Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ħu Passi Biex Ittejjeb Saħħtek

Ħu Passi Biex Ittejjeb Saħħtek

TIFTAKRU lil Ram, li ssemma fl-​ewwel artiklu taʼ din is-​serje? Bħal ħafna oħrajn madwar id-​dinja, Ram ma kienx konxju taʼ kemm hu importanti għas-​saħħa li tiekol ikel sustanzjuż u li tagħmel attivitajiet oħrajn taʼ kuljum. Hu jirrakkonta u jgħid: “L-​artiku taʼ Stenbaħ! bit-​titlu ‘Ikel Sustanzjuż li Tistaʼ Tiksbu Faċilment’ (8 taʼ Mejju, 2002) għenni nifhem għala għandna nkunu konxji tal-​ikel li nieklu.”

Ram jispjega billi jgħid: “Bħala familja pprovajna napplikaw dak li tgħallimna minn dan l-​artiklu. Wara ftit, indunajna li s-​sistema tal-​immunità tagħna kienet issaħħet. Qabel ma bdejna noqogħdu attenti x’nieklu, konna nieħdu riħ wara l-​ieħor, imma issa rari jaqbadna riħ. Tgħallimna wkoll modi ekonomiċi u faċli kif niksbu ilma tajjeb għax-​xorb, grazzi għall-​artiklu taʼ Stenbaħ! bl-​Ingliż bit-​titlu ‘Six Ways to Safeguard Your Health.’”—22 taʼ Settembru, 2003.

“Artiklu ieħor taʼ Stenbaħ! għenni ntejjeb is-​saħħa tal-​familja tiegħi. Dan l-​artiklu fil-​ħarġa tat-​8 taʼ Diċembru, 2003, kien intitolat ‘“Tilqima li Tagħti Lilek Innifsek” bis-​Sapun.’ Malli qrajna dan l-​artiklu pprovajna s-​suġġerimenti li jagħti. Issa m’għadniex inbatu minn infezzjonijiet f’għajnejna bħalma konna qabel.”

“In-​nies t’hawnhekk mhumiex konċernati dwar l-​invażjoni kbira taʼ dubbien u nemus. Iżda mill-​vidjo The Bible—Its Power in Your Life (Il-​Bibbja—Il-​Qawwa Tagħha f’Ħajtek), a il-​familja tagħna tgħallmet li għandna nżommu ’l bogħod minn insetti bħal dawn. Ukoll, dan l-​għarfien għenna biex nibqgħu f’saħħitna.”

Taqtax qalbek! Ikunu xi jkunu l-​aġġustamenti li jeħtieġ tagħmel, għandek mnejn tirnexxi iktar jekk tibda bil-​mod il-​mod milli jekk tagħmel miri għalik innifsek li ma tkunx tistaʼ tilħaqhom. Pereżempju, ipprova naqqas l-​ikel li mhuwiex daqshekk nutrittiv, minflok ma taqtgħu għalkollox. Ipprova mur orqod ftit iktar kmieni u agħmel ftit iktar eżerċizzju. Jekk tagħmel ħaġa waħda jkun aħjar milli ma tagħmel xejn. Normalment jieħu ż-​żmien qabel ma drawwa ġdida u tajba ssir parti mir-​rutina—saħansitra ġimgħat jew xhur. Sadanittant, jekk ma tarax benefiċċji immedjati mill-​isforzi miżjuda li tkun qed tagħmel, taqtax qalbek. Jekk tibqaʼ tippersisti, minkejja l-​ostakli, x’aktarx li saħħtek titjieb.

F’din id-​dinja imperfetta, hija xi ħaġa impossibbli li jkollok saħħa perfetta. Għandu mnejn li l-​mard li jaħkmek ma jkunx riżultat taʼ negliġenza min-​naħa tiegħek, iżda kundizzjoni li tkun uritt. Għalhekk, tħallix tħassib dwar is-​saħħa jew dwar xi ħaġa oħra jġiegħlek tkun ansjuż u stressat għalxejn. Ġesù staqsa: “Min minnkom billi jkun ansjuż jistaʼ jtawwal għomru mqar bi ftit?” (Luqa 12:25) Minflok, sempliċement ipprova evita affarijiet li bla bżonn itemmulek ħajtek qabel iż-​żmien u jagħmlu ħsara lil ġismek. Jekk tagħmel dan, int tistaʼ tgawdi ħajja bl-​aqwa saħħa possibbli sakemm jiġi dak il-​jum fid-​dinja l-​ġdida t’Alla meta “ħadd minn min jgħammar hemmhekk ma jgħid: ‘Jien marid.’”—Isaija 33:24.

[Nota taʼ taħt]

a Ippubblikat mix-​Xhieda taʼ Ġeħova.