Ġenituri Leali li Jikkooperaw
Ġenituri Leali li Jikkooperaw
◼ Fir-reġjun tal-pjanuri għoljin tal-Afrika t’Isfel, it-temperatura hi qrib iż-żero ċentigradi. Mill-uffiċċju sħun tiegħi fit-tielet sular qed inħares bil-ħerqa lejn siġra mneżżgħa mill-weraq hekk kif tixxejjer lura u ’l quddiem fir-riħ xitwi li qed ivenven. ’L isfel fis-siġra bejn żewġ fergħat, gamiema tal-ilwien a qed iżżomm lil żewġt ifrieħ taʼ tlett ijiem sħan.
Qabel ma biedet l-ewwel bajd, il-gamiema u s-sieħeb tagħha kkooperaw flimkien biex jibnu l-bejta—ir-raġel ġab iz-zkuk u l-mara qegħdithom f’posthom. Għamlu biċċa xogħol eċċellenti għax l-irwiefen qliel tax-xitwa ma rnexxilhomx iċaqalqu l-bejta minn postha, u din hi t-tieni darba li l-gamiema biedet il-bajd fiha. Il-gamiema qagħdet fuq il-bajd bil-lejl u r-raġel bi nhar. Wara xi ġimagħtejn, il-bajd faqqas. Qabel jgħaddu ġimagħtejn oħra, il-frieħ se jilħqu jikbru u wkoll ikollhom biżżejjed saħħa biex itiru.
Ismaʼ! Qed tismagħhom kemm huma ħelwin igorru, qishom qed jidħqu bil-mod? Il-gamiema tal-ilwien, bil-ħawsla mimlija ikel għall-frieħ imġewħin tagħha, ħabbret il-wasla tagħha fuq fergħa fil-viċin u tinsab lesta biex tieħu post is-sieħeb tagħha. Anki wara li l-frieħ ikunu telqu mill-bejta, kemm il-missier u kemm l-omm jibqgħu jżoqquhom sakemm ikunu kapaċi jfendu għal rashom.
Spiss niskanta kemm dawn l-għasafar, li l-istint tagħhom dejjem jgħaddi minn ġenerazzjoni għal oħra, jikkooperaw flimkien u jieħdu ħsieb iż-żgħar tagħhom. Dawn il-fatti jfakkruni fil-kliem taʼ Salm 86:8: “M’hemm ħadd bħalek . . . , O Ġeħova, lanqas m’hemm għemejjel bħal tiegħek.”
Fil-Kelma miktuba tiegħu, il-Bibbja Mqaddsa, Alla Ġeħova pprovda gwida għall-ġenituri umani li tistaʼ toqgħod fuqha daqskemm tistaʼ toqgħod fuq l-istint li ta lill-gamiem. Pereżempju, il-Bibbja tħeġġeġ lill-ommijiet biex “iħobbu lil uliedhom.” (Titu 2:4) Lill-missirijiet tgħidilhom: “Iddejqux lil uliedkom, imma ibqgħu rabbuhom fid-dixxiplina u l-gwida mentali taʼ Ġeħova.” (Efesin 6:4; 1 Timotju 5:8) Ċertament li ġenituri li jagħmlu dan huma tassew prezzjużi f’għajnejn Alla.
[Nota taʼ taħt]
a Bl-Ingliż laughing dove, imsemmija hekk minħabba li meta tgorr tkun qisha qed tidħaq.