Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

X’Jeħtieġu u Xi Jridu t-Trabi

X’Jeħtieġu u Xi Jridu t-Trabi

X’Jeħtieġu u Xi Jridu t-​Trabi

MINN meta titwieled, it-​tarbija għandha bżonn min jieħu ħsiebha b’mod teneru, inkluż min imellisha bil-​mod u jżomm kuntatt fiżiku magħha. Xi tobba jemmnu li l-​ewwel 12-il siegħa wara t-​twelid huma kruċjali. Huma jgħidu li l-​iktar ħaġa li jridu u jeħtieġu l-​omm u t-​tarbija eżatt wara t-​twelid m’hijiex “l-​irqad jew l-​ikel, imma li jmellsu lil xulxin u jitfissdu u jħarsu lejn xulxin u jisimgħu lil xulxin.” *

Istintivament, il-​ġenituri jerfgħu lit-​tarbija tagħhom, iħaddnuha, imellsuha, u jfissduha. Min-​naħa tagħha, it-​tarbija tifforma rabta soda mal-​ġenituri tagħha u twieġeb għall-​attenzjoni tagħhom. Din ir-​rabta tant hi qawwija li l-​ġenituri se jkunu lesti jagħmlu s-​sagrifiċċji biex jieħdu ħsieb it-​tarbija tagħhom bla heda.

Mill-banda l-​oħra, mingħajr ir-​rabta taʼ l-​imħabba tal-​ġenituri, it-​tarbija tistaʼ letteralment tiddgħajjef u tmut. Għalhekk, xi tobba jemmnu li hu importanti li t-​tarbija tingħata lil ommha mill-​ewwel malli titwieled. Huma jissuġġerixxu li minn taʼ l-​inqas l-​ewwel 30 sa 60 minuta t-​tarbija għandha titħalla tqattagħhom f’kuntatt m’ommha.

Minkejja kemm xi wħud jenfasizzaw l-​importanza taʼ din ir-​rabta mill-​qrib, f’ċerti sptarijiet għandu mnejn ikun diffiċli, jekk mhux impossibbli, li jkun hemm kuntatt mill-​ewwel. Spiss, it-​trabi li jkunu għadhom kif twieldu jittieħdu lil hinn mill-​omm sabiex ma jħallux lit-​tarbija tieħu xi infezzjoni. Madankollu, xi evidenza turi li r-​rata taʼ l-​infezzjonijiet fatali fil-​fatt tistaʼ tonqos meta t-​trabi li jkunu għadhom kif twieldu jibqgħu maʼ l-​omm. Għalhekk, ħafna iktar sptarijiet qed jippermettu li jkun hemm kuntatt mill-​ewwel u iktar fit-​tul bejn l-​omm u t-​tarbija.

Inkwetati dwar jekk Ikollhomx Rabta mill-​Qrib

Xi ommijiet ma jħossux rabta emozzjonali mill-​ewwel malli jaraw it-​tarbija tagħhom. Allura għandhom mnejn jaħsbu, ‘Se nsibha diffiċli biex ikolli rabta mill-​qrib?’ Huwa minnu li mhux l-​ommijiet kollha jinġibdu mill-​ewwel lejn it-​tarbija malli jarawha. Però, m’għandhomx għalfejn jinkwetaw.

Anki meta l-​affezzjoni naturali li l-​omm tħoss lejn it-​tarbija ma tiġix mill-​ewwel, din tistaʼ tiżviluppa bis-​sħiħ iktar tard. “L-​ebda ċirkustanza tat-​twelid ma ssaħħaħ jew tkisser ir-​relazzjoni tiegħek mat-​tarbija,” tgħid omm taʼ l-​esperjenza. Xorta waħda, jekk qed tistenna tarbija u tinsab inkwetata, jistaʼ jkun għaqli li tkellem lill-​ostetriku tiegħek minn qabel. Għidlu ċar u tond meta u għal kemm ħin tixtieq tkun f’kuntatt mat-​tarbija.

“Kellimni!”

Donnu jkun hemm ċerti perijodi limitati u ideali meta t-​tfal ikunu iktar sensittivi għal ċerti affarijiet speċifiċi li jqanqlu reazzjoni. Dawn il-​perijodi speċjali jgħaddu wara ftit. Per eżempju, il-​moħħ tat-​tfal jistaʼ jitgħallem lingwa faċilment, anki iktar minn waħda. Imma l-​iktar żmien li fih jitgħallmu l-​lingwa malajr jidher li jibda jispiċċa meta jagħlqu l-​ħames snin.

Meta t-​tfal jaslu fl-​età taʼ bejn it-​12 u l-​14-il sena, jistaʼ jkun verament taʼ sfida għalihom biex jitgħallmu lingwa. Skond in-​newrologu tat-​tfal Peter Huttenlocher, dan ikun meta “d-​densità u l-​għadd taʼ sinapsi fil-​partijiet tal-​moħħ li jikkonċernaw il-​lingwa jibdew jonqsu.” Jidher ċar li l-​ewwel ftit snin tal-​ħajja huma żmien importanti ħafna biex jitgħallmu lingwa!

It-tfal kif jitgħallmu jitkellmu, ħaġa li tant hija importanti għall-​iżvilupp tal-​bqija tal-​proċess mentali tagħhom involut biex jitgħallmu u jifhmu l-​affarijiet? Primarjament bil-​kuntatt bil-​kliem li jkollhom mal-​ġenituri. It-​tfal iwieġbu b’mod speċjali meta bnedmin oħra jagħmlu affarijiet li jqanqlu reazzjoni. “Tarbija . . . timita leħen ommha,” josserva Barry Arons taʼ l-​Istitut tat-​Teknoloġija f’Massachusetts. Però, huwa interessanti l-​fatt li t-​trabi ma jimitawx il-​ħsejjes kollha. Bħalma josserva Arons, it-​tarbija “ma timitax iż-​żaqżiq tal-​benniena li jinstemaʼ fl-​istess ħin meta titkellem ommha.”

Il-ġenituri minn kulturi differenti jkellmu lit-​trabi tagħhom billi jużaw l-​istess stil taʼ ritmu fi kliemhom. Meta l-​ġenituri jkellmuha bl-​imħabba, qalb it-​tarbija tibda tħabbat iżjed. Meta jkellmu lit-​tarbija b’dan il-​mod, ikunu qed jgħinuha tifhem iktar malajr il-​konnessjoni bejn il-​kliem u l-​oġġetti marbutin magħhom. Mingħajr ma tlissen kelma, it-​tarbija tkun qed tgħid: “Kellimni!”

“Ħares Lejja!”

Instab li huwa fatt li bejn wieħed u ieħor matul l-​ewwel sena, it-​tfal jifformaw rabta emozzjonali maʼ l-​adult li jieħu ħsiebhom u li ġeneralment tkun ommhom. Meta tħossha ċerta mir-​rabta mill-​qrib li jkollha, it-​tarbija ssir iktar dħulija minn dawk it-​trabi li ma jkollhomx is-​sigurtà taʼ rabta mill-​qrib mal-​ġenituri. Jingħad li din ir-​rabta maʼ l-​omm trid isseħħ qabel ma t-​tfal ikollhom tliet snin.

X’jistaʼ jiġri jekk tarbija tiġi traskurata waqt dan il-​perijodu kritiku meta moħħha jiġi influwenzat malajr mill-​affarijiet taʼ madwarha? Martha Farrell Erickson li segwiet l-​iżvilupp taʼ 267 omm u t-​tfal tagħhom għal iktar minn 20 sena, taħseb li attitudni traskurata lejn it-​tfal sempliċement bil-​mod u kontinwament ittellifhom l-​entużjażmu sakemm it-​tfal ftit li xejn jibqgħalhom ħeġġa biex jistabbilixxu rapport m’oħrajn jew biex isiru familjari maʼ l-​ambjent taʼ madwarhom.

Biex jipprova jispjega l-​opinjoni tiegħu dwar kemm huma serji l-​konsegwenzi meta t-​tfal jiġu traskurati b’mod emozzjonali, it-​Tabib Bruce Perry taʼ l-​Isptar tat-​Tfal taʼ Texas jgħid: “Kieku ġġagħalni nagħżel bejn li nikser l-​għadam kollu taʼ tarbija taʼ sitt xhur jew li ma nagħtihiex attenzjoni emozzjonali għal xahrejn, ngħidlek li t-​tarbija tbati inqas jekk tiksrilha kull għadma li għandha f’ġisimha.” Għala? Skond Perry, “l-​għadam jistaʼ jfiq, imma jekk tarbija titlef xahrejn taʼ motivazzjoni li hi kruċjali għall-​moħħ, se jkollha moħħ li jibqaʼ diżorganizzat għal għomorha.” Mhux kulħadd jaqbel li din il-​ħsara ma tistax tissewwa. Xorta waħda, studji xjentifiċi jindikaw li ambjent li fih l-​emozzjonijiet jintwerew spiss huwa vitali għall-​moħħ tat-​tarbija.

“Fi kliem ieħor, [it-trabi] huma lesti biex iħobbu u jinħabbu,” jgħid il-​ktieb Infants. Spiss meta t-​tfal jibku jkunu qed jgħidu: “Ħares lejja!” Huwa importanti li l-​ġenituri jwieġbu b’qalb tajba. B’dan il-​kuntatt, it-​tarbija ssir konxja li tistaʼ turi lil oħrajn x’għandha bżonn. Titgħallem tifforma relazzjonijiet soċjali m’oħrajn.

‘Imma Hekk Mhux Se Nħassar lit-​Tarbija?’

‘Jekk inwieġeb għal kull bikja tat-​tarbija tiegħi, mhux se nħassarha?’ għandek mnejn tistaqsi. Jistaʼ jkun. Hawn diversi opinjonijiet varjati fuq din il-​mistoqsija. Peress li kull tarbija hija unika, ġeneralment il-​ġenituri jridu jiddeterminaw liema mod hu l-​iktar effettiv. Madankollu, xi riċerka reċenti tindika li meta t-​tarbija li tkun għadha kif twieldet tkun bil-​ġuħ, skomda, jew imdejqa, is-​sistemi taʼ ġisimha li jwieġbu għall-​istress jitfgħu ormoni taʼ l-​istress. Din tesprimi l-​istress li tħoss billi tibki. Jingħad li meta l-​ġenitur iwieġeb u jieħu ħsieb il-​bżonnijiet tat-​tarbija, l-​adult ikun qed jgħin biex fis-​sistema tal-​moħħ tat-​tarbija jinħolqu ċelluli li jgħinuha titgħallem isserraħ lilha nfisha. Ukoll, skond Dr. Megan Gunnar, tarbija li jkollha min jieħu ħsiebha malajr meta tibki tipproduċi inqas idrokortisone, ormon taʼ l-​istress. U anki meta tiddejjaq, twaqqaf ir-​reazzjoni taʼ l-​istress iktar malajr.

Erickson tgħid: “Fil-​fatt it-​trabi li [l-ġenituri] iwiġbuhom malajr u b’mod konsistenti, speċjalment matul l-​ewwel 6-8 xhur taʼ ħajjithom, verament jibku inqas mit-​trabi li jkunu tħallew jibku.” Huwa importanti wkoll li twieġeb lit-​tarbija b’modi differenti. Jekk dejjem twieġeb bl-​istess mod, bħal per eżempju billi titmagħha jew terfagħha, tistaʼ tabilħaqq tħassarha. Kultant, tistaʼ sempliċement turi li smajtha billi tgħid xi ħaġa. Jew inkella jistaʼ jkun biżżejjed li tersaq lejn it-​tarbija u tkellimha bil-​mod f’widnejha. Mill-​banda l-​oħra, tistaʼ tirnexxi billi tmissilha daharha jew żaqqha b’idek.

“It-​tarbija xogħolha tibki.” Hekk jgħid qawl fl-​Orjent. Għat-​tarbija, il-​biki hu l-​mod ewlieni kif turi xi trid. Kif tħossok kieku kellek tiġi injorat kulmeta titlob xi ħaġa? Mela, allura, kif tħossha t-​tarbija tiegħek, li ma tistaʼ tagħmel xejn jekk xi ħadd ma jiħux ħsiebha, kieku tiġi injorata kulmeta tixxennaq għall-​attenzjoni? Però, min għandu jwieġeb għas-​sejħa tagħha?

Min Jieħu Ħsieb it-​Tarbija?

Ċensiment reċenti fl-​Istati Uniti wera li 54 fil-​mija mit-​tfal minn meta jitwieldu sakemm jagħlqu disaʼ snin, jieħdu ħsiebhom regolarment adulti oħra minbarra l-​ġenituri tagħhom. Ħafna ġenituri jkollhom jaħdmu t-​tnejn biex ilaħħqu mal-​ħajja. U jekk ikun possibbli ħafna ommijiet jieħdu l-​leave li jingħata apposta lin-​nisa tqal biex jieħdu ħsieb it-​tarbija tagħhom għal ftit ġimgħat jew xhur wara t-​twelid. Imma wara dan min se jieħu ħsieb it-​tarbija?

M’għandniex xi ngħidu, m’hemmx regoli stretti li jgħidulek x’għandek tiddeċiedi. Madankollu, huwa tajjeb li niftakru li t-​tfal ikunu għadhom vulnerabbli f’dan il-​perijodu kruċjali taʼ ħajjithom. Kemm l-​omm kif ukoll il-​missier għandhom jikkunsidraw din il-​kwistjoni bis-​serjetà. Meta jiddeċiedu x’għandhom jagħmlu, għandhom jikkunsidraw l-​għażliet tagħhom bir-​reqqa.

“Dejjem qed jidher iktar ċar li anki meta nħallu t-​trobbija taʼ wliedna f’idejn l-​aħjar programmi li jieħdu ħsieb it-​tfal, dawn ma jistgħux jieħdu post il-​ħin li t-​tfal għandhom bżonn mingħand ommhom u missierhom,” jgħid it-​Tabib Joseph Zanga, taʼ l-​Akkademja Amerikana tal-​Pedjatrija. Xi esperti juru t-​tħassib tagħhom għaliex it-​tfal li jittieħdu f’dawn iċ-​ċentri ma jkollhomx kuntatt maʼ min jieħu ħsiebhom daqs kemm għandhom bżonn.

Xi ommijiet li jaħdmu, peress li jafu l-​bżonnijiet vitali taʼ wliedhom, iddeċidew li jibqgħu d-​dar minflok ma jħallu lil ħaddieħor jieħu ħsieb il-​bżonnijiet emozzjonali taċ-​ċkejknin tagħhom. Waħda mara qalet: “Jien ġejt imbierka b’kuntentizza li nemmen bl-​onestà kollha li ebda xogħol ieħor ma jistaʼ jagħtihieli.” M’għandniex xi ngħidu, il-​pressjonijiet ekonomiċi ma jippermettux lill-​ommijiet kollha jagħmlu dawn l-​għażliet. Ħafna ġenituri ma jkollhomx għażla oħra għajr li jużaw il-​faċilitajiet provduti, allura jagħmlu sforz akbar biex jagħtu lil uliedhom l-​attenzjoni u l-​affezzjoni meta jkunu flimkien. Bl-​istess mod, ħafna ġenituri waħedhom li jaħdmu ma tantx għandhom għażla f’dan ir-​rigward u jagħmlu sforzi li jispikkaw biex irabbu lil uliedhom—b’riżultati mill-​aqwa.

Ix-xogħol taʼ ġenitur jistaʼ jkun kollu hena u mimli eċċitament. Xorta waħda, huwa xogħol taʼ sfida u jirrikjedi sforz kbir. Kif tistaʼ tirnexxi?

[Nota taʼ taħt]

^ F’din is-​serje t’artikli, Stenbaħ! jippreżenta l-​opinjonijiet taʼ għadd t’esperti rispettati fil-​kura tat-​tfal, għaliex dawn is-​sejbiet jistgħu jkunu utli u informattivi għall-​ġenituri. Però, nammettu li dawn l-​opinjonijiet spiss jistgħu jinbidlu u ssirilhom reviżjoni kultant żmien, kuntrarju għal-​livelli tal-​Bibbja li Stenbaħ! iżomm magħhom għalkollox.

[Kaxxa/Stampa f’paġna 6]

Trabi Siekta

Xi tobba fil-​Ġappun jgħidu li hemm żjieda fl-​għadd taʼ trabi li la jibku u lanqas jidħqu. Il-​Pedjatra Satoshi Yanagisawa jsejħilhom trabi siekta. It-​trabi għala jieqfu jesprimu l-​emozzjonijiet tagħhom? Xi tobba jemmnu li l-​kundizzjoni tiġi minħabba li t-​trabi jkunu mċaħħda mill-​kuntatt mal-​ġenituri. Il-​kundizzjoni tiġi deskritta bħala li t-​trabi jiġu sforzati jħossuhom bla ħila. Teorija waħda tissuġġerixxi li meta l-​bżonn tal-​komunikazzjoni jiġi injorat il-​ħin kollu jew interpretat ħażin, it-​trabi jispiċċaw biex jaqtgħu qalbhom milli jipprovaw.

Jekk matul il-​perijodu speċjali li fih it-​tarbija tkun iktar sensittiva, din ma jkollhiex affarijiet li jqanqluha tirreaġixxi, il-​parti tal-​moħħ li tagħmilha tagħder għandha mnejn ma tiżviluppax, jissuġġerixxi t-​Tabib Bruce Perry, il-​kap tal-​psikjatrija fl-​Isptar tat-​Tfal f’Texas. F’każijiet meta jkunu ġew traskurati b’mod estrem emozzjonalment, il-​kapaċità tal-​mogħdrija tistaʼ tintilef għal dejjem. It-​Tabib Perry jemmen li f’ċerti każi l-​abbuż tad-​drogi u l-​vjolenza taʼ l-​adolexxenti tistaʼ tkun relatata maʼ dawn l-​esperjenzi iktar kmieni fil-​ħajja.

[Stampa f’paġna 7]

Ir-​rabta mill-​qrib bejn il-​ġenitur u t-​tarbija tissaħħaħ meta jikkomunikaw