Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

It-tfittxija għas-sħaħar fl-Ewropa

It-tfittxija għas-sħaħar fl-Ewropa

FTIT sekli ilu fl-​Ewropa, il-​biżaʼ mis-​seħer wassal għat-​tfittxija u l-​esekuzzjoni tas-​sħaħar. Dan ġara l-​iktar fi Franza, fil-​Ġermanja, fit-​Tramuntana tal-​Italja, fl-​Isvizzera, u fil-​Pajjiżi l-​Baxxi—il-​Belġju, il-​Lussemburgu, u l-​Olanda. “Għaxriet t’eluf taʼ nies fl-​Ewropa u fil-​kolonji Ewropej mietu,” u “miljuni oħra ġew ittorturati, arrestati, interrogati, mibgħudin, mixlijin, jew imbeżżgħin,” jgħid il-​ktieb Witch Hunts in the Western World. * Kif bdew dawn is-​suspetti? Min xewwixhom?

L-​inkwiżizzjoni u l-​ktieb Il-​Martell tas-​Sħaħar

L-​Inkwiżizzjoni tilgħab parti importanti f’din l-​istorja. Din inħolqot mill-​Knisja Kattolika Rumana fis-​seklu 13 “biex tikkonverti lill-​apostati u tipprevieni lil ħaddieħor milli jitlef il-​fidi,” jispjega l-​ktieb Der Hexenwahn (Il-​Manija tas-​Sħaħar). L-​Inkwiżizzjoni kienet bħal forza tal-​pulizija għall-​knisja.

Fil-​5 taʼ Diċembru 1484, Papa Innoċenti VIII ħareġ editt, jew dokument papali, li kkundanna s-​seħer. Hu awtorizza wkoll żewġ inkwiżituri—Jakob Sprenger u Heinrich Kramer (magħruf ukoll b’ismu bil-​Latin, Henricus Institoris)—biex iwaqqfu s-​seħer. Iż-​żewġt irġiel kitbu ktieb jismu Malleus Maleficarum jiġifieri, Il-​Martell tas-​Sħaħar (The Hammer of Witches). Kemm il-​Kattoliċi kif ukoll il-​Protestanti aċċettawh bħala l-​awtorità dwar is-​seħer. Il-​ktieb kien fih stejjer dwar sħaħar ivvintati u bbażati fuq il-​folklor, ippreżenta raġunar teoloġiku u legali kontra s-​seħer, u pprovda linji gwida dwar kif is-​sħaħar jiġu identifikati u eliminati. Il-​Martell tas-​Sħaħar ġie deskritt bħala “l-​iktar ktieb brutali u . . . taʼ dannu fil-​letteratura kollha tad-​dinja.”

Il-​Martell tas-​Sħaħar ġie deskritt bħala “l-​iktar ktieb brutali u . . . taʼ dannu fil-​letteratura kollha tad-​dinja”

Akkużi taʼ seħer ma kellhom bżonn ebda evidenza taʼ ħtija. Il-​ktieb Hexen und Hexenprozesse (Sħaħar u Ġurijiet taʼ Sħaħar) jgħid li individwu kien jgħaddi ġuri “bl-​uniku skop li l-​kundannat jammetti, permezz tal-​persważjoni, tal-​pressjoni, jew bil-​forza.” It-​tortura kienet komuni.

Bi tweġiba għall-​ktieb Il-​Martell tas-​Sħaħar u l-​editt maħruġ mill-​Papa Innoċenti VIII, bdew tfittxijiet kbar għas-​sħaħar fl-​Ewropa. Iżjed minn hekk, ingħataw palata minn teknoloġija ġdida, l-​istamperija, li għenet biex tinxtered il-​manija, saħansitra qasmet l-​Atlantiku għall-​Amerika.

Min kienu l-​akkużati?

’Il fuq sew minn 70 fil-​mija tal-​akkużati kienu nisa, speċjalment ir-​romol, li spiss ma kellhom lil ħadd min jiddefendihom. Il-​vittmi inkludew ukoll lill-​foqra, lix-​xjuħ, u lin-​nisa li kienu jagħmlu r-​rimedji bil-​ħxejjex—speċjalment jekk dawn ma kinux ifejqu. Ħadd ma kien tassew fis-​sigurtà—sew jekk kien sinjur jew fqir, raġel jew mara, komuni jew prominenti.

Nies maħsubin li kienu sħaħar kienu jingħataw tort għal kull xorta taʼ ħażen. Jintqal li huma “kkaġunaw il-​ġlata u ġabu pesti taʼ bebbux u xgħat biex jeqirdu ż-​żerriegħa u l-​frott tal-​art,” tgħid ir-​rivista Ġermaniża Damals. Jekk xita bis-​silġ qerdet l-​uċuħ tar-​rabaʼ, jekk baqra ma kellhiex ħalib, jekk raġel kien impotenti jew mara kienet ħawlija, żgur li t-​tort kien tas-​sħaħar!

Is-​suspettati kienu jintiżnu għax kien maħsub li s-​sħaħar kienu jiżnu ftit jew xejn affattu

Kif kienu jintgħarfu s-​sħaħar? Uħud mis-​suspettati kienu jintrabtu u jitpoġġew f’ilma “mbierek” kiesaħ. Jekk kienu jinżlu fil-​qiegħ kienu jitqiesu innoċenti u jinħarġu. Jekk kienu jifflowtjaw, kienu jitqiesu bħala sħaħar u jiġu maqtulin minnufih jew kienu jingħataw biex jgħaddu ġuri. Suspettati oħrajn kienu jintiżnu għax kien maħsub li s-​sħaħar kienu jiżnu ftit jew xejn affattu.

Prova oħra kienet tinvolvi tfittxija għall-​“marka tax-​Xitan,” li kienet “sinjal viżibbli li ħalla x-​Xitan meta għamel il-​patt tiegħu mas-​saħħara,” jgħid Witch Hunts in the Western World. Xi uffiċjali kienu jfittxu għall-​marka “billi jqaxxru x-​xagħar kollu tal-​akkużat u jiflu kull rokna tal-​ġisem”—fil-​pubbliku! Imbagħad kienu jdaħħlu labra f’kull marka li kienu jsibu, bħal pereżempju birthmarks, felul, u marki taʼ feriti. Jekk it-​tingiża ma kinitx tweġġaʼ jew ma kienx joħroġ demm minnha, il-​marka kienet titqies bħala li hi taʼ Satana.

Kemm gvernijiet Kattoliċi u kemm Protestanti ppromwovew it-​tiftix għas-​sħaħar, u f’ċerti nħawi, mexxejja Protestanti kienu iktar ħorox mill-​ekwivalenti Kattoliċi tagħhom. Però, maż-​żmien ir-​raġuni bdiet tirbaħ. Pereżempju, fl-​1631, Friedrich Spee, qassis Ġiżwita li kien akkumpanja ħafna nies iġġudikati bħala sħaħar sal-​post fejn kellhom jinħarqu ħajjin, kiteb li fil-​fehma tiegħu ħadd minnhom ma kien ħati. U li kieku t-​tiftix għas-​sħaħar kompla mingħajr trażżin, hu wissa li l-​pajjiż kien se jiżvojta! Sadattant, it-​tobba bdew jirrealizzaw li affarijiet bħal attakki tal-​epilessija setgħu kienu konnessi mas-​saħħa u mhux maʼ pussess demoniku. Matul is-​seklu 17, l-​ammont taʼ ġurijiet naqas ġmielu, u sa tmiem dak is-​seklu, tistaʼ tgħid li spiċċaw għalkollox.

X’nitgħallmu minn dik l-​era tal-​biżaʼ? Lezzjoni importanti hi din: Meta dawk li suppost kienu Kristjani bdew jissostitwixxu t-​tagħlim pur taʼ Ġesù Kristu b’gideb reliġjuż u superstizzjoni, huma fetħu bieb għal ħażen sfrenat. Meta bassret it-​tmaqdir li rġiel żleali bħal dawn kellhom iġibu fuq il-​Kristjanità vera, il-​Bibbja wissiet: “It-​triq tal-​verità tiġi mmaqdra.”—2 Pietru 2:1, 2.

^ par. 2 Il-​kolonji Ewropej kienu jinkludu l-​Ameriki.