INTERVISTA | HANS KRISTIAN KOTLAR
Bijoteknologu jispjega t-twemmin tiegħu
Fl-1978, l-ewwel impjieg li kellu Dr. Hans Kristian Kotlar fir-riċerka xjentifika kien fin-Norwegian Radium Hospital, fejn studja l-kanċer u s-sistema tal-immunità tal-bniedem. Dak iż-żmien, interessa ruħu wkoll fl-oriġini tal-ħajja. Stenbaħ! staqsieh dwar ir-riċerka u t-twemmin reliġjuż tiegħu.
X’qajjimlek l-interess fl-oriġini u l-iskop tal-ħajja?
Missieri kien Kattoliku u ommi kienet Protestanta. Minkejja dan, ma qisuhiex importanti r-reliġjon. Imma jien, matul żgħożiti ħsibt dwar it-tifsir tal-ħajja u qrajt ħafna kotba dwar il-Buddiżmu, il-Ħinduiżmu, u l-Iżlam. Saħansitra tlabt lil Alla jurini l-verità.
Sas-snin 70, il-qasam tal-bijoloġija molekulari għamel żviluppi ġmielhom, u ħsibt dwar jekk forsi jistax jirrivela kif bdiet il-ħajja. Il-mekkaniżmi fiċ-ċelluli ħajjin affaxxinawni, u għalhekk għażilt li nistudja l-bijoteknoloġija. Barra minn hekk, ħafna mill-għalliema tiegħi qalu li l-ħajja evolviet bi proċessi naturali, u jien emminthom.
Għala ħadt interess fil-Bibbja?
Kienu ġew għandna tnejn mix-Xhieda taʼ Ġeħova. Għalkemm kienu dħulin, ħadthom bil-herra u għedtilhom li ma kontx interessat. Marti semgħetni. “Ma kontx qalbek tajba, Hans Kristian,” qaltli. “Int dejjem kont interessat fl-iskop tal-ħajja.” Kellha raġun, u ddispjaċieni. Għalhekk, ġrejt biex nilħaq lil dawk ix-Xhieda. Matul il-konversazzjoni tagħna, għedtilhom li ridt inkun naf jekk il-Bibbja taqbilx max-xjenza.
Kif wiġbuk għal dan?
Urewni x’tgħid il-Bibbja dwar is-Sors tal-enerġija li tidher fl-univers. L-iskrittura li qrawli tgħid: “Erfgħu għajnejkom fl-għoli u araw. Min ħalaqhom dawn l-affarijiet? . . . Minħabba l-abbundanza t’enerġija attiva, billi għandu wkoll qawwa enerġetika, lanqas waħda minnhom m’hi nieqsa.” * Din l-istqarrija affaxxinatni. Kien jidher raġunevoli wkoll li Sors intelliġenti t’enerġija biss setaʼ jkun responsabbli għall-ordni li hemm fl-univers.
Inbidlet il-ħarsa tiegħek tal-evoluzzjoni?
Gradwalment irrealizzajt li d-diversi teoriji tal-evoluzzjoni ma kellhomx provi xjentifiċi konkreti. Infatti, bażikament dawn huma stejjer ivvintati biex jispjegaw kif id-disinji rimarkevoli li jinsabu f’affarijiet ħajjin, bħal pereżempju s-sistema tal-immunità, setgħu oriġinaw bi proċess bla ħsieb. Iktar ma studjajt is-sistema tal-immunità, iktar irrealizzajt kemm hi kumplessa u effettiva. B’hekk, ir-riċerka tiegħi wasslitni biex nikkonkludi li l-ħajja hija prodott taʼ Ħallieq intelliġenti.
Ir-riċerka tiegħi wasslitni biex nikkonkludi li l-ħajja hija prodott taʼ Ħallieq intelliġenti
Tistaʼ tagħtina xi evidenza taʼ disinn?
Is-sistema tal-immunità hi fil-fatt ġabra taʼ strutturi u mekkaniżmi tal-għaġeb iddisinjati biex jiddefenduna minn varjetà kbira t’affarijiet, inkluż il-mikrobi u l-virus. Dawn il-mekkaniżmi, min-naħa tagħhom, jistgħu jinġabru f’żewġ gruppi taʼ sistemi li jikkumplimentaw lil xulxin. L-ewwel waħda, f’temp taʼ sigħat tattakka mikrobi li jkunu daħlu fil-ġisem. It-tieni waħda tieħu diversi ġranet biex tirreaġixxi imma tattakka l-invażuri bħal vleġġa mmirata sew. It-tieni sistema għandha wkoll memorja tajba, biex jekk invażur speċifiku jerġaʼ jiġi snin wara, dan l-għadu se jintlaqaʼ b’respons veloċi. Is-sistema kollha tant taħdem tajjeb li spiss lanqas biss tirrealizza li għadek kif ġejt infettat u effettivament protett. Impressjonanti wkoll hu l-mod kif is-sistema tal-immunità tagħraf id-differenza bejn sustanzi barranin u l-mijiet taʼ tipi taʼ ċelluli li ġisimna hu magħmul minnhom.
Għidilna naqra, x’jiġri meta mikrobu jidħol f’ġisimna?
Il-mikrobi jidħlu inkiss inkiss mal-ikel, minn imnifsejna, mill-ġenitali, jew minn xi qatgħa fil-ġilda. Meta s-sistema tal-immunità tinduna bihom, tagħti bidu għal serje konsekuttiva taʼ reazzjonijiet li jinvolvu bosta proteini li huma ddisinjati biex jagħmlu xogħol partikulari. Kull parti minn din is-serje tattiva lil taʼ warajha biex iżżid il-kontrattakk. Dan il-proċess jgħaġġbek.
Nistgħu ngħidu, allura, li l-għarfien tiegħek tax-xjenza saħħaħlek il-fidi tiegħek f’Alla?
Dażgur! Il-qawwa u s-sofistikazzjoni tas-sistema tal-immunità tagħna jagħtu evidenza taʼ Ħallieq t’għerf u taʼ mħabba. Nistaʼ nżid li x-xjenza saħħitli wkoll il-fidi tiegħi fil-Bibbja. Pereżempju, Proverbji 17:22 jgħidilna li “qalb ferriħija tajba biex tfejjaq.” Xi riċerkaturi skoprew li l-istat mentali tagħna jistaʼ jinfluwenza s-sistema tal-immunità tagħna. L-istress, pereżempju, jistaʼ jdgħajjef ir-reazzjoni tas-sistema tal-immunità.
Ħafna min-nies li taf ma jemmnux f’Alla. Għala?
Ir-raġunijiet ivarjaw. Uħud sempliċement jaċċettaw dak li ġew mgħallmin, bħalma kont nagħmel jien. Forsi jassumu li hemm provi xjentifiċi għat-teorija tal-evoluzzjoni. Oħrajn ma tantx jaħsbu dwar kif bdiet il-ħajja. X’ħasra! Naħseb li għandhom jistaqsu iktar mistoqsijiet.
Għala sirt Xhud taʼ Ġeħova?
Inġbidt mill-ospitalità tagħhom u l-fidi tagħhom fil-wegħda tal-Ħallieq għal futur aħjar. * U dik il-fidi hi bbażata fuq riċerka u raġunar sod, mhux ħrejjef jew spekulazzjoni. *