Ir-4 Suġġeriment—Ipproteġi Saħħtek
“Min hu prudenti jara l-gwaj u jinħeba.” (Proverbji 22:3) Jekk tieħu passi sempliċi li jkunu taʼ protezzjoni tistaʼ tiġi megħjun tevita ħafna mard u miżerja, kif ukoll telf taʼ ħin u ħela taʼ flus.
◯ Żomm ruħek nadif. Iċ-Ċentri fl-Istati Uniti għall-Kontroll u l-Prevenzjoni tal-Mard jgħidu: “Il-ħasil tal-idejn hu l-iktar ħaġa importanti li tistaʼ tagħmel sabiex tgħin fil-prevenzjoni tat-tixrid taʼ infezzjonijiet u biex tibqaʼ f’saħħtek.” Jintqal li saħansitra 80 fil-mija tal-infezzjonijiet jittieħdu minn idejn maħmuġin. Għalhekk, aħsel idejk taʼ spiss matul il-ġurnata. Agħmel dan speċjalment qabel ma tiekol, meta tipprepara l-ikel, u meta tinfaxxa jew saħansitra tmiss xi ferita. Aħsilhom ukoll wara li tmiss xi annimal, wara li tmur it-tojlit, jew wara li tbiddel il-ħarqa taʼ tarbija.
Il-ħasil tal-idejn bis-sapun u l-ilma hu iktar effettiv mill-użu taʼ xi prodotti li jkun fihom l-alkoħol u li jintużaw biex jiddiżinfettaw l-idejn. Tfal li jkunu mħarrġin mill-ġenituri biex jaħslu jdejhom u biex ma jdaħħlux idejhom f’ħalqhom jew imissu għajnejhom, ikunu tfal iktar f’saħħithom. Ukoll, jekk tinħasel kuljum u żżomm ħwejġek u friexek nodfa se tgħin biex ikollok saħħa aħjar.
◯ Evita mard li jittieħed. Evita kuntatt fiżiku mill-qrib maʼ xi ħadd li jkollu riħ jew influwenza u tużax l-istess pożati li jkun qed juża hu. Il-marda tistaʼ tittieħed mill-bżieq tagħhom, kif ukoll mil-likwidu tal-imnieħer. Mard li jittieħed mid-demm, bħal pereżempju, l-epatite B u Ċ, u l-HIV/AIDS, hu mard li jittieħed b’mod speċjali minn kuntatt sesswali, minn drogi li jittieħdu permezz tas-siringi, u minn trasfużjonijiet tad-demm. It-tilqim jistaʼ jgħin fil-prevenzjoni taʼ xi infezzjonijiet, iżda xorta waħda jkun għaqli li wieħed jieħu l-prekawzjonijiet neċessarji meta jkun maʼ xi ħadd li jkollu marda li tittieħed. Evita l-gdim tal-insetti. Jekk tkun bilqiegħda jew rieqed barra, ipproteġi ruħek min-nemus jew minn xi insetti oħrajn li jkunu fi żmienhom u li jġorru l-infezzjonijiet. Uża xi tip taʼ tull bħala għata fuq is-sodda, speċjalment tat-tfal, u uża prodotti li jbiegħdu l-insetti. a
◯ Żomm darek nadifa. Agħmel kwalunkwe sforz meħtieġ sabiex iżżomm darek fl-ordni u nadifa, kemm minn ġewwa u kemm minn barra. Ara li ma jkollok imkien fejn jistaʼ jinġabar l-ilma u fejn jistaʼ jbejjet in-nemus. L-imbarazz, il-ħmieġ, u l-ikel u l-iskart li ma jkunux mgħottijin jattiraw lill-insetti u lil xi annimali oħrajn bħalma huma l-ġrieden, il-wirdien, eċċ. Dawn kollha jistgħu jġorru l-mikrobi u jikkaġunaw il-mard. Jekk tkun xi mkien fejn m’hemmx tojlit, ħaffer toqba mal-art u għattiha sew sabiex ma jiġix dubbien għax dan iġib infezzjonijiet fl-għajnejn u mard ieħor.
◯ Evita li tagħmel ħsara lilek innifsek. Obdi l-liġijiet tas-sigurtà meta tkun għaddej b’xogħlok u meta ssuq xi rota, mutur, jew karozza. Kun ċert li l-vettura tiegħek ma jkun fiha ebda periklu biex issuqha. Uża apparat u ħwejjeġ protettivi li jkunu adattati bħal, pereżempju, nuċċali tas-sigurtà, helmet, żarbun protettiv, kif ukoll ċinturin tas-sigurtà, u xi tip taʼ protezzjoni għall-widnejn. Evita li ddum ħin twil fix-xemx għax dan jikkaġuna l-kanċer u l-ġilda tibda titkemmex qabel iż-żmien. Jekk tpejjep, ieqaf. Jekk tieqaf issa se tnaqqas, b’mod sinifikanti, ir-riskju taʼ mard tal-qalb, kanċer tal-pulmun, u puplesija. b
[Noti taʼ taħt]
a Ara s-serje t’artikli “When Insects Spread Disease,” fil-ħarġa taʼ Stenbaħ! bl-Ingliż tat-22 taʼ Mejju, 2003.
b Ara s-serje t’artikli “How to Quit Smoking,” fil-ħarġa taʼ Stenbaħ! bl-Ingliż taʼ Mejju, 2010.