eżatt u dettaljat. Dan hu possibbli għax issa nifhmu aħjar it-twettiq taʼ ħafna mill-profeziji u t-tixbihat taʼ Ġesù. Din il-fehma tiċċara dak li qal u għamel, kif ukoll l-ordni li bihom seħħew l-affarijiet. Barra minn hekk, skoperti arkeoloġiċi tefgħu dawl fuq ċerti dettalji u fuq il-ħarsa tal-kittieba. M’għandniex xi ngħidu, ħadd ma jistaʼ jgħid bl-eżatt b’liema ordni seħħet kull ġrajja. Imma dan il-ktieb jippreżenta dak li hu raġunevoli u li jagħmel sens.
IT-TRIQ, IL-VERITÀ, U L-ĦAJJA
Hekk kif tieħu pjaċir taqra dan il-ktieb, ipprova żomm f’moħħok il-messaġġ prinċipali għalik u għall-maħbubin tiegħek. Ftakar li Ġesù Kristu nnifsu qal lill-appostlu Tumas: “Jien it-triq, il-verità, u l-ħajja. Ħadd ma jiġi għand il-Missier ħlief permezz tiegħi.”—Ġwanni 14:6.
Dan il-ktieb, Ġesù—It-Triq, il-Verità, u l-Ħajja, se jgħinek tapprezza kif Ġesù ċertament hu “t-triq.” Permezz tiegħu biss huwa possibbli li nkellmu lil Alla Ġeħova fit-talb. Barra minn hekk, hu grazzi għal Ġesù li aħna nistgħu nerġgħu nitħabbu m’Alla. (Ġwanni 16:23; Rumani 5:8) Għalhekk, huwa permezz taʼ Ġesù biss li jistaʼ jkollna relazzjoni approvata m’Alla.
Ġesù hu “l-verità.” Hu tkellem u għex fi qbil mal-verità. Ukoll, hu wettaq bosta profeziji, li “saru Iva permezz tiegħu.” (2 Korintin 1:20; Ġwanni 1:14) Dawn il-profeziji jgħinuna nifhmu l-irwol prinċipali tiegħu fit-twettiq tal-iskop t’Alla.—Rivelazzjoni 19:10.
U Ġesù Kristu hu “l-ħajja.” Permezz tal-fidwa, meta offra l-ħajja u d-demm perfett tiegħu, hu għamilha possibbli għalina li niksbu “l-ħajja vera,” jiġifieri, il-“ħajja taʼ dejjem.” (1 Timotju 6:12, 19; Efesin 1:7; 1 Ġwanni 1:7) Anki għal miljuni taʼ nies li mietu se juri li hu “l-ħajja” għax dawn se jiġu mqajmin mill-mewt u ħa jkollhom il-prospett li jgħixu f’Ġenna tal-art għal dejjem.—Ġwanni 5:28, 29.
Ilkoll kemm aħna neħtieġu nifhmu u ngħożżu l-irwol taʼ Ġesù fl-iskop t’Alla. Jalla tieħu gost titgħallem iktar dwar Ġesù—“it-triq, il-verità, u l-ħajja.”