Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ferħan li Nkun Ragħaj

Ferħan li Nkun Ragħaj

Kif Rakkontata Minn Alymbek Bekmanov

Meta kelli tliet snin bdejt nirgħa n-​nagħaġ, u sirt inħobb nieħu ħsiebhom. Sakemm kelli 17-​il sena kont ragħaj tas-​sengħa. Maż-​żmien, tgħallimt dwar tip ieħor taʼ ragħaj, wieħed spiritwali. Ħa nispjega għala ksibt saħansitra iktar ferħ f’li naqdi bħala ragħaj taʼ dan it-​tip.

TWILIDT fl-​1972. Il-​familja kbira Kirgiża tiegħi għexet fir-​raħal taʼ Chyrpykty, max-​xtut tal-​Lag Issyk Kul, post mill-​isbaħ. L-​inħawi madwar il-​lag huma postijiet popolari mat-​turisti li jżuru Kirgiżstan, li qabel kien repubblika tal-​Unjoni Sovjetika. Issa ngħix maʼ marti, Gulmira, f’Bishkek, il-​belt kapitali taʼ Kirgiżstan, li hi xi 200 kilometru ’l bogħod minn fejn trabbejt.

Ir-​Ragħaj u n-​Nagħaġ

Meta kont tifel, konna nieħdu n-​nagħaġ fil-​mergħat tal-​muntanji għoljin fir-​rebbiegħa. Dan kien ifisser telgħa taʼ iktar minn 3,000 metru, vjaġġ li kien jiħdilna diversi ġranet. Xi rgħajja oħra għażlu li jgħaddu minn triq iqsar u waslu fil-​mergħat iktar malajr. Imma t-​triq li għaddew minnha kienet ħdejn widien dojoq u rdumijiet, u n-​nagħaġ li tbiegħdu xi ftit kultant kienu jweġġgħu—jew saħansitra jmutu.

F’toroq bħal dawn, kien komuni li l-​ilpup ibeżżgħu jew jattakkaw lin-​nagħaġ billi jifirduhom mill-​bqija tal-​merħla u joqtluhom. Għalhekk zijuwi għażel triq li kienet eħfef u inqas perikoluża, għalkemm dan kien ifisser li konna ndumu jum jew jumejn iktar. Kultant kont irrid ngħaġġel, imma zijuwi kien iwaqqafni. Kien jgħidli, “Alymbek, aħseb dwar in-​nagħaġ, mhux dwarek innifsek.”

Fil-​mergħat għoljin fil-​muntanji mill-​isbaħ kienu jintgħamlu mgħalaq temporanji biex jipproteġu n-​nagħaġ matul il-​lejl. Xi rgħajja kienu jħobbu jibqgħu reqdin u ma jiħdux in-​nagħaġ biex jirgħu sa ħafna wara tlugħ ix-​xemx. Sakemm in-​nagħaġ kienu jibdew jirgħu, diġà kienet tkun is-​sħana.

In-​nagħaġ malajr kienu jinġabru flimkien b’rashom baxxuta u jbatu biex jieħdu n-​nifs. Peress li ma setgħux jieklu kemm kellhom bżonn minħabba s-​sħana u l-​għeja, huma saru dgħajfin u rqaq. Min-​naħa l-​oħra, zijuwi kien iqum qabel iż-​żerniq—fl-​erbgħa taʼ filgħodu—u kien ikollu n-​nagħaġ taħt il-​ħarsien tiegħu f’mergħa tajba sa tlugħ ix-​xemx. Hemmhekk, kellhom iċ-​ċans jirgħu fl-​arja rifreskanti taʼ filgħodu kmieni. Kif ġieli qalu n-​nies, “Ħares lejn in-​nagħaġ u tara x’ragħaj għandhom.”

Ħin tajjeb biex wieħed jiċċekkja u jikkura n-​nagħaġ ikun meta dawn ikunu qed jistrieħu wara li jirgħu. Waħda mill-​akbar problemi fin-​nagħaġ tagħna kellha x’taqsam maʼ dubbien li jbid fiż-​żokra tan-​nagħaġ. Meta jiġri dan, iż-​żokra tiffjamma u tintefaħ. Jekk dak li jkun ma jindunax bil-​problema malajr, l-​uġigħ jistaʼ jikber sal-​punt li n-​nagħġa titbiegħed mill-​merħla u tmut. Aħna konna niċċekkjaw in-​nagħaġ tagħna kważi kuljum ħalli nkunu nistgħu nikkurawhom. Għalkemm dan kien jieħu l-​ħin u x-​xogħol, il-​premju tagħna kien li n-​nagħaġ kienu f’saħħithom u kuntenti.

Kull filgħaxija meta konna mmorru lura l-​magħlaq mill-​mergħa, konna ngħoddu n-​nagħaġ. Huma kienu jidħlu fil-​maqjel minn daħla dejqa—kultant minn tlieta sa erbgħa f’daqqa. Il-​merħla tagħna kienet tgħodd mal-​mijiet, imma tant sirna tas-​sengħa f’din il-​proċedura li stajna ngħoddu sa 800 nagħġa fi 15 jew 20 minuta. Dan irrikjeda ħafna prattika, imma rnexxielna!

Jekk konna nsibu li kien hemm xi nagħġa nieqsa, zijuwi kien jaqbad l-​ixkubetta u l-​għasluġ u jmur ifittex għan-​nagħġa mitlufa—saħansitra kien joħroġ meta tkun ix-​xita jew id-​dlam biex isib ħarufa waħda. Kien isejħilha b’leħen għoli. Leħnu kien ibeżżaʼ l-​annimali salvaġġi. Meta nagħġa kienet tismaʼ dak il-​leħen, kont tistaʼ tara li ħassitha fis-​sigurtà.

Aħna tajna isem lil kull nagħġa skont id-​differenzi fid-​dehra jew fil-​karattru tagħhom. F’merħla donnu dejjem kien ikun hemm nagħaġ rashom iebsa. Għal xi raġuni jew oħra sempliċement ma kinux iridu jobdu r-​ragħaj. Xi kultant, nagħaġ oħra kienu jitħajru jsegwu n-​nagħġa diżubbidjenti. Allura, ir-​ragħaj kien jipprova jħarreġ u jiddixxiplina lin-​nagħaġ stinati. Pereżempju, kien iħalli nagħġa bħal dawn fil-​maqjel waħedha. Maż-​żmien, xi wħud minnhom aċċettaw il-​korrezzjoni u segwew id-​direzzjoni tar-​ragħaj. In-​nagħaġ li kienu jibqgħu rashom iebsa kienu jispiċċaw fuq il-​mejda tal-​ikel tagħna.

Tip Differenti taʼ Ragħaj

Fl-​1989, studjajt l-​arti marzjali u sirt tassew tas-​sengħa fiha. Is-​sena taʼ wara nqbadt bil-​lieva biex naqdi fl-​armata Sovjetika. Waqt li kont qed naqdi fir-​Russja, sħabi tal-​arti marzjali organizzaw ruħhom fi klikka kriminali. Meta mort lura d-​dar f’Kirgiżstan qaluli li jekk ningħaqad magħhom kien ikolli dak kollu li rrid. Imma fl-​istess żmien iltqajt max-​Xhieda taʼ Ġeħova.

Ix-​Xhieda wieġbu mistoqsijiet li kienu ilhom jitturmentawni minn ċkuniti, bħal pereżempju, Għala jmutu n-​nies? Permezz tad-​diskussjonijiet tagħna sirt nifhem li l-​mewt hi r-​riżultat tad-​dnub tal-​ewwel bniedem, Adam. (Rumani 5:12) Ukoll tgħallimt mill-​Bibbja li Ġeħova, l-​Alla l-​veru, kien bagħat lil Ibnu Ġesù bħala l-​Feddej tagħna u li billi npoġġu l-​fidi tagħna f’Ġeħova u f’Ibnu jistaʼ jkollna d-​dnub li writna maħfur. Dan imbagħad kien se jagħtina l-​prospett li ngħixu għal dejjem f’Ġenna fuq l-​art, fi qbil mal-​iskop oriġinali t’Alla għall-​umanità.—Salm 37:11, 29; 83:18; Ġwanni 3:16, 36; 17:1-​5; Rivelazzjoni 21:3, 4.

It-​tweġibiet Skritturali li tawni x-​Xhieda għall-​mistoqsijiet tiegħi kienu tant ċari u li jistgħu jinftiehmu li tqanqalt nesklama, “Hekk għandu jkun!” Ma ridtx nissieħeb iktar maʼ dawk li qabel kienu sħabi. Diversi drabi pprovaw iħajruni mmur lura fil-​grupp tagħhom. Imma x-​xewqa tiegħi li nitgħallem u nipprattika l-​veritajiet Bibliċi kienet b’saħħitha biżżejjed biex għenitni nirreżisti l-​offerti li jħajru tagħhom u wasslitni biex insir ragħaj spiritwali.

Madwar l-​istess żmien, faith healer li kienet famuża fl-​inħawi tagħna kienet tiġi żżur lil ommi. Ġurnata minnhom, meta wasalt id-​dar, din il-​mara kkuntattjat lill-​ispirti. Hi qalet li kelli don speċjali u ħeġġitni mmur sal-​moskea u ningħata amulet, waqt li sostniet li l-​amulet kienet se tgħinni. Hi kważi kkonvinċietni li billi nagħmel dan kont se nirċievi l-​għotja tal-​fejqan.

L-​għada mort għand ix-​Xhieda li kont nistudja l-​Bibbja magħhom u għedtilhom biż-​żjara tagħha. Huma wrewni mill-​Bibbja li Ġeħova jopponi kull xorta taʼ spiritiżmu għax għandu x’jaqsam mal-​ispirti mill-​agħar. (Dewteronomju 18:9-​13) Għal xi ftit iljieli ma stajtx norqod minħabba l-​influwenza tad-​demonji. Meta x-​Xhieda għallmuni kif nitlob fi qbil mar-​rieda taʼ Ġeħova, malajr ħlist mill-​ħolm tal-​biżaʼ. Sirt konvint li kont sibt ir-​Ragħaj il-​veru, Ġeħova.

Tgħallimt li David, kittieb taʼ ħafna mis-​salmi tal-​Bibbja, kien ragħaj f’żgħożitu. Hu sejjaħ lil Ġeħova “r-​Ragħaj tiegħi,” u dak li qal dwaru sar għażiż għalija. (Salm 23:1-​6) Jien ridt nimita lil Bin Ġeħova, Ġesù, li jissejjaħ “ir-​ragħaj . . . tan-​nagħaġ.” (Ebrej 13:20) F’assemblea li nżammet f’Bishkek kmieni fl-​1993, issimbolizzajt id-​dedikazzjoni tiegħi lil Ġeħova permezz tal-​magħmudija fl-​ilma.

Laqgħa Importanti

Għadd kbir minn qrabati, kif ukoll xi ġirien, bdew jiltaqgħu għal studju tal-​Bibbja. Madwar 70 mir-​raħal tagħna ltaqgħu flimkien ħdejn il-​Lag Issyk Kul. Qarib tiegħi, li kien il-​kap tal-​kunsill tar-​raħal, kien veru interessat. Hu qal li kien se jirranġa għal-​laqgħa kbira li fiha stajna nispjegaw it-​twemmin ġdid tagħna. Imma mexxejja reliġjużi tal-​lokal bdew ixewxu lin-​nies fl-​inħawi biex jopponu l-​attività tal-​ippritkar tagħna. Huma kkonfoffaw biex jużaw din il-​laqgħa biex idawru lin-​nies kontrina.

Fil-​ġurnata tal-​laqgħa, inġemgħu madwar elf persuna, inkluż xi nies minn tliet irħula fil-​viċin. Kien hemm xi Xhieda preżenti, u wieħed minnhom beda jispjega t-​twemmin tagħna bbażat fuq il-​Bibbja. Wara inqas minn ħames minuti, xi ħadd qam bilwieqfa u għajjat mistoqsijiet li jinbex bihom. Saru ħafna akkużi u theddid, u l-​għagħa tal-​folla tant kienet kbira li wasslet lin-​nies biex jixxennqu għall-​vjolenza.

Dak il-​ħin, wieħed minn ħuti l-​kbar, li ma kienx ilu jistudja l-​Bibbja, qam biex jaqbeż għalina. Kulħadd kien jibżaʼ minnu u jevitah għax kien jaf jiġġieled. Bi qlubija qagħad bejn l-​attakkanti u x-​Xhieda, u tlaqna mingħajr ma saret ebda vjolenza. Matul is-​snin taʼ wara, ħafna minn dawk li kienu attendew dik il-​laqgħa saru Xhieda. Illum, iktar minn 50 persuna mir-​raħal tagħna b’1,000 ruħ saru Xhieda taʼ Ġeħova.

Bint Ragħaj

Ftit xhur qabel il-​konvenzjoni tax-​Xhieda taʼ Ġeħova f’Moska, ir-​Russja, f’Lulju 1993, iltqajt maʼ Gulmira, Xhud minn raħal Kirgiż. Il-​familja tagħha wkoll kienu rgħajja. Fl-​1988, meta l-​attivitajiet tax-​Xhieda kienu għadhom projbiti fl-​Unjoni Sovjetika, omm Gulmira kienet bdiet tistudja l-​Bibbja maʼ Xhud jisimha Aksamy. Fis-​snin 70, Aksamy saret l-​ewwel Xhud taʼ Ġeħova minn Kirgiżstan fl-​inħawi.

Gulmira ma damitx ma ngħaqdet m’ommha f’li tistudja l-​Bibbja m’Aksamy. Fl-​1990, it-​tnejn li huma saru Xhieda mgħammdin. Qalb Gulmira malajr qanqlitha tieħu sehem fil-​ministeru full-​time bħala pijuniera.

Rajt lil Gulmira biss darba kultant matul is-​sentejn taʼ wara peress li kont noqgħod xi 160 kilometru ’l bogħod. F’Marzu 1995, iddeċidejt li nsir nafha aħjar, għalhekk darba filgħodu mort għandha b’dan il-​ħsieb f’moħħi. Inħsadt xħin sirt naf li kienet se titlaq l-​għada biex taqdi fl-​uffiċċju tal-​fergħa tar-​Russja, iktar minn 5,600 kilometru ’l bogħod.

Sa dak iż-​żmien kont bdejt naqdi bħala ministru full-​time u kont bdejt nitgħallem ir-​Russu, ladarba kien għad ma kellniex letteratura bil-​Kirgiż. Għal tliet snin jien u Gulmira ktibna lil xulxin u rranġajna biex naqraw l-​istess siltiet tal-​Bibbja ħalli nkunu nistgħu naqsmu ħsibijiet spiritwali flimkien. Sadattant, qdejt fl-​ewwel kongregazzjoni bil-​Kirgiż, fil-​belt taʼ Balikchi.

Naqdi lil Ġeħova maʼ Gulmira

Fl-​1998, Gulmira ġiet vaganza Kirgiżstan u żżewwiġna. Ġejt mistieden naqdi magħha fl-​uffiċċju tal-​fergħa tar-​Russja. Kemm kont ferħan li kont bdejt nistudja r-​Russu! Maż-​żmien, ġejt inkarigat naħdem fit-​tim taʼ traduzzjoni tal-​Kirgiż, li pprovda letteratura Biblika bil-​Kirgiż. Tlabt lil Ġeħova jagħtini l-​għerf u l-​paċenzja. U m’għandniex xi ngħidu, Gulmira, li kienet il-​kollega tiegħi, kienet t’għajnuna kbira għalija.

Fl-​2004, it-​tim tat-​traduzzjoni tagħna ntbagħat lura Bishkek, fejn ġejt inkarigat naqdi fil-​kumitat li jindokra x-​xogħol tax-​Xhieda taʼ Ġeħova f’Kirgiżstan. Sa dak iż-​żmien kien hemm sebaʼ kongregazzjonijiet tal-​Kirgiż u iktar minn 30 kongregazzjoni tar-​Russu fil-​pajjiż. Issa hemm iktar minn 20 kongregazzjoni tal-​Kirgiż u ħafna gruppi tal-​Kirgiż, li jagħmlu madwar 40 fil-​mija mill-​4,800 Xhud fil-​Kirgiżstan.

Jien u Gulmira ddeċidejna li nitgħallmu l-​Ingliż, għax li nkunu nafuh kien se jgħinna fil-​ministeru tagħna. Dan wassal biex irċivejna invit għall-​kwartieri ġenerali tax-​Xhieda taʼ Ġeħova fl-​Istati Uniti fl-​2008. Hemmhekk attendejt l-​iskola speċjali għal dawk li qed jieħdu t-​tmexxija fix-​xogħol tal-​ippritkar f’pajjiżhom.

Jien u Gulmira issa nħossuna iktar kapaċi ngħinu lin-​nies f’Kirgiżstan biex isiru jafu lil Alla. L-​esperjenzi tagħna għenuna naraw b’għajnejna stess li Ġeħova tassew hu ragħaj kollu mħabba. Personalment ħassejt it-​twettiq tas-​salm Bibliku li jgħid: “Ġeħova r-​Ragħaj tiegħi. Ma se jonqosni xejn. F’mergħat iħaddru jmiddni; ħdejn postijiet taʼ mistrieħ imsoqqijin tajjeb jiħodni. Lil ruħi jserraħha. Imexxini fil-​mogħdijiet tas-​sewwa minħabba ismu.”—Salm 23:1-​3.

[Stampa f’paġna 31]

In-​nagħaġ tagħna jirgħu

[Stampa f’paġna 31]

Konna ngħoddu n-​nagħaġ kull filgħaxija biex inkunu ċerti li l-​ebda waħda ma tkun intilfet

[Stampa f’paġna 32]

Maʼ Gulmira llum