Mingħand il-Qarrejja
Mingħand il-Qarrejja
Jieħu Pjaċir bi Stenbaħ! Għalkemm jien membru tal-knisja taʼ l-Assemblea t’Alla, dan ma jżommnix lura milli naqra Stenbaħ! Ma naħsibx li teżisti xi rivista taʼ kwalità daqshekk tajba u b’daqstant varjetà taʼ suġġetti. Jien m’għandix televixin id-dar, imma xorta nistaʼ nitkellem maʼ ħbiebi dwar ġrajjiet kurrenti, għax inkun qrajt dwarhom fir-rivista tagħkom.
A.B.A., Brażil
Leħja Mqaxxra Tajjeb L-artiklu “Leħja Mqaxxra Tajjeb” (8 taʼ Frar, 2000) ħareġ eżatt meta kelli bżonnu. Ir-raġel tiegħi issa għandu bżonn kura kontinwa u ma jistax iqaxxar il-leħja hu. L-erbaʼ suġġerimenti li tajtu dwar kif tqaxxar il-leħja kienu t’għajnuna kbira. Issa jridni nqaxxarlu l-leħja kuljum!
L. D., Ġermanja
Familji bla Missier Il-ħarġa tat-8 taʼ Frar, 2000, kienet tittratta dwar iċ-ċiklu taʼ tfal bla missier. (“Familji bla Missier—Kif Jitwaqqaf iċ-Ċiklu”) Ma nistax nesprimi bil-kliem kemm ħassejtni diżappuntata u rrabjata wara li qrajt dawn l-artikli. Intom approvajtu l-kondotta taʼ missirijiet neqsin miċ-ċirku tal-familja billi semmejtu d-diversi problemi li jiffaċċjaw bħal drittijiet taʼ żjajjar u l-qagħda ekonomika tagħhom. Fejn hi ċ-ċanfira? Fejn hu l-inkuraġġiment lil dawn l-irġiel biex isewwu l-iżbalji li għamlu?
S. L., Stati Uniti
Nistgħu nifhmu kemm jistaʼ jkun taʼ wġigħ għal xi wħud biex jikkunsidraw materjal bħal dan, speċjalment jekk xi darba huma stess kienu ġew abbandunati. Imma l-artiklu ma kienx maħsub biex iservi taʼ ċanfira għall-irġiel. Minflok, aħna pprovajna noħolqu fehma dwar iż-żewġ naħat tal-kwistjonijiet komplikati involuti. Tajna wkoll pariri prattiċi lil uħud li ġew abbandunati. Taʼ interess, fl-artiklu taʼ l-aħħar, “Familji bla Missier—Kif Jitwaqqaf iċ-Ċiklu,” kien hemm sentenza li tgħid: “Ix-xejriet kurrenti tal-familja se jieqfu biss jekk in-nies ikunu lesti li jagħmlu bidliet kbar fil-mod kif jaħsbu, fl-attitudnijiet tagħhom, fl-imġiba tagħhom, u fil-morali tagħhom.”—ED.
Meta rajt il-qoxra taʼ barra bl-istampa taʼ tifla flimkien maʼ missierha, għajnejja mtlew bid-dmugħ. Jien minn dejjem xtaqt li kelli relazzjoni bħal dik maʼ missieri. L-artiklu għenni nipprova nifhem għala l-affarijiet ġraw kif ġraw fil-familja tiegħi. Kien donnu bħal raġġ taʼ dawl li nifed il-passat tiegħi u tani t-tweġiba għall-mistoqsijiet taʼ dwejjaq li kont ili nistaqsihom għal snin sħaħ.
M. M., Stati Uniti
Għanja Memorabbli Grazzi taʼ l-artiklu qasir “Għanja li Ma Nsietha Qatt.” (8 t’Awissu, 2000) Din l-għanja meraviljuża tabilħaqq tfaħħar lil Jehovah u ġġiblek id-dmugħ f’għajnejk. Franz Schubert ma beżax juża l-isem grandjuż taʼ Jehovah.
K. C., Stati Uniti
Għall-informazzjoni tal-qarrejja tagħna, l-għanja “Die Allmacht” (Opera 79, Nru. 2), filwaqt li għandha xejra reliġjuża, ma nkitbitx għall-użu fil-knejjes. Skond kif jintqal, Schubert ikkomponieha wara li kien ġie mqanqal bil-maestà tal-muntanji waqt li kien l-Awstrija.—ED.
Perikli fuq l-Internet L-artiklu “Iż-Żgħażagħ Jistaqsu . . . Kif Nistaʼ Nevita l-Perikli taʼ fuq l-Internet?” (8 taʼ Frar, 2000) ippreżenta bilanċ mill-aqwa bejn l-użu u l-perikli taʼ l-Internet. Peress li jien nuża l-Internet kuljum bħala parti minn xogħli, insib li l-perikli qegħdin hemm il-ħin kollu. Kemm huwa importanti li nevitawhom dawn il-perikli!
J. L., Stati Uniti