Minn Lussu għal Bżonn—L-Istorja tas-Sapun
Minn Lussu għal Bżonn—L-Istorja tas-Sapun
FTIT prodotti huma komuni jew bżonnjużi daqs is-sapun. Mindu nkunu trabi sa ma nixjieħu, dan jagħmel parti mill-ħajja tagħna taʼ kuljum. Meta saret l-ewwel sapuna fi żmien il-qedem din kienet xi ħaġa taʼ lussu imma bil-mod il-mod saret bżonn taʼ kuljum.
Fil-fatt, kimiku tas-seklu 19 iddikjara li lkwantità taʼ sapun li kien juża pajjiż kienet indikazzjoni eżatta taʼ l-għana u ċ-ċivilizzazzjoni tiegħu. Illum jitqies bħala essenzjali għall-iġjene u saħħa tajba. Dan il-prodott importanti kif sar karatteristika tal-ħajja taʼ kuljum?
Żmien il-Qedem
Ftit li xejn teżisti evidenza li s-sapun kien jintuża għall-iġjene persunali qabel l-Era Komuni. Veru, it-traduzzjoni tal-Bibbja taʼ Karm Żammit f’Ġeremija 2:22 tgħid: “Tinħasel bin-nitru, u tuża ħafna sapun.” Madankollu, hemm xi jġagħalna niddubitaw jekk hawnhekk hux qed jirreferi għas-sapun kif nafuh aħna—sew jekk taʼ forma solida, trab, jew xi forma oħra. Traduzzjoni iktar reċenti tal-kliem tal-profeta tgħid: “Titnaddaf b’ħafna lissija,” sustanza tat-tindif li fiha l-alkali u li hi differenti ħafna mis-sapun li nużaw illum.
Normalment, il-Griegi, u iktar tard ir-Rumani, kienu jużaw żjut ifuħu biex inaddfu ġisimhom. Għandhom mnejn li tgħallmu l-arti li jagħmlu s-sapun mingħand iċ-Ċelti. Fil-ktieb tiegħu Natural History, Plinju l-Kbir, kittieb Ruman taʼ l-ewwel seklu, juża l-kelma saipo bil-Galli, li x’aktarx minnha ġejja l-kelma “sapun.”
Fis-sekli taʼ wara, kien hemm ftit referenzi għall-użu tas-sapun, għalkemm matul il-Medju Evu, l-Italja, Spanja, u Franza fil-fatt stabbilew ruħhom bħala ċentri li jipproduċu s-sapun. Madankollu, minkejja l-isforzi li saru biex jipproduċu kwantitajiet kbar, jidher li s-sapun ftit li xejn kien jintuża fl-Ewropa. Fil-fatt, sa l-1672, meta wieħed Ġermaniż bagħat kaxxa sapun Taljan bħala rigal lil persuna aristokratika, hu ra li kien xieraq jibagħtilha wkoll deskrizzjoni dettaljata dwar kif setgħet tuża dan il-prodott misterjuż!
L-Ewwel Produzzjoni tas-Sapun
Waħda mill-ewwel riċetti dettaljati tas-sapun dehret f’ġabra taʼ kitbiet tas-seklu 12 dwar is-sigrieti tan-negozju taʼ l-artiġjani. F’dawn is-snin kollha l-proċess tal-produzzjoni bażikament baqaʼ ma nbidilx. Iż-żjut u x-xaħmijiet minn diversi sorsi kienu jitgħallew flimkien maʼ taħlita t’alkali aċiduża fi proċess li pproduċa sapun mhux irfinut. Din ir-reazzjoni tissejjaħ idrolisi.
Wieħed jistaʼ jifhem li l-kwalità tas-sapun li jiġi prodott kien jiddependi mill-materjali li jkunu ntużaw. L-irmied mill-injam u x-xaħmijiet taʼ l-annimali kienu jintużaw biex jagħmlu s-sapun bażiku. B’dawn l-ingredjenti, l-ewwel nies li kienu jgħixu fil-kolonji fl-Istati Uniti kienu jipproduċu sapun kannella artab qisu ġelatina biex ikunu jistgħu jużawh kuljum. Ix-xaħam imdewweb tal-baqar u n-nagħaġ, imsejjaħ dam, kien l-ingredjent prinċipali għas-sapun u għax-xemaʼ taʼ dak iż-żmien. Għalhekk, in-negozjanti li kienu jissejħu xemmiegħa spiss
kienu jagħmlu u jbigħu ż-żewġ prodotti. Fl-aħħar parti tal-proċess, kienu jżidu ftit melħ mat-taħlita tas-sapun li tkun qiegħda tagħli sabiex jipproduċu sapun iebes, li faċilment setaʼ jinġarr minn post għall-ieħor, u kienu jħalltulu wkoll fwieħa tal-lavanda, tal-gawlterja, jew tal-ħlewwa.Ġeneralment, is-sapun magħmul fin-nofsinhar taʼ l-Ewropa kien isir miż-żejt taż-żebbuġa. Il-manifatturi tas-sapun f’postijiet bi klima iktar kiesħa komplew jużaw ix-xaħam taʼ l-annimali. Xi wħud saħansitra użaw iż-żejt tal-ħut. Għalkemm dan is-sapun kien tajjeb għall-ħasil tal-ħwejjeġ, ma tantx kienu jieħdu gost jinħaslu bih! Iżda, ix-xaħmijiet u ż-żjut huma biss parti mill-istorja tas-sapun.
Minn Xogħol bl-Idejn għal Industrija
Għal ħafna sekli, l-alkali użati biex jagħmlu s-sapun kienu jiġu prodotti mill-irmied taʼ ċerti pjanti, inkluż il-ħaxix tal-baħar. Fi Spanja, il-pjanta tas-sogħda (Genus Salsosa) kienet tinħaraq u tipproduċi rmied alkalin li jissejjaħ barilja. Meta dan kien jitħallat maż-żejt taż-żebbuġa li kien jiġi prodott lokalment, ir-riżultat kien ikun sapuna bajda taʼ l-aqwa kwalità msejħa Kastilja.
Fis-seklu 18 żdiedet id-domanda internazzjonali għall-potassa biex tintuża fil-produzzjoni tas-sapun, tal-ħġieġ, u tal-porvli. * Għall-ħabta taʼ l-1790, Nicolas Leblanc, kirurgu u kimiku Franċiż, żviluppa proċess għall-produzzjoni taʼ l-alkali mill-melħ komuni. Iktar tard, xi kimiċi rnexxielhom jipproduċu idrossidu tas-sodju mis-salmura. Dawn l-iżviluppi fetħu t-triq għall-industrijalizzazzjoni tal-produzzjoni tas-sapun.
Is-Sapun Jikseb Isem Tajjeb
Is-seklu 19 kien żmien taʼ riformi importanti li fihom spikkaw l-isforzi biex jedukaw lin-nies dwar is-saħħa u l-iġjene. Iżda, is-sapun taʼ dak iż-żmien kien għadu fil-maġġuranza tiegħu ċappa kannella mħallta bi fdalijiet t’alkali li jirritaw il-ġilda. Kien għadu jsir bl-idejn, sempliċement mgħolli f’kaldaruni. Kien jasal għand il-pubbliku bħala blokka sapun mingħajr isem li kellha titqattaʼ f’biċċiet minn tal-ħanut u mbagħad dawn kienu jinbiegħu bl-użin.
Ċertu sapun kien jagħmel ir-ragħwa malajr imma minnu kien joħroġ qtar taż-żejt li kien idelliklek idek u wara ċertu żmien kien jinten. Xi manifatturi li raw li d-domanda għas-sapun kienet qed tikber, bdew jinkludu affarijiet oħra bħaċ-ċitronella biex jgħattu r-riħa tinten b’riħa tfuħ taʼ lumi.
Kien wasal iż-żmien għal iktar titjib. Is-sapun magħmul miż-żejt tal-ħxejjex, li kellu iktar karatteristiki pjaċevoli, beda jsir iktar popolari. Ir-rivoluzzjoni fit-trasport għamlitha iktar faċli għall-produtturi tas-sapun biex ikunu jistgħu jiksbu l-aqwa ingredjenti minn għadd taʼ sorsi. Fl-Afrika tal-Punent kienet tikber il-palma taż-żejt. Mill-frott imlaħħam tagħha kienu jieħdu sustanza qisha butir li kellha kulur
jgħajjat u li saret l-ingredjent bażiku fis-sapun u l-kosmetiċi. Il-gżejjer tal-Paċifiku pproduċew il-kopra, il-qalba mnixxfa tal-ġewż taʼ l-Indi, li minnha jittieħed iż-żejt. Minħabba l-ingredjenti eżotiċi miksubin mill-pajjiżi mbiegħda, ir-reputazzjoni tas-sapun bdiet titjieb.Il-manifatturi fehmu li l-indafa hija xewqa naturali. Il-konsumatur kellu jiġi konvint li ma setax jgħaddi mingħajr is-sapun. Dawk li bdew jirreklamaw is-sapun ma damux m’assoċjaw il-prodotti u r-riżultati li kellhom m’affarijiet bħalma huma l-għasel, id-dawl tax-xemx, u l-borra. Oħrajn ipproduċew kopji taʼ xogħlijiet artistiċi famużi fir-reklami u fuq is-sapun tagħhom biex jagħtuhom dehra eleganti u sofistikata. Hekk kif beda s-seklu l-ġdid, id-domanda għas-sapun xterdet mad-dinja kollha. Din tat bidu għal industrija sħiħa taʼ rreklamar. Fl-1894, kliem li jinkuraġġixxi lin-nies jixtru s-sapun saħansitra deher fuq in-naħa taʼ wara tal-bolli fi New Zealand. Is-sapun issa kellu reputazzjoni tajba.
Produzzjoni Moderna
L-ewwel industriji li pproduċew is-sapun kienu jgħallu l-ingredjenti f’kaldaruni kbar ħafna miftuħin. Bniedem tas-sengħa kien jikkontrolla l-proċess bil-paletti. Mill-mod kif is-sapun kien jiżżerżaq minn fuq il-paletta taʼ l-idejn, li tkun ġiet imsaħħna, hu setaʼ jiddetermina jekk l-ingredjenti jew il-proċess kellux bżonn xi aġġustamenti.
Illum il-produzzjoni tas-sapun tinvolvi tliet passi ġenerali. L-ewwel pass hu l-idrolisi, li jinvolvi r-reazzjoni taʼ diversi żjut jew xaħmijiet maʼ l-alkali sabiex jiġi prodott sapun mhux imħallat u gliċerina f’taħlita li fiha madwar 30 fil-mija ilma. Xi drabi, dan il-pass għadu jsir permezz tal-proċess tat-togħlija fil-kaldarun, imma l-biċċa l-kbira minn dawk li jipproduċu s-sapun illum jużaw sistemi kompjuterizzati taʼ idrolisi. It-tieni pass hu t-tnixxif bis-sħana, bil-ġbid taʼ l-arja, u bl-isprej sabiex is-sapun mhux imħallat jagħtuh forma żgħira fit-tond li jkun fiha biss madwar 12 fil-mija ilma. Imbagħad hemm it-tielet u l-aħħar pass. Dan jinvolvi li lil dan is-sapun iħalltulu xi fwieħa, kulur, u ingredjenti oħra li jagħmlu s-sapun differenti u jfuħ. Is-sapun jiġi pressat u mmarkat billi jiddaħħal fi pressa tas-sapun ħalli jieħu l-forma karatteristika tiegħu. Il-konsumaturi issa jixtiequ li s-sapun li jużaw id-dar ikollu iktar fwejjaħ tal-frott jew tal-pjanti, u dan iservi biex iġagħalhom iħossuhom iktar “naturali” u mimlijin enerġija meta jinħaslu bih!
Għalkemm saru avanzi kbar biex jiġi mifhum aħjar il-mod kif inhuma magħmulin id-deterġenti, li l-produzzjoni tagħhom ħadet spinta, is-sapun tradizzjonali baqaʼ popolari. Ftit huma dawk li jiċħdu li s-sapun huwa bżonnjuż għall-iġjene u saħħa tajba. Iżda tidher xi ħaġa stramba li, fi żmien meta d-dinja hija mimlija bil-ħmieġ morali u spiritwali, l-indafa fiżika issa hija possibbli iktar minn qatt qabel. Iżda, l-indafa li tidher minn barra hija imprezzabbli meta tirrifletti s-safa tal-persuna minn ġewwa.
[Nota taʼ taħt]
^ Il-potassa hija dak li jibqaʼ wara li taħlita alkalina jew lissija tkun ġiet mgħollija sakemm ikun nixef l-ilma kollu. Il-potassa li tkompli tissajjar sakemm jinħarqu l-impuritajiet tipproduċi trab abjad fin li jissejjaħ karbonat tal-potassju.
[Stampa f’paġna 24]
Il-produzzjoni tas-sapun fl-Amerika taʼ Fuq
[Stampa f’paġna 25]
Bubbles, minn Sir John E. Millais, intużat bħala reklam tas-sapun
[Stampa f’paġna 25]
Il-produzzjoni tas-sapun tradizzjonali permezz tal-proċess tat-togħlija fil-kaldarun
[Sorsi taʼ l-Istampa f’paġna 25]
Fuq: Victoria & Albert Museum, London/Art Resource, NY; taħt: © Jeff Greenberg/Index Stock Imagery