Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

SUĠĠETT PRINĊIPALI

L-istress—Kif timmaniġġah

L-istress—Kif timmaniġġah

“Ħassejtni qisni ġurdien niġri ġo rota u ma nasal imkien. Spiss kont naħdem 16-​il siegħa kuljum u rari kelli wikend liberu. Ħassejtni rrabjat għax lil binti ż-​żgħira rieqda biss kont naraha. L-​istress kien qed imarradni.”—Kari, il-​Finlandja.

L-​ESPERJENZA taʼ Kari mhix taʼ barra minn hawn. Skont istituzzjoni karitattiva tas-​saħħa mentali fir-​Renju Unit, 1 minn kull 5 ħaddiema f’dak il-​pajjiż qal li l-​istress marrdu fiżikament matul il-​karriera tiegħu, u l-​pressjoni tax-​xogħol li diffiċli timmaniġġaha wasslet lil 1 minn kull 4 biex jibki waqt ix-​xogħol. Ir-​riċetti tat-​tabib għall-​antidipressanti żdiedu bħal qatt qabel matul sena reċenti taʼ reċessjoni ekonomika.

Xi kkaġunalek l-​istress?

  • Ansjetà—finanzjarja jew xort’oħra

  • Rutina li titlob wisq

  • Konflitti m’oħrajn

  • Esperjenzi trawmatiċi

Kif effettwak l-​istress?

  • Problemi taʼ saħħa

  • Eżawriment emozzjonali

  • Problemi tal-​irqad

  • Dipressjoni

  • Relazzjonijiet li qed jiddeterjoraw

L-​istress jattiva sistema tal-​għaġeb f’ġismek—sistema li tirreaġixxi f’każ t’emerġenza. L-​ormoni jżidulek ir-​rata tan-​nifs, it-​taħbit tal-​qalb, u l-​pressjoni tad-​demm. Barra minn hekk, riservi taċ-​ċelluli tad-​demm u l-​glukosju f’daqqa waħda jimlewlek is-​sistema tad-​demm. Dawn ir-​reazzjonijiet li jiġu waħda wara l-​oħra jippreparawk biex tittratta mal-​istimulu li qed jikkawża l-​istress. Wara li jkun għadda l-​istimulu, ġismek jistaʼ jerġaʼ lura għan-​normal. Imma meta l-​istimulu jibqaʼ hemm, jistaʼ jħallik ansjuż jew b’tensjoni għal żmien twil, bħal magna rrejżjata. Għalhekk, li titgħallem tkampa bl-​istress hu importanti għal saħħa tajba, kemm fiżika u kemm mentali.

L-​immaniġġar tal-​istress

L-​istress fih innifsu mhux neċessarjament jagħmel il-​ħsara. L-​American Psychological Association innotat li: “L-​istress fil-​bniedem jistaʼ jitqabbel mat-​tensjoni taʼ korda taʼ vjolin: jekk ikollha ftit wisq, il-​mużika tinstemaʼ fgata u ħarxa; jekk ikollha żżejjed il-​mużika żżarżar jew tinqataʼ l-​korda. Stress żejjed jistaʼ jikkaġuna l-​mewt imma ammont xieraq taʼ stress jistaʼ jagħmlilna ħajjitna iktar interessanti. Il-​biċċa tax-​xogħol hi kif timmaniġġah.”

Biex inżidu aspett ieħor, in-​nies ivarjaw fit-​temperament u fis-​saħħa ġenerali. Allura, dak li jistressja lil persuna waħda mhux neċessarjament jistressja lil oħra. Minkejja dan, aktarx li tkun stressat iżżejjed jekk ir-​rutina regolari tiegħek tagħmillek tant tensjoni li ma tkunx tistaʼ tirrilassa jew tiffaċċja emerġenza taʼ kultant.

Biex jiġu megħjunin “ikampaw” bi stress kroniku, xi wħud iduru għall-​alkoħol, id-​drogi, jew it-​tipjip. Oħrajn jaqbdu drawwiet mhux normali tal-​ikel jew jintefgħulek quddiem it-​TV jew il-​kompjuter—drawwiet li ma jsolvux il-​problema vera, imma jistgħu fil-​fatt jiggravawha. Kif nistgħu, mela, nimmaniġġaw l-​istress effettivament?

Ħafna nies irnexxielhom jimmaniġġaw l-​istress tal-​ħajja billi japplikaw pariri prattiċi misjubin fil-​Bibbja. L-​għerf stabbilit tagħha jistaʼ jgħinek? Ikkunsidra din il-​mistoqsija fid-​dawl taʼ erbaʼ fatturi komuni li jikkaġunaw l-​istress.

1 L-​ANSJETÀ

Ħadd minna m’għandu sigurtà totali. Kif tgħid il-​Bibbja, “iż-​żmien u l-​ġrajjiet mhux mistennijin jiġu fuq kulħadd.” (Ekkleżjasti 9:11) Kif tistaʼ tkampa b’sentimenti t’ansjetà? Ipprova dawn is-​suġġerimenti.

  • Iftaħ qalbek maʼ membru tal-​familja jew ħabib li tafdah. Xi studji wrew li l-​appoġġ taʼ dawk qribek jagħti protezzjoni konsistenti kontra l-​inkwiet relatat mal-​istress. Iva, “ħabib veru jħobb il-​ħin kollu; huwa ħu mwieled għal meta jkun hemm in-​niket.”—Proverbji 17:17.

  • Tiffokax kontinwament fuq l-​agħar li jistaʼ jiġri. Ħsib bħal dan ma jagħmel xejn ħlief jgħejjik emozzjonalment. U dak li qed tibżaʼ minnu jistaʼ qatt ma jseħħ! Bir-​raġun li l-​Bibbja tgħid: “Qatt tkunu ansjużi dwar l-​għada, għax l-​għada se jkollu l-​ansjetajiet tiegħu.”—Mattew 6:34.

  • Ħu vantaġġ mill-​qawwa tat-​talb. ‘Itfgħu l-​ansjetà kollha tagħkom fuq Alla, għax hu jimpurtah minnkom,’ jgħid l-​1 Pietru 5:7. Alla juri li jimpurtah billi jtina paċi ġewwinija u billi jiżgurana li qatt mhu se ‘jabbanduna’ lil dawk li sinċerament iduru lejh għall-​faraġ u l-​appoġġ fi żmien taʼ bżonn.—Ebrej 13:5; Filippin 4:6, 7.

2 RUTINA LI TITLOB WISQ

Rutina li qatt ma tbatti taʼ vvjaġġar, xogħol, studju, u li tieħu ħsieb tfal jew ġenituri mdaħħlin fiż-​żmien tistaʼ twassal għal stress kontinwu. Iktar minn hekk, mhijiex għażla li twaqqaf uħud minn dawn l-​attivitajiet. (1 Timotju 5:8) Mela x’tistaʼ tagħmel biex tkampa?

  • Ipprova agħti lilek innifsek ħin biex tirrilassa, u strieħ biżżejjed. Il-​Bibbja tgħid: “Aħjar id mimlija bil-​mistrieħ milli tnejn mimlijin bix-​xogħol iebes u l-​ġiri wara r-​riħ.”—Ekkleżjasti 4:6.

  • Agħmel prijoritajiet tajbin, u għix stil taʼ ħajja moderata. (Filippin 1:10) Ikkunsidra li tissimplifika ħajtek, forsi billi tnaqqas l-​ispejjeż jew il-​ħin li tqattaʼ għax-​xogħol.—Luqa 21:34, 35.

Kari, li ssemma qabel, beda jaħsibha mod ieħor. “Irrealizzajt li kelli stil taʼ ħajja egoista,” kiteb hu. Biegħ in-​negozju li kellu u sab xogħol li ppermettielu jqattaʼ iżjed ħin id-​dar. “Il-​livell t’għajxien tagħna naqas xi ftit,” jgħid hu, “imma jien u marti issa ħlisna minn stress kontinwu u għandna iżjed ħin xi nqattgħu mal-​familja u l-​ħbieb. Il-​paċi ġewwinija li għandi ma nbiddilha mal-​ebda opportunità taʼ negozju.”

3 KONFLITTI M’OĦRAJN

Konflitti li jkollok m’oħrajn, speċjalment fuq il-​post tax-​xogħol, jistgħu jkunu stressanti ħafna. Jekk tesperjenza diffikultajiet bħal dawn, hemm numru t’għażliet li jistgħu jkunu t’għajnuna għalik.

  • Meta xi ħadd jinkwetak, ipprova ibqaʼ kalm. Titfax ħatab fuq in-​nar. “Tweġiba, meta tkun ħelwa, tkeċċi l-​korla, imma kelma li tweġġaʼ tqajjem ir-​rabja,” jgħid Proverbji 15:1.

  • Ipprova ssetilja d-​differenzi fil-​privat u bir-​rispett, b’hekk tagħti d-​dinjità lill-​persuna l-​oħra.—Mattew 5:23-​25.

  • Ipprova ifhem is-​sentimenti u l-​ħarsa taʼ dak li jkun. Dehen bħal dan ‘itaffilna r-​rabja’ għax ipoġġina fiż-​żarbun tal-​persuna l-​oħra. (Proverbji 19:11) Jistaʼ wkoll jgħinna naraw lilna nfusna minn kif tarana hi.

  • Ipprova aħfer. Il-​maħfra mhix biss sabiħa. Hi mediċina tajba wkoll. Bħalma ġie rrapportat fi studju fl-​2001, “ħsibijiet mhux maħfurin” irriżultaw fi pressjoni tad-​demm u rata tat-​taħbit tal-​qalb “ogħla mhux ħażin,” filwaqt li attitudni taʼ maħfra naqqset l-​istress.—Kolossin 3:13.

4 ESPERJENZI TRAWMATIĊI

Nieng, li tgħix il-​Kambodja, batiet sensiela taʼ traġedji. Fl-​1974 indarbet meta splodiet bomba f’ajruport. Is-​sena taʼ wara, iż-​żewġt itfal tagħha, ommha, u żewġha kollha mietu. Fl-​2000, id-​dar u affarijiet oħra li kellha nqerdu f’nirien, u tliet snin wara, miet it-​tieni raġel tagħha. Wara dan kollu riedet ittemm ħajjitha.

“Aħjar id mimlija bil-​mistrieħ milli tnejn mimlijin bix-​xogħol iebes”

Madankollu, Nieng sabet kif tistaʼ tkampa. Bħal Kari, hi eżaminat il-​Bibbja u tant ibbenefikat minn dak li tgħallmet li hi mbagħad iddedikat ħin biex tgħin lil ħaddieħor igawdi l-​istess benefiċċji. L-​istorja tagħha tfakkarna fi studju li sar fl-​2008 minn riċerkaturi Ingliżi. Huma sabu li mod wieħed biex “tikkumbatti l-​istress” kien li “b’xi mod jew ieħor tagħti . . . lil ħaddieħor”—parir li ilu żmien appoġġat mill-​Bibbja.—Atti 20:35.

Iżjed minn hekk, Nieng iggwadanjat tama żgura għal futur aħjar, wieħed li fih il-​problemi li jifnu lill-​umanità se jkunu spiċċaw. Minflok, ikun hemm “sliem kotran” mal-​art kollha.—Salm 72:7, 8.

Tama ġenwina u għerf biex tkampa bil-​ħafna stress li ġġib magħha l-​ħajja huma prezzjużi t-​tnejn, u t-​tnejn jinsabu fil-​paġni tal-​Bibbja. Miljuni taʼ nies diġà bbenefikaw minn dan il-​ktieb uniku u rimarkevoli. Int tistaʼ wkoll.