L-Art—Is-“Sisien” Tagħha Tqegħdu b’Kumbinazzjoni?
L-Art—Is-“Sisien” Tagħha Tqegħdu b’Kumbinazzjoni?
SABIEX it-temperaturi ma jkunux estremi, l-art trid iddur f’distanza preċiża mix-xemx. F’sistemi solari oħrajn, ġew notati xi pjaneti li jduru maʼ stilel li jixbhu lix-xemx u huma kunsidrati bħala li qegħdin fiż-‘żona abitabbli’—jiġifieri, kapaċi jżommu fihom ilma likwidu. Imma anki dawn il-pjaneti li jingħad li huma abitabbli xorta jistgħu ma jkunux tajbin biex jgħixu n-nies fuqhom. Dawn iridu jduru bil-veloċità li suppost u anki jkunu kbar kemm suppost.
Kieku l-art kienet ħarira iżgħar u eħfef milli hi, il-forza tal-gravità kienet tkun iktar dgħajfa u ħafna mill-atmosfera prezzjuża taʼ l-art kienet taħrab fl-ispazju. Dan nistgħu narawh fil-każ tal-qamar u ż-żewġ pjaneti Merkurju u Marte. Huma iżgħar u jiżnu inqas mill-art, u b’hekk għandhom ftit atmosfera jew xejn. Imma x’jiġri kieku l-art kienet kemm kemm akbar u itqal milli hi?
Kieku, il-gravità taʼ l-art tkun iktar qawwija, u gassijiet ħfief, bħall-idroġenu u l-ħeljum, idumu iktar biex joħorġu mill-atmosfera. Il-ktieb użat għall-istudju tax-xjenza, Environment of Life, jispjega: “Xi ħaġa iktar importanti hi li l-bilanċ delikat li hemm bejn il-gassijiet taʼ l-atmosfera jiġi mfixkel.”
Jew ikkunsidra l-ossiġnu biss, li huwa bżonnjuż biex in-nar jaqbad. Kieku l-livell tiegħu kellu jiżdied b’1 fil-mija, in-nirien fil-foresti kienu jaqbdu iktar taʼ spiss. Mill-banda l-oħra, kieku l-gass tad-dijossidu karboniku li għandu x’jaqsam maʼ l-effett serra, kellu jkompli jiżdied, konna nbatu l-konsegwenzi minn art li tisħon iżżejjed.
L-Orbita taʼ l-Art
Karatteristika ideali oħra hija l-għamla tad-dawra li tagħmel l-art max-xemx, jew l-orbita. Kieku l-orbita ma kinitx daqshekk f’għamla taʼ ċirku, konna nbatu minn temperaturi estremi li ma konniex nissaportuhom. Minflok, l-art għandha orbita kważi ċirku perfett. M’għandniex xi ngħidu, is-sitwazzjoni kienet tinbidel li kieku xi pjaneta enormi bħal Ġove kellha tgħaddi minn ħdejha. F’dawn l-aħħar snin ix-xjenzati sabu evidenza li xi stilel għandhom pjaneti kbar jixbhu lil Ġove jduru qrib tagħhom. Ħafna minn dawn il-pjaneti li jixbhu lil Ġove għandhom orbita ovali. Kwalunkwe pjaneti li jixbhu lill-art u li jkunu f’sistemi bħal dawn żgur li jinqalgħulhom il-problemi.
L-astronomu Geoffrey Marcy qabbel dawn is-sistemi esterni tal-pjaneti maʼ l-erbaʼ pjaneti Merkurju, Venere, l-Art, u Marte, li huma l-qalba tas-sistema solari tagħna. F’intervista, Marcy qal : “Ara kemm huwa perfett dan [l-arranġament]. Qisu ġawhra. Għandek orbiti ċirkulari. Dawn jinsabu kollha fl-istess livell. Qegħdin iduru fl-istess direzzjoni. . . . Kważi qisu xi misteru.” Jistaʼ dan kollu jiġi spjegat bħala li ġara b’kumbinazzjoni?
Is-sistema solari tagħna għandha karatteristika oħra taʼ l-għaġeb. Il-pjaneti ġganti Ġove, Saturnu, Uranu, u Nettunu jduru max-xemx f’distanza ’l bogħod minna li mhix perikoluża. Dawn il-pjaneti ma jhedduniex, anzi għandhom sehem importanti ferm. L-astronomi xebbhuhom maʼ apparat li jiġbed il-ħmieġ fis-sema għax il-gravità tagħhom tiġbed meteori kbar. Dawn il-meteori kieku jistgħu jkunu taʼ periklu għall-ħajja fuq l-art. Tabilħaqq, is-“sisien” taʼ l-art tqegħdu tajjeb ferm. (Ġob 38:4) Kemm id-daqs u kemm il-pożizzjoni taʼ l-art fis-sistema solari huma preċiż kif għandhom ikunu. Imma mhux hekk biss. L-art għandha karatteristiċi uniċi oħrajn li mingħajrhom il-bnedmin ma jgħixux.
L-Ossiġnu u l-Fotosinteżi
Tlieta u sittin fil-mija tal-piż taʼ l-organiżmi ħajjin fuq l-art huwa magħmul minn atomi taʼ l-ossiġnu. Iktar minn hekk, l-ossiġnu fil-parti taʼ fuq taʼ l-atmosfera jipproteġi lill-pjanti u lill-annimali fuq l-art mir-raġġi ultravjola tax-xemx. Imma l-ossiġnu jirreaġixxi malajr meta jiltaqaʼ maʼ elementi oħra. Per eżempju, l-ossiġnu jirreaġixxi mal-ħadid u jagħmel is-sadid. Mela, l-atmosfera kif iżżomm fiha l-livell taʼ 21 fil-mija minn dan l-element li jirreaġixxi malajr?
It-tweġiba hija l-fotosinteżi. Dan huwa proċess li permezz tiegħu l-ħaxix taʼ l-art juża d-dawl tax-xemx biex ibiddlu f’ikel. Bil-fotosinteżi jsir ukoll l-ossiġnu. Fil-fatt iktar minn elf miljun tunnellata t’ossiġnu joħorġu fl-atmosfera kuljum. The New Encyclopædia Britannica tispjega: “Mingħajr fotosinteżi mhux talli l-provvista taʼ l-ikel bażiku ma tibqax ġejja iktar, talli fl-aħħar mill-aħħar l-Art tispiċċa mingħajr ossiġnu.”
Fil-kotba tax-xjenza ssib paġni sħaħ bl-ispjegazzjoni taʼ kif il-proċess tal-fotosinteżi jaħdem pass pass. Ċerti passi għadhom ma jifhmuhomx għalkollox. L-evoluzzjonisti ma jistgħux jispjegaw kif kull pass evolva minn xi ħaġa iktar sempliċi. Fil-fatt, kull pass jidher komplikat tgħidx kemm u m’hemmx mezz kif tispjegah b’mod iktar sempliċi. “M’hemm l-ebda opinjoni dwar l-oriġini tal-proċess tal-fotosinteżi li hi aċċettata b’mod ġenerali,” tammetti The New Encyclopædia Britannica. Wieħed evoluzzjonista ttratta l-problema ħafif ħafif billi qal li l-fotosinteżi ġiet “ivvintata” minn “ftit ċelluli pijunieri.”
Għalkemm dak li qal ma kienx xjentifiku, kixef xi ħaġa oħra li wkoll hi taʼ l-għaġeb: Il-fotosinteżi għandha bżonn ħitan taʼ ċelluli fejn dan il-proċess ikun jistaʼ jsir mingħajr xkiel, u biex dan il-proċess jibqaʼ għaddej hemm bżonn li ċ-ċelluli jkomplu jirriproduċu. Dan kollu seħħ biss b’kumbinazzjoni fi ftit “ċelluli pijunieri”?
Minn Ċellula li Tirriproduċi Waħedha għall-Bniedem
X’ċans hemm li l-atomi jinġabru flimkien biex jifformaw l-iktar ċellula sempliċi li tkun kapaċi tirriproduċi waħedha? Ix-xjenzat Christian de Duve, rebbieħ tal-Premju Nobel, fil-ktieb tiegħu jammetti li jekk tibbaża t-twelid taʼ ċellula tal-batterja fuq iċ-ċans li hemm li l-atomi li jifformawha jingħaqdu flimkien, lanqas jekk iddum tistenna sa l-eternità ma tipproduċilek waħda.—A Guided Tour of the Living Cell.
Wara li ddiskutejna dan is-suġġett sa dan il-punt, ejja nħallu ċ-ċellula tal-batterja u nikkunsidraw il-biljuni taʼ ċelluli speċjalizzati tan-nervituri li jifformaw moħħ il-bniedem. Ix-xjenzati jiddeskrivu moħħ il-bniedem bħala l-iktar struttura fiżika komplikata li teżisti fl-univers magħruf. Huwa uniku tassew. Per eżempju, sezzjonijiet kbar minn moħħ il-bniedem huma żoni li jassoċjaw ħaġa m’oħra. Dawn iż-żoni janalizzaw u jinterpretaw l-informazzjoni li tiġi mill-parti tal-moħħ li għandha x’taqsam mas-sensi. Waħda miż-żoni li jassoċjaw ħaġa m’oħra tinsab wara ġbinek. Din il-parti tużaha meta toqgħod tirrifletti fuq il-meravilji taʼ l-univers. Jistaʼ jkun li dawn iż-żoni li jassoċjaw ħaġa m’oħra jiġu spjegati bħala li bdew jeżistu b’kumbinazzjoni? L-evoluzzjonista Dr. Sherwin Nuland fil-ktieb tiegħu The Wisdom of the Body jammetti li fl-ebda annimal ieħor ma tistaʼ ssib xi ħaġa li tixbah lil xi partijiet importanti taʼ dawn iż-żoni fil-moħħ.
Ix-xjenzati wrew li l-moħħ uman jipproċessa l-informazzjoni b’rata ħafna iktar mgħaġġla mill-aqwa kompjuter. Trid iżżomm f’moħħok li kien il-bniedem, bl-isforzi kollha li għamel matul bosta snin, li pproduċa t-teknoloġija moderna tal-kompjuter. Allura xi ngħidu dwar moħħ il-bniedem li huwa tant superjuri? Żewġ xjenzati, John Barrow u Frank Tipler, fil-ktieb tagħhom jammettu li l-evoluzzjonisti, b’mod ġenerali, saru jaqblu bejniethom rigward l-evoluzzjoni tal-ħajja intelliġenti. Dawn jaqblu li din l-evoluzzjoni tal-ħajja intelliġenti—ħajja li għandha abbiltà li tipproċessa l-informazzjoni simili għal dik li għandhom il-bnedmin—tant hija impossibbli li ma tantx hemm iċ-ċans li setgħet tiġri fi kwalunkwe pjaneta oħra fl-univers viżibbli kollu. Dawn ix-xjenzati jikkonkludu li l-eżistenza tagħna hija “inċident estremament fortunat.”—The Anthropic Cosmological Principle.
Ġara Dan Kollu b’Kumbinazzjoni?
Għal liema konklużjoni wasalt? Jistaʼ jkun li l-univers bl-għeġubijiet kollha li fih, tassew ġie b’kumbinazzjoni? Ma taqbilx li kull biċċa mużika sabiħa bilfors li kkomponieha xi ħadd u li l-istrumenti jridu jkunu intonati jew irranġati b’mod preċiż biex jinstemgħu tajjeb? Allura xi ngħidu għall-univers taʼ l-għaġeb tagħna? Il-matematiku u astronomu David Block josserva li aħna ngħixu f’univers li ġie rranġat b’mod preċiż. Għal liema konklużjoni wasal? “L-univers tagħna huwa dar. Jien nemmen li ġie disinjat minn id Alla.”
Jekk int ukoll wasalt għal dik il-konklużjoni, mela żgur se taqbel mad-deskrizzjoni li nsibu fil-Bibbja dwar il-Ħallieq, Jehovah: “Għamel l-art bil-ħila tiegħu; issoda d-dinja bl-għerf tiegħu, u bid-dehen tiegħu firex is-smewwiet.”—Ġeremija 51:15.
[Kaxxa/Stampi f’paġna 8, 9]
PJANETA SPEĊJALI
Il-kundizzjonijiet speċjali fuq l-art jeżistu minħabba karatteristiċi ideali. Dawn jinkludu d-daqs tagħha, l-elementi li hija magħmula minnhom, u l-fatt li torbita kważi f’ċirku tond perfett u f’distanza eżatta ’l bogħod mix-xemx, stilla li ilha minn żmien żemżem. Dan kollu għamilha possibbli li jkollna l-ilma fuq wiċċ l-art. Huwa diffiċli wkoll biex nimmaġinaw l-oriġini tal-ħajja mingħajr ilma.—Integrated Principles of Zoology, is-Sitt Edizzjoni.
[Sors]
NASA photo
[Kaxxa/Stampa f’paġna 10]
IL-ĦAJJA—ĠIET DIN B’KUMBINAZZJONI?
Fl-1988, ktieb li pprova jispjega kif il-ħajja setgħet ġiet b’kumbinazzjoni ġie revedut mir-rivista Search, pubblikata mill-Għaqda taʼ l-Awstralja u tan-New Zealand għall-Avvanz tax-Xjenza. F’paġna waħda biss tal-ktieb, il-kittieb tax-xjenza L. A. Bennett sab 16-il stqarrija li ma kienu sodi xejn, u kull waħda minnhom kienet tiddependi minn taʼ qabilha biex titwemmen. X’ikkonkluda Bennett wara li qara l-ktieb kollu? Hu qal li kien ikun iktar faċli li taċċetta l-fatt li kien hemm Ħallieq li jħobb u li ħalaq il-ħajja f’mument wieħed, u pprovda gwida għal kif in-natura kellha taħdem bi skop, milli taċċetta l-biljuni taʼ kumbinazzjonijiet bla bażi li l-awtur kellu bżonn għall-argument tiegħu.
[Stampi]
Il-fotosinteżi hija vitali għall-produzzjoni taʼ l-ikel u għaċ-ċiklu taʼ l-ossiġnu
Kif ġew il-karatteristiċi ideali li għandha l-art, u li tant huma bżonnjużi għall-ħajja?
Ix-xjenzati jiddeskrivu moħħ il-bniedem bħala l-iktar struttura fiżika komplikata li teżisti fl-univers. Kif setaʼ dan żviluppa b’kumbinazzjoni?
[Sorsi]
Ritratt: Zoo de la Casa de Campo, Madrid
Monte Costa, Sea Life Park Hawaii
[Stampi f’paġna 8, 9]
Id-daqs tal-pjaneti muri fil-proporzjon tad-daqs veru tagħhom
Ix-Xemx
Merkurju
Venere
L-Art
Marte
Ġove
Saturnu
Uranu
Nettunu
Pluto
[Sorsi]
Xemx: National Optical Astronomy Observatories; Merkurju, Ġove u Saturnu: Bil-korteżija taʼ NASA/JPL/Caltech/USGS; Venere u Uranu: Bil-korteżija taʼ NASA/JPL/Caltech; L-Art: NASA photo; Marte: NASA/JPL; Nettunu: JPL; Pluto: A. Stern (SwRI), M. Buie (Lowell Obs.), NASA, ESA