LEZZJONI 42
Ġonatan kien kuraġġuż u leali
Ġonatan, it-tifel il-kbir tas-Sultan Sawl, kien gwerrier kuraġġuż. David kien qal li Ġonatan kien ħafif iktar minn ajkla u b’saħħtu iktar minn iljun. Darba waħda, Ġonatan ra xi suldati Filistin fuq għolja. Hu qal lill-qaddej li kien iġorrlu l-armi: ‘Aħna nattakkawhom biss jekk Ġeħova jagħtina sinjal. Jekk il-Filistin jgħidulna biex nitilgħu, imbagħad inkunu nafu li għandna nattakkawhom.’ Il-Filistin għajtu: ‘Itilgħu ħa niġġieldu!’ Għalhekk, huma telgħu għalihom fuq l-għolja u rebħu lil 20 suldat.
Wara Sawl, suppost Ġonatan kien imiss fil-linja biex ikun sultan. Minkejja Ii Ġonatan kien jaf li Ġeħova kien għażel lil David biex ikun is-sultan li jmiss taʼ Iżrael; hu ma kienx jgħir għalih. Ġonatan u David saru ħbieb tal-qalb. Huma wiegħdu lil xulxin li kienu se
jipproteġu u jaqbżu għal xulxin. Bħala sinjal tal-ħbiberija tiegħu, Ġonatan ta lil David il-libsa, is-sejf, il-qaws, u ċ-ċinturin tiegħu.Meta David kien qed jaħrab minn Sawl, Ġonatan mar għand David u qallu: ‘Agħmel kuraġġ. Ġeħova għażel lilek biex tkun sultan. Anki missieri jafu dan.’ Tixtieq li jkollok ħabib taʼ veru bħal Ġonatan?
Iktar minn darba, Ġonatan issogra ħajtu biex jgħin lill-ħabib tiegħu David. Hu kien jaf li s-Sultan Sawl ried joqtlu, allura qal lil missieru: ‘Ikun dnub għalik jekk toqtol lil David; hu m’għamel xejn ħażin.’ Sawl irrabja ħafna maʼ Ġonatan.
Xi snin wara, Sawl u Ġonatan mietu flimkien fil-gwerra. Wara li Ġonatan miet, David mar ifittex lil Mefiboset, it-tifel taʼ Ġonatan. Meta sabu, David qallu: ‘Minħabba li missierek kien ħabib taʼ veru għalija, jien se nieħu ħsiebek għal ħajtek kollha. Int tgħix u tiekol fil-palazz miegħi.’ David qatt ma nesa lill-ħabib tiegħu Ġonatan.
“Ħobbu lil xulxin bħalma ħabbejtkom jien. Ħadd m’għandu mħabba akbar minn din, li xi ħadd jagħti ruħu [jew, ħajtu] għal ħbiebu.”—Ġwanni 15:12, 13