Tikxef l-Astroloġija l-Futur Tiegħek?
Il-Ħarsa tal-Bibbja
Tikxef l-Astroloġija l-Futur Tiegħek?
KIF tistaʼ ttejjeb ħajtek u jkollok suċċess fit-tfittxija għall-imħabba u l-flus? Ħafna nies iduru lejn l-astroloġija għat-tweġiba. Kuljum miljuni taʼ nies jaqraw l-oroskopju fil-gazzetti bit-tama li jtejbu l-prospetti tagħhom. Intqal ukoll li anki ċerti mexxejja dinjin iħallu l-oroskopju jiggwida d-deċiżjonijiet tagħhom.
Hija l-astroloġija taʼ min joqgħod fuqha? L-astroloġi kif jagħmlu t-tbassir tagħhom? Għandhom il-Kristjani jħallu l-kwiekeb u l-pjaneti jiddeterminaw kif jgħixu?
X’Inhi l-Astroloġija?
Skond The World Book Encyclopedia, l-astroloġija “hija bbażata fuq it-twemmin li l-kwiekeb u l-pjaneti jifformaw disinji li jistgħu jikxfu l-karattru jew il-futur taʼ individwu.” L-astroloġi jistqarru li l-pożizzjonijiet eżatti tal-pjaneti u s-sinjali taż-żodjaku fil-ħin tat-twelid taʼ persuna jistgħu jinfluwenzawlu ħajtu. * Il-pożizzjoni taʼ dawn il-kwiekeb u l-pjaneti f’ħin speċifiku tissejjaħ l-oroskopju.
It-twemmin fl-astroloġija ilu jeżisti sekli sħaħ. Xi erbat elef sena ilu, il-Babiloniżi bdew ibassru l-futur skond il-pożizzjoni tax-xemx, il-qamar, u l-ħames pjaneti li l-iktar jidhru. Huma stqarrew li dawn il-kwiekeb u l-pjaneti jipproduċu ċerti forzi li jeffettwaw l-imġiba tal-bniedem. Iktar tard inkludew is-sinjali taż-żodjaku fit-tbassir tagħhom.
Storja Twila taʼ Falliment
Il-Bibbja tenfasizza l-konnessjoni bejn Babilonja u l-astroloġija, u diversi drabi tagħmel referenza għall-astroloġi Babiloniżi. (Danjel 4:7; 5:7, 11) Fi żmien il-profeta Danjel, l-astroloġija tant kienet mifruxa fil-Kaldija (Babilonja) li meta ntuża t-terminu “Kaldin” kien prattikament qed jirreferi għall-astroloġi.
Danjel esperjenza mhux biss l-influwenza taʼ l-astroloġija fuq Babilonja imma wkoll il-falliment taʼ l-astroloġi biex ibassru l-waqgħa tal-belt. (Danjel 2:27) Innota x’bassar il-profeta Isaija b’eżattezza żewġ sekli qabel. “Ħa jqumu l-astroloġi, u dawk li jħabbru bil-kwiekeb, u dawk li bil-qamar igħidu x’sa jiġri, u jsalvawk minn dak li ġej għalik!” kiteb Isaija bi stmerrija. “Ma jeħilsux lilhom infushom.”—Isaija 47:13, 14, KŻ.
Milli jidher, l-astroloġi Babiloniżi ma setgħux ibassru l-waqgħa tal-belt saħansitra minn ftit sigħat qabel. U meta l-ħaqq t’Alla stess deher fuq il-ħajt fil-palazz tas-Sultan Beltassar, l-astroloġi ma setgħux jinterpretaw il-kitba misterjuża.—Danjel 5:7, 8.
Illum l-astroloġi wrew li għadhom ineffettivi f’li jbassru ġrajjiet sinifikanti. Wara li eżaminaw iktar minn 3,000 tbassir astroloġiku speċifiku, l-investigaturi xjentifiċi R. Culver u Philip Ianna waslu għall-konklużjoni li 10 fil-mija biss kienu twettqu. Analista informat sew jistaʼ jbassar ġrajjiet b’iktar eżattezza.
F’Konflitt mat-Tagħlim Bibliku
Madankollu, il-profeti Ebrej ma ċaħdux l-astroloġija sempliċement għaliex ma kellhiex suċċess f’li tbassar il-futur b’eżattezza. Il-Liġi li Alla ta lil Mosè wissiet b’mod speċifiku lill-Iżraelin kontra li jfittxu t-tbassir. “Ma għandu jkun hemm ħadd f’nofsok . . . min jeħber, min jitkixxef il-ġejjieni,” qalet il-Liġi. “Mistkerrah quddiem il-Mulej kull min jagħmel dawn il-ħwejjeġ.”—Dewteronomju 18:10, 12.
Għalkemm l-astroloġija mhix imsemmija bl-isem f’din l-iskrittura, żgur li l-projbizzjoni kienet tinkludi din il-prattika. L-Encyclopædia Britannica tinnota li l-astroloġija hija “tip taʼ tbassir li jikkonsisti f’li jbassru ġrajjiet dwar l-art u l-bnedmin billi josservaw u jinterpretaw il-kwiekeb fissi, ix-Xemx, il-Qamar, u lpjaneti.” Il-forom kollha tat-tbassir—kemm jekk huma bbażati fuq il-kwiekeb jew oġġetti oħra—imorru kontra l-gwida t’Alla. Għala? Hemm raġuni tajba.
Minflok ma nattribwixxu s-suċċess jew il-falliment tagħna lill-kwiekeb, il-Bibbja tgħid biċ-ċar li “dak li bniedem jiżraʼ, dak ukoll jaħsad.” (Galatin 6:7) Alla jżomm lil kull wieħed u waħda minna responsabbli għall-azzjonijiet tagħna, ladarba aħna aġenti morali ħelsin. (Dewteronomju 30:19, 20; Rumani 14:12) Huwa minnu li forsi nsofru aċċident jew marda minħabba ġrajjiet li ma nistgħux nikkontrollaw. Imma dawn il-kalamitajiet, tispjega l-Iskrittura, iseħħu minħabba li “f’kollox jidħol iż-żmien u ċ-ċirkustanzi,” mhux minħabba l-oroskopju tagħna.—Koħèlet 9:11.
Rigward ir-relazzjonijiet bejn il-bnedmin, il-Bibbja tħeġġiġna biex nilbsu kwalitajiet bħall-mogħdrija, il-qalb tajba, l-umiltà, il-ħlewwa, is-sabar fit-tul, u l-imħabba. (Kolossin 3:12-14) Dawn il-kwalitajiet huma ċ-ċavetta għal ħbiberiji li jibqgħu u żwiġijiet b’saħħithom. “Attrazzjoni astroloġika” mhix gwida taʼ min joqgħod fuqha biex tagħżel sieħeb jew sieħba. Il-psikologu Bernard Silverman analizza l-oroskopji tat-twelid taʼ xi 3,500 koppja, li 17 fil-mija kienu ddivorzjaw. Ma sabx rata taʼ divorzju inqas fost dawk li kienu żżewġu lil xi ħadd li kien ‘kompatibbli b’mod astroloġiku.’
B’mod ċar, l-astroloġija m’hijiex taʼ min joqgħod fuqha u tiżvijak. Tistaʼ ġġagħalna nwaħħlu fil-kwiekeb u mhux fina nfusna meta nagħmlu l-iżbalji. Fuq kollox, hija kundannata b’mod ċar fil-Kelma t’Alla.
[Nota taʼ taħt]
^ Is-sinjali taż-żodjaku huma t-12-il kostellazzjoni differenti fis-smewwiet li jużaw l-astroloġi.