Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Il-Piramidi tal-Messiku

Il-Piramidi tal-Messiku

Il-​Piramidi tal-​Messiku

MINN KORRISPONDENT TAʼ STENBAĦ! FIL-​MESSIKU

IN-​NIES tal-​lum kważi kollha semgħu bil-​piramidi taʼ l-​Eġittu. Però l-​arkeoloġi sabu ħafna bini li jixbah lill-​piramidi f’postijiet oħrajn, b’mod partikulari fil-​Messiku ġewwa l-​Amerika. Bħall-​bini li jixbahhom fl-​Eġittu, il-​piramidi tal-​Messiku ilhom mibnijin sekli sħaħ u huma miżgħudin bil-​misteri.

Piramida Eġizzjana hija qabar magħluq ġewwa munzell simetriku taʼ ġebel kbir. Fil-​piramida jkun hemm diversi passaġġi li jwasslu sal-​qabar, l-​iktar parti importanti taʼ l-​istruttura. Madankollu, il-​piramida Messikana hija munzell kbir taʼ ħamrija b’tempju mibni fuqnett u b’taraġ fuq barra li jwassal sal-​quċċata. Ħlief għal xi ftit minnhom, il-​piramidi li nstabu fl-​Amerika ma kinux oqbra.

Teotihuacán​—“Il-​Belt taʼ l-​Allat”

Wieħed mill-​iktar postijiet impressjonanti fejn instabu l-​piramidi fil-​Messiku huwa Teotihuacán. Dan il-​post jinstab madwar 50 kilometru ’l bogħod lejn il-​grigal tal-​Belt tal-​Messiku, u għadu misteru għall-​antropoloġi u l-​arkeoloġi. Din il-​metropoli antika ġiet abbandunata min-​nies li bnewha iktar minn 500 sena qabel ma feġġet il-​kultura Azteka. L-​isem Teotihuacán, li ġej mil-​lingwa tan-​Nahuatl, ifisser “Il-​Belt taʼ l-​Allat” jew “Fejn in-​Nies Isiru Allat.” Huwa maħsub li l-​Azteki taw dan l-​isem lill-​belt wara li żaruha.

Wieħed mill-​edituri tar-​rivista National Geographic, George Stuart, jispjega li Teotihuacán kienet l-​ewwel ċentru urban veru fl-​Emisferu tal-​Punent. Din inbniet madwar il-​bidu taʼ l-​era Kristjana, eżistiet għal sebaʼ sekli, u mbagħad intesiet u saret parti mill-​istorja. Fl-​aqwa tas-​suċċess tagħha, madwar is-​sena 500 A.D., huwa stmat li kien fiha popolazzjoni taʼ bejn 125,000 u 200,000 ruħ.

Kważi fiċ-​ċentru tal-​belt tinsab il-​Piramida kbira tax-​Xemx. Din hija kbira madwar 220 b’225 metru fil-​bażi u għandha ħames terrazzi telgħin wieħed fuq ieħor, b’total taʼ madwar 63 metru għoli. Biex wieħed jilħaq il-​quċċata tal-​piramida, irid jitlaʼ iktar minn 240 tarġa. Lejn it-​tramuntana tal-​belt antika hemm il-​Piramida tal-​Qamar, li hija għolja 40 metru sal-​quċċata. Xi darba kien hemm it-​tempji fil-​quċċata taʼ dawn iż-​żewġ piramidi prinċipali.

F’dawn l-​aħħar snin ġew magħrufin ħafna affarijiet dwar dawn il-​piramidi. Madankollu, bħalma jpoġġiha Stuart, “jibqaʼ l-​fatt li bilkemm nafu xi ħaġa dwar l-​oriġini tan-​nies taʼ Teotihuacán, b’liema lingwa kienu jitkellmu, kif kienu organizzati bħala soċjetà, u x’kien li wassalhom għat-​tmiem.”

Postijiet Oħrajn bil-​Piramidi

Eżatt fil-​qalba tal-​Belt tal-​Messiku, wieħed jistaʼ jżur it-​Tempju Prinċipali taʼ l-​Azteki. Għalkemm ma tidher l-​ebda piramida, il-​fdalijiet tal-​bini taʼ piramida li kienet il-​bażi għat-​Tempju Prinċipali għadhom jidhru. L-​arkeoloġi kixfu żewġ artali fejn kienu jsiru s-​sagrifiċċji bin-​nies.

Chichén Itzá huwa post bil-​piramidi fil-​Messiku u wieħed mill-​iktar li jżuruh nies. Fir-​reġjun tal-​Maja hemm ħafna fdalijiet taʼ bini antik, imma dawn il-​piramidi huma l-​iktar li jistgħu jintlaħqu faċilment peress li jinsabu qrib il-​belt taʼ Mérida f’Yucatán. Għalkemm l-​istrutturi nbnew fuq it-​territorju tal-​Maja, dawn juru li xi darba n-​nies Tolteki kellhom ċerta influwenza fuq dawn ir-​reġjuni. Xi bini jagħti indikazzjoni taʼ l-​għerf sofistikat li kellhom il-​bennejja dwar il-​matematika u l-​astronomija.

F’Palenque, il-​viżitaturi jistgħu jaraw bini impressjonanti tal-​Maja mdawwar bil-​ġungla taʼ Chiapas. Fost il-​ħafna bini u piramidi hemm il-​Palazz u t-​Tempju taʼ l-​Iskrizzjonijiet. It-​Tempju taʼ l-​Iskrizzjonijiet “huwa wieħed mill-​iktar tempji magħrufin fil-​Mesoamerika kollha kemm hi għax dan ma kienx sempliċement il-​bażi għal tempju bħall-​bqija, imma monument funebri,” jispjega l-​ktieb The Mayas—3000 Years of Civilization. “Fuq ġewwa hemm taraġ b’saqaf tond bħal ħnejja li jinżel ’l isfel lejn l-​iktar kamra tad-​dfin meraviljuża li qatt instabet fl-​inħawi tal-​Maja.” Il-​qabar kien inbena għal gvernatur li kien jgħix fis-​sebaʼ seklu—Pacal, jew Uoxoc Ahau.

Dawn huma waħdiet biss mill-​piramidi li hemm fil-​Messiku. Fil-​pajjiż kollu, hemm ħafna postijiet fejn jistgħu jinstabu fdalijiet u piramidi. Jeżistu wkoll piramidi kbar fil-​Gwatemala u fil-​Ħonduras. Dawn l-​istrutturi antiki kollha juru li l-​abitanti tal-​Mesoamerika kienu jixtiequ art ogħla fuqiex jibnu l-​postijiet tagħhom għall-​qima. Walter Krickeberg, awtur tal-​ktieb Las Antiguas Culturas Mexicanas, kiteb: “Id-​drawwa li jinbnew tempji fuq bażi mtarrġa tmur lura għall-​qima antika taʼ l-​għoli.” Hu jżid: “Filwaqt li aħna nqisu s-​sema bħala ‘saqaf bil-​ħnejjiet,’ għal nies oħrajn dan kien jirrappreżenta muntanja li permezz tagħha x-​xemx kienet titlaʼ fil-​għodu u tinżel fil-​għaxija; għalhekk, il-​ġnub imżerżqin tagħha huma mtarrġin bħal dawk taʼ bini ġgantesk. Għaldaqstant, il-​‘muntanja artifiċjali’ . . .  ġiet trasformata f’piramida mtarrġa u, skond dak li ġie determinat minn leġġendi u drawwiet, ġiet mibdula f’simbolu taʼ sema fost il-​ħafna nies tal-​Mesoamerika.”

Dan il-​konċett għandu mnejn ifakkar lill-​istudenti tal-​Bibbja dwar ir-​rakkont Bibliku fuq it-​Torri taʼ Babel, misjub f’belt li iktar tard kienet magħrufa bħala Babilonja. Ġenesi 11:4 jgħid hekk dwar il-​bennejja taʼ dan it-​torri: “U reġgħu qalu: ‘Ejjew nibnu belt għalina, u torri, bil-​quċċata tiegħu tilħaq is-​smewwiet, u nagħmlu isem għalina.’” Mhux wisq ’il bogħod mill-​fdalijiet taʼ Babilonja, l-​arkeoloġi sabu strutturi taʼ piramidi magħrufin bħala żiggurati.

Il-forma taʼ qima li oriġinat f’Babilonja nfirxet f’ħafna partijiet tad-​dinja, u x’aktarx li laħqet ir-​reġjun li sar magħruf bħala l-​Messiku. Ma tkunx xi ħaġa kbira jekk iż-​żiggurati taʼ Babilonja kif ukoll ir-​reliġjon li kienet tiġi prattikata hemmhekk, kienu l-​mudelli li fuqhom inbnew il-​piramidi misterjużi u impressjonanti li hemm fil-​Messiku.

[Stampa f’paġna 24]

Teotihuacán

[Sors]

CNCA.-INAH.-MEX Reproducción Autorizada por el Instituto Nacional de Antropología e Historia

[Stampa f’paġna 25]

Palenque